Muniti kommemorattivi ta’ €2
Kull pajjiż jista’ joħroġ żewġ muniti kommemorattivi fis-sena. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi u kwalitajiet u l-istess naħa komuni bħall-muniti normali ta’ €2. Id-differenza tinsab fid-disinn kommemorattiv fuq in-naħa nazzjonali. Id-denominazzjoni ta’ €2 biss tista’ tintuża għall-muniti kommemorattivi.
Il-muniti huma valuta legali fiż-żona tal-euro kollha.
Il-muniti huma valuta legali fiż-żona tal-euro kollha. Dan ifisser li jistgħu jintużaw – u għandhom jiġu aċċettati – bħal kull munita oħra tal-euro.
Il-biċċa l-kbira ta' dawn il-muniti jfakkru l-anniversarji ta' ġrajjiet storiċi jew jiġbdu l-attenzjoni għal ġrajjiet attwali ta' importanza storika. L-ewwel munita kommemorattiva ta' €2 inħarġet mill-Greċja biex tfakkar il-Logħob Olimpiku ta' Ateni fl-2004.
Id-disinn u l-ħruġ tal-muniti huwa fil-kompetenza tal-pajjiżi individwali taż-żona tal-euro. Is-sehem tal-BĊE fejn jidħlu l-muniti kommemorattivi kif ukoll il-muniti l-oħra kollha huwa li japprova l-akbar kwantità ta' muniti li jistgħu joħorġu l-pajjiżi individwali.
Muniti maħruġa mill-pajjiżi taż-żona tal-euro flimkien
S'issa ħarġu erba’ muniti kommemorattivi mill-pajjiżi taż-żona tal-euro flimkien:
- l-ewwel waħda f'Marzu 2007 biex tfakkar il-50 anniversarju tat-Trattat ta' Ruma;
- oħra f'Jannar 2009 biex tiċċelebra l-10 anniversarju tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja;
- oħra f'Jannar 2012 biex tfakkar l-għaxar snin mill-ħruġ tal-ewwel karti u muniti tal-euro.
- u, f’Awwissu 2015, għaċ-ċelebrazzjoni tat-30 anniversarju tal-bandiera Ewropea.
Normalment, kull pajjiż taż-żona tal-euro ma jistax joħroġ iżjed minn żewġ muniti kommemorattivi ta' €2 fis-sena. F'ċirkostanzi eċċezzjonali jingħataw permess joħorġu oħra, sakemm din toħroġ mill-pajjiżi taż-żona tal-euro flimkien u tkun tfakkar ġrajja ta' importanza għall-Ewropa kollha.
Dawn il-muniti jkollhom disinn komuni fuq in-naħa nazzjonali, bl-isem tal-pajjiż li jkun ħariġhom kif ukoll il-ġrajja mfakkra bil-lingwa jew lingwi rispettivi.
MUNITI KOMMEMORATTIVI
MUNITI MAĦRUĠA MILL-PAJJIŻI TAŻ-ŻONA TAL-EURO KOLLHA FLIMKIEN
Aġġornamenti fil-websajt dwar muniti kommemorattivi ta’ €2
B'differenza mill-karti tal-flus, il-muniti tal-euro għadhom fil-kompetenza nazzjonali u mhux tal-BĊE.
Jekk pajjiż taż-żona tal-euro jkun biħsiebu joħroġ munita kommemorattiva ta' €2 irid jgħarraf lill-Kummissjoni Ewropea. Il-pajjiżi taż-żona tal-euro m'għandhomx għalfejn jgħarrfu lill-BĊE. Il-Kummissjoni Ewropea tippubblika t-tagħrif f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (sensiela C) bil-lingwi uffiċjali kollha.
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huwa s-sors awtorevoli li minnu l-BĊE jieħu t-tagħrif dwar il-muniti tal-euro biex jaġġorna l-websajt tiegħu. Il-proċedura tan-notifika, it-traduzzjoni fi 23 lingwa u ż-żmien sal-pubblikazzjoni jwasslu għal dewmien li ma jistax jiġi evitat. Għalhekk, il-paġni dwar il-muniti fil-websajt tal-BĊE mhux dejjem jistgħu jiġu aġġornati malajr daqs kemm ikunu jixtiequ l-utenti.