Muniti kommemorattivi ta’ €2 – 2015

Id-deskrizzjonijiet li jidhru f’din il-paġna ttieħdu minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għalhekk għandhom mnejn ivarjaw xi ftit minn materjal ieħor ippubblikat f’din il-websajt.

Litwanja

€2 naħa kommemorattiva

Tema: Il-lingwa Litwana

Deskrizzjoni: Id-disinn juri l-kelma ‘AČIŪ’ (Grazzi), waħda mill-isbaħ kelmiet fil-lingwa Litwana. Fil-proġett tintuża tipa Litwana oriġinali, maħluqa speċjalment fuq il-bażi tat-tipa Latina fl-okkażjoni taċ-ċentinarju tar-restawr tal-istampa Litwana, sabiex jitqabblu aħjar il-kombinazzjonijiet tal-ittri li jintużaw l-aktar fil-lingwa Litwana. L-ittri kollha tal-lingwa Litwana jidhru fl-isfond tal-kelma ‘AČIŪ’, rappreżentati f’tag cloud. Fil-qiegħ hemm l-isem tal-pajjiż li ħareġ il-munita ‘LIETUVA’ u taħt l-isem hemm is-sena meta ħarġet ‘2015’. Fin-naħa t’isfel fuq il-lemin, taħt il-kelma ‘AČIŪ’, hemm il-marka taz-Zekka Litwana. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 1 miljun munita

Data tal-ħruġ: Diċembru 2015


Andorra

€2 naħa kommemorattiva

Tema: It-30 anniversarju tal-għoti tad-drittijiet politiċi lill-irġiel u n-nisa li jagħlqu t-18-il sena

Deskrizzjoni: Id-disinn juri r-riproduzzjoni parzjali ta’ persuna żagħżugħa titfa’ l-vot tagħha. Id-dokument tal-vot li l-persuna għandha f’idejha jirriproduċi l-iskrizzjoni ‘ANDORRA’. Fuq ix-xellug tal-persuna hemm is-snin tat-tifkira ‘1985’ u ‘2015’ (din tal-aħħar hija wkoll is-sena meta ħarġet il-munita). Skrizzjoni qasira tat-tifkira ddur mad-disinn kollu ‘30è ANIVERSARI MAJORIA D’EDAT ALS 18 ANYS’ (it-30 anniversarju tal-età maġġorenni ta’ 18-il sena). Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 85,000 munita

Data tal-ħruġ: Diċembru 2015


Andorra

€2 naħa kommemorattiva

Tema: Il-25 anniversarju tal-firma tal-Ftehim Doganali mal-Unjoni Ewropea

Deskrizzjoni: Il-parti ta’ fuq tad-disinn turi l-mappa ta’ Andorra bl-istemma tal-Prinċipat ġewwa fiha. Żewġ vleġeġ minsuġin f’direzzjonijiet opposti, simbolu tal-Ftehim Doganali bejn Andorra u l-UE, juru s-snin tat-tifkira ‘1990’ u ‘2015’ (din tal-aħħar hija wkoll is-sena meta ħarġet il-munita) u l-isem tal-pajjiż li ħariġha ‘ANDORRA’. Madwar il-mappa ta’ Andorra tidher l-iskrizzjoni ‘25è aniversari de la Signatura de l' Acord Duaner amb la Unió Europea’ (il-25 anniversarju tal-firma tal-Ftehim Doganali mal-Unjoni Ewropea). Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 85,000 munita

Data tal-ħruġ: Diċembru 2015


Monako

€2 naħa kommemorattiva

Tema: It-800 anniversarju tal-bini tal-ewwel kastell fuq il-blat

Deskrizzjoni: Id-disinn juri torri fuq il-quċċata tal-blat. Fin-naħa ta’ fuq jidher isem il-pajjiż li ħareġ il-munita ‘MONACO’ bejn il-marka taz-zekka ta’ Pariġi u l-marka tal-istampier. Fin-naħa t’isfel hemm l-iskrizzjoni ‘FONDATION DE LA FORTERESSE’ (Fondazzjoni tal-Fortizza) li tinsab bejn is-snin ‘1215’ u ‘2015’. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 10,000 munita

Data tal-ħruġ: Novembru 2015


Belt tal-Vatikan

€2 naħa kommemorattiva

Tema: It-VIII Laqgħa Dinjija tal-Familji

Deskrizzjoni: Id-disinn juri żewġ familji li idealment qegħdin jgħannqu d-dinja kollha. Fin-naħa ta’ fuq hemm is-sena meta ħarġet il-munita ‘2015’. Fuq in-naħa tax-xellug jidher isem l-artist ‘C. Principe’. Il-marka taz-zekka ‘R’ tidher fuq driegħ wieħed mill-membri tal-familja fuq il-lemin. Id-disinn huwa mdawwar bl-iskrizzjoni ‘VIII INCONTRO MONDIALE DELLE FAMIGLIE’ (It-VIII Laqgħa Dinjija tal-Familji) mix-xellug għal-lemin f’nofs tond u ‘CITTÀ DEL VATICANO’ isfel. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 122,000 munita

Data tal-ħruġ: Ottubru 2015


Finlandja

€2 naħa kommemorattiva

Tema: Il-150 anniversarju tat-twelid tal-artist Akseli Gallen-Kallela

Deskrizzjoni: Fin-naħa ta’ fuq tad-disinn jidher ċinju ta’ Tuonela fuq wiċċ l-ilma. L-ilma taħt iċ-ċinju jidher imewweġ mill-ispirtu li nieżel. L-indikazzjoni tal-pajjiż li ħareġ il-munita ‘FI’ tinsab fit-tarf tal-lemin tal-linja orizzontali. Fil-parti t’isfel tad-disinn tidher il-paletta tal-artist u fuqha tidher is-sena tat-twelid ta’ Gallen-Kallela ‘1865’ u s-sena meta ħarġet il-munita ‘2015’. Biswit il-paletta tidher il-marka taz-zekka. Isem l-artist ‘AKSELI GALLEN-KALLELA’ jidher madwar iċ-ċirku ta’ ġewwa tal-munita, taħt il-linja orizzontali. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 500,000 munita

Data tal-ħruġ: Ottubru 2015


Latvja

€2 naħa kommemorattiva

Tema: In-natura fil-periklu — iċ-Ċikonja Sewda

Deskrizzjoni: Id-disinn juri ċikonja sewda (ciconia nigra) li hija kkunsidrata bħala waħda mill-ispeċijiet ewlenin għall-konservazzjoni tan-natura fl-Ewropa. Fl-2005 ġie adottat il-Pjan ta’ Protezzjoni għaċ-Ċikonja Sewda fil-Latvja. Fin-naħa t’isfel tad-disinn hemm l-isem tal-pajjiż li ħareġ il-munita ‘LATVIJA’ u taħtu hemm is-sena meta ħarġet ‘2015’. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 1 miljun munita

Data tal-ħruġ: Ottubru 2015


Slovakkja

€2 naħa kommemorattiva

Tema: Il-200 anniversarju tat-twelid ta’ Ľudovít Štúr

Deskrizzjoni: Id-disinn juri xbieha ta’ wiċċ Ľudovít Štúr. Imnaqqxin fuq in-naħa tal-lemin tax-xbieha, f’linja parallela mat-tarf tal-parti ta’ ġewwa tal-munita, hemm is-sena meta ħarġet ‘2015’ u, aktar lejn il-lemin mat-tarf, isem il-pajjiż li ħariġha ‘SLOVENSKO’. Imnaqqxin fuq in-naħa tax-xellug tax-xbieha, f’linja parallela mat-tarf ta’ ġewwa, hemm id-dati tat-twelid u tal-mewt ta’ Štúr ‘1815–1856’ u, aktar lejn ix-xellug mat-tarf, l-isem ‘ĽUDOVÍT ŠTÚR’. Fil-parti ta’ fuq fin-naħa tal-lemin tad-disinn hemm il-marka taz-Zekka ta’ Kremnica (Mincovňa Kremnica) li tikkonsisti fl-inizjali ‘MK’ imqegħdin bejn żewġ dadi. Fil-parti t’isfel fin-naħa tal-lemin hemm l-ittri stilizzati ‘IŘ’, l-inizjali tad-disinjatur ‘Ivan Řehák’. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 1 miljun munita

Data tal-ħruġ: Ottubru 2015


Pajjiżi taż-żona tal-euro

€2 naħa kommemorattiva €2 naħa kommemorattiva €2 naħa kommemorattiva €2 naħa kommemorattiva €2 naħa kommemorattiva €2 naħa kommemorattiva €2 naħa kommemorattiva €2 naħa kommemorattiva €2 naħa kommemorattiva €2 naħa kommemorattiva €2 naħa kommemorattiva €2 naħa kommemorattiva €2 naħa kommemorattiva €2 naħa kommemorattiva €2 naħa kommemorattiva €2 naħa kommemorattiva €2 naħa kommemorattiva €2 naħa kommemorattiva €2 naħa kommemorattiva

Tema: It-30 anniversarju tal-bandiera Ewropea

Deskrizzjoni: Id-disinn juri l-bandiera tal-Unjoni Ewropea bħala simbolu li jgħaqqad il-popli u l-kulturi permezz ta’ viżjonijiet u ideali għal futur komuni aħjar. It-tnax-il stilla jirrappreżentaw figuri umani qegħdin iħaddnu t-twelid ta’ Ewropa ġdida. Fin-naħa ta’ fuq, fuq il-lemin, f’nofs ċirku hemm isem il-pajjiż li ħareġ il-munita u s-snin ‘1985-2015’. Isfel, fuq il-lemin, hemm l-inizjali tal-artist Georgios Stamatopoulos. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: Ivarja skont il-pajjiż

Data tal-ħruġ: Ottubru 2015


Greċja

€2 naħa kommemorattiva

Tema: 75 sena b’tifkira ta’ Spyros Louis

Deskrizzjoni: Id-disinn juri lil Spyros Louis u t-tazza li biha ġie ppremjat, bl-Istadju Panatenajku fl-isfond. Imnaqqxin max-xifer tan-naħa ta’ ġewwa hemm isem il-pajjiż li ħareġ il-munita ‘REPUBBLIKA ELLENIKA’ u ‘75 SENA B’TIFKIRA TA’ SPYROS LOUIS’ (bil-Grieg). Fuq it-tazza tidher is-sena meta ħarġet il-munita ‘2015’ u fuq il-lemin hemm palmetta (il-marka taz-Zekka Griega). Fin-naħa t’isfel tad-disinn tidher il-monogramma tal-artist Georgios Stamatopoulos. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 750,000 munita

Data tal-ħruġ: Settembru 2015


Malta

€2 naħa kommemorattiva

Tema: Ir-Repubblika ta’ Malta 1974

Deskrizzjoni: Il-munita hija l-aħħar waħda f’serje ta’ ħamsa li jfakkru passi kostituzzjonali Maltin importanti. Malta ġiet iddikjarata Repubblika fit-13 ta’ Diċembru 1974 wara l-bidliet kostituzzjonali li ġew miftiehma mill-maġġoranza kbira tal-Parlament Malti. Id-disinn jirriproduċi rħama mwaħħla mal-faċċata tal-Palazz Presidenzjali fil-Belt Valletta li tfakkar il-bidla ta’ Malta minn monarkija għal repubblika. Fin-naħa ta’ fuq, fuq il-lemin, f’nofs ċirku tidher l-iskrizzjoni ‘MALTA - Republic 1974’. Isfel nett tidher is-sena ‘2015’. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 400,000 munita

Data tal-ħruġ: Settembru 2015


San Marino

€2 naħa kommemorattiva

Tema: Il-25 anniversarju tar-riunifikazzjoni tal-Ġermanja

Deskrizzjoni: Id-disinn juri l-Bieb ta’ Brandenburg, li matul il-Gwerra Bierda kien jinsab f’Berlin tal-Lvant, f’żewġ rappreżentazzjonijiet li huma magħqudin flimkien, bħal żewġ idejn, u huma simbolu tal-għaqda mill-ġdid taż-żewġ partijiet ta’ Berlin. Fuq il-lemin hemm il-marka taz-zekka ‘R’ u fuq ix-xellug l-inizjali tal-artist ‘ES’ (Erik Spiekermann). F’ċirku madwar id-disinn hemm l-iskrizzjoni ‘25o anniversario della riunificazione della Germania 1990-2015’ (il-25 anniversarju tar-riunifikazzjoni tal-Ġermanja) u l-pajjiż u s-sena meta ħarġet il-munita ‘San Marino MMXV’. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 100,000 munita

Data tal-ħruġ: Settembru 2015


Belġju

€2 naħa kommemorattiva

Tema: 2015 – Is-Sena Ewropea għall-Iżvilupp

Deskrizzjoni: Fil-parti ta’ ġewwa tal-munita hemm iddisinjata id iżżomm globu bi pjanta fl-isfond. L-iskrizzjoni ‘2015 EUROPEAN YEAR FOR DEVELOPMENT’ (2015 Is-Sena Ewropea għall-Iżvilupp) tinsab f’nofs tond ’il fuq mill-globu. L-indikazzjoni tan-nazzjonalità ‘BE’ tinsab taħt l-id filwaqt li l-marka tal-istampier u l-marka taz-Zekka ta’ Brussell, profil bl-elmu tal-Arkanġlu Mikiel, huma rappreżentati fuq ix-xellug. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 250,000 munita

Data tal-ħruġ: Settembru 2015


Lussemburgu

€2 naħa kommemorattiva

Tema: Il-125 anniversarju tad-dinastija Nassau-Weilbourg

Deskrizzjoni: Fuq ix-xellug tal-munita hemm ix-xbieha tal-Altezza Rjali Tiegħu l-Gran Duka Henri u fuq il-lemin, f’forma ta’ ċirku u f’ordni kronoloġiku tas-suċċessjoni għat-tron, ix-xbihat tal-Altezzi Rjali Tagħhom il-Gran Duki Adolphe u Guillaume IV, il-Gran Dukessi Marie-Adélaïde u Charlotte u l-Gran Duka Jean. Fuq il-lemin tad-disinn hemm ukoll f’forma ta’ ċirku l-iskrizzjoni ‘1890 – Dynastie Nassau-Weilbourg’. L-indikazzjoni tal-pajjiż li ħareġ il-munita ‘Lëtzebuerg’ u s-sena meta ħarġet ‘2015’, f’pożizzjoni vertikali, jinsabu f’nofs id-disinn. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 1.4 miljun munita

Data tal-ħruġ: Awwissu 2015


Franza

€2 naħa kommemorattiva

Tema: Il-225 sena tal-Fête de la Fédération (il-Festa tal-Federazzjoni)

Deskrizzjoni: Il-festa nazzjonali Franċiża li tgħaqqad il-Franċiżi kollha hija ċ-ċelebrazzjoni tar-Repubblika. Ix-xbieha ewlenija turi l-profil ta’ Marianne ddisinjat b’mod grafiku u modern, l-inkarnazzjoni tar-Repubblika. Hija liebsa l-beritta ta’ Friġja, simbolu tal-libertà. Fuq in-naħa tal-lemin, il-kukkarda bi tliet kuluri hija ddisinjata ’l fuq mill-ittri ‘RF’, l-inizjali tal-pajjiż li ħareġ il-munita. Is-sena hija minquxa f’nofs il-munita. Fuq in-naħa tax-xellug hemm strofa mill-poeżija ‘Liberté’ tal-poeta Franċiż Paul Eluard, b’referenza għall-motto tar-Repubblika. Il-marki taz-zekka jidhru maġenb din is-silta. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 4 miljun munita

Data tal-ħruġ: Lulju 2015


Italja

€2 naħa kommemorattiva

Tema: Is-750 anniversarju tat-twelid ta’ Dante Alighieri 1265-2015

Deskrizzjoni: Id-disinn juri lil Dante bi ktieb miftuħ f’idu x-xellugija u l-muntanja tal-Purgatorju fl-isfond, dettall mill-illustrazzjoni tal-Kummiedja Divina mpittra minn Domenico di Michelino (1417-1491) fil-koppla ta’ Santa Maria del Fiore f’Firenze. Fin-nofs tidher il-monogramma tar-Repubblika Taljana ‘RI’, fuq il-lemin l-iskrizzjoni ‘R’ taz-Zekka ta’ Ruma u isfel jidhru l-iskrizzjoni ‘SP’, l-inizjali ta’ Silvia Petrassi, u d-dati ‘1265 2015’, jiġifieri s-sena tal-anniversarju u ta’ meta ħarġet il-munita rispettivament. L-iskrizzjoni ‘DANTE ALIGHIERI’ tidher minquxa fit-tond. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 3.5 miljun munita

Data tal-ħruġ: Lulju 2015


Portugall

€2 naħa kommemorattiva

Tema: Il-500 sena tal-ewwel kuntatti mat-Timor, illum pajjiż indipendenti fejn in-nies jitħaddtu bil-Portugiż (Timor Lorosae)

Deskrizzjoni: Id-disinn juri bastiment tas-Seklu XVI, li jirrappreżenta l-wasla tal-baħħara Portugiżi fil-gżira, u dar lokali b’saqaf tal-qasbija bi skulturi tipiċi tal-injam, tifkiriet dejjiema tal-miti u l-leġġendi. Dak li jidher fuq il-munita jirrappreżenta l-istorja tal-ewwel abitanti, li waslu bid-dgħajjes minn partijiet oħra tal-kontinent Asjatiku, u l-importanza taż-żwiemel għall-ivvjaġġar fil-muntanji għoljin li jiksu l-biċċa l-kbira tal-gżira. Fin-naħa ta’ fuq, fuq il-lemin, jidhru s-sena ‘1515’ u isem il-pajjiż li ħareġ il-munita ‘PORTUGAL’. Isfel fuq ix-xellug hemm l-iskrizzjoni ‘Timor’ u s-sena ‘2015’. Tidher ukoll il-firma tal-artist Fernando Fonseca. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 520,000 munita

Data tal-ħruġ: Lulju 2015


Portugall

€2 naħa kommemorattiva

Tema: Il-150 Anniversarju tas-Salib l-Aħmar fil-Portugall

Deskrizzjoni: Id-disinn juri kompożizzjoni bbażata fuq is-salib, is-simbolu magħruf tal-organizzazzjoni, imtenni bosta drabi biex jirrappreżenta l-espansjoni tal-azzjoni umanitarja kemm fil-Portugall kif ukoll f’pajjiżi oħra. Fl-isfond, id-disinn ta’ id jissimbolizza l-modi differenti li bihom l-organizzazzjoni tgħin lin-nies, l-aktar b’għajnuna ta’ natura medika iżda wkoll u fost l-oħrajn permezz tal-kooperazzjoni, il-bini u l-assistenza. Fuq in-naħa tax-xellug, f’forma ta’ nofs ċirku, tidher l-iskrizzjoni ‘CRUZ VERMELHA PORTUGUESA’ (is-Salib l-Aħmar Portugiż). Fin-naħa ta’ fuq hemm l-istemma araldika u isem il-pajjiż li ħareġ il-munita ‘PORTUGAL’ u isfel jidhru d-dati ‘1865’ u ‘2015’. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 520,000 munita

Data tal-ħruġ: April 2015


San Marino

€2 naħa kommemorattiva

Tema: Is-750 anniversarju tat-twelid ta’ Dante Alighieri

Deskrizzjoni: Id-disinn ta’ Annalisa Masini juri xbieha ta’ wiċċ Dante, meħuda minn affresk ta’ Botticelli. Fuq il-lemin tax-xbieha tidher wieqfa l-iskrizzjoni ‘DANTE’. Fuq in-naħa tal-lemin taċ-ċirku ta’ ġewwa hemm isem il-pajjiż li ħareġ il-munita ‘SAN MARINO’ f’nofs tond. Bejn dawn iż-żewġ skrizzjonijiet hemm il-marka taz-zekka ‘R’, id-dati ‘1265’ u ‘2015’ u l-inizjali tal-artista ‘AM’. L-istil tal-ittri użat fl-identifikazzjoni tal-pajjiż u s-suġġett tal-munita kien ispirat minn dak tal-ewwel kopji tad-Divina Commedia (il-Kummiedja Divina ta’ Dante). Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 104,000 munita

Data tal-ħruġ: April 2015


Malta

€2 naħa kommemorattiva

Tema: L-ewwel titjira minn Malta

Deskrizzjoni: Il-munita tfakkar pass importanti fl-istorja tal-avjazzjoni Maltija – il-100 sena mill-ewwel titjira minn Malta. Kien fit-13 ta’ Frar 1915 li l-Kaptan Kilmer tar mill-Port il-Kbir fuq idroplan li kien fuq HMS Ark Royal. L-ajruplan niżel fil-port wara titjira ta’ 55 minuta. Il-munita turi l-idroplan tal-Kaptan Kilmer, bil-Ponta tal-Isla, karatteristika prominenti tal-Port il-Kbir, fl-isfond. Fin-naħa ta’ fuq hemm l-iskrizzjoni ‘FIRST FLIGHT FROM MALTA’ (l-Ewwel Titjira minn Malta) f’nofs tond. Fuq il-lemin jidhru s-snin ‘1915-2015’. Isfel fuq ix-xellug tidher l-iskrizzjoni ‘100th ANNIVERSARY’ (il-100 Anniversarju) u l-inizjali tad-disinjatur ‘NGB’ (Noel Galea Bason). Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 300,000 munita

Data tal-ħruġ: Marzu 2015


Lussemburgu

€2 naħa kommemorattiva

Tema: Il-15-il anniversarju tal-inkurunazzjoni tal-Altezza Rjali Tiegħu l-Gran Duka

Deskrizzjoni: Il-munita turi x-xbihat tal-Altezza Rjali Tagħhom il-Gran Duka Henri u l-Gran Dukessa. Is-sena tas-suċċessjoni ‘2000’, il-pajjiż li ħareġ il-munita ‘Luxembourg’ u s-sena meta ħarġet ‘2015’ jidhru fin-naħa ta’ fuq tal-munita. Taħthom tidher l-iskrizzjoni ‘15e anniversaire de l’accession au trône de S.A.R. le Grand-Duc’ (il-15-il anniversarju tal-inkurunazzjoni tal-Altezza Rjali Tiegħu l-Gran Duka). Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 1.4 miljun munita

Data tal-ħruġ: Marzu 2015


Italja

€2 naħa kommemorattiva

Tema: L-EXPO ta’ Milan 2015

Deskrizzjoni: Id-disinn juri kompożizzjoni li tissimbolizza l-fertilità tad-Dinja: fuq nofs ċirku li juri l-isfera terrestri tidher żerriegħa msoqqija bl-ilma tistenna li tinbet. ’Il fuq mid-Dinja, dielja, rimja taż-żebbuġ u sbula jidhru ħerġin minn zokk ta’ siġra. Madwarhom hemm l-iskrizzjoni ‘NUTRIRE IL PIANETA’ (Nitimgħu l-pjaneta). Fuq ix-xellug jidhru l-inizjali tad-disinjatriċi Maria Grazia Urbani ‘MGU’ u fuq il-lemin il-monogrammi tar-Repubblika Taljana ‘RI’ u taz-Zekka ta’ Ruma ‘R’. Fin-nofs jidher il-logo tal-EXPO MILANO 2015. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 3.5 miljun munita

Data tal-ħruġ: Marzu 2015


Spanja

€2 naħa kommemorattiva

Tema: Is-Siti Dinjin tal-Wirt Kulturali u Naturali tal-Unesco – l-Għar ta’ Altamira

Deskrizzjoni: Id-disinn ewlieni juri t-tpinġija ta’ gemus (buflu) mill-Għar ta’ Altamira li jinsab fil-Kantabrija, Spanja. Fuq ix-xbieha, għat-tond u b’ittri kbar, tidher il-kelma ‘ESPAÑA’, il-pajjiż li ħareġ il-munita, u fuq il-lemin tagħha l-marka taz-zekka, filwaqt li taħt ix-xbieha tidher is-sena meta ħarġet il-munita ‘2015’. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 8 miljun munita

Data tal-ħruġ: Frar 2015


Ġermanja

€2 naħa kommemorattiva

Tema: Il-25 anniversarju tal-Unità tal-Ġermanja

Deskrizzjoni: In-nies fuq quddiem, li jirrappreżentaw bidu ġdid u l-progress lejn ġejjieni aħjar, jinsabu bilwieqfa quddiem il-Bieb ta’ Brandenburg, simbolu tal-unità Ġermaniża. Il-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni Wir sind ein Volk (Aħna poplu wieħed) – espressjoni kollettiva tar-rieda taċ-ċittadini Ġermaniżi – tirrappreżenta t-triq ’il quddiem lejn ir-riunifikazzjoni tal-Ġermanja. Il-parti ta’ ġewwa fiha wkoll il-marka taz-zekka rispettiva (A, D, F, G jew J) kif ukoll il-kodiċi tal-pajjiż li ħareġ il-munita ‘D’ u l-marka tal-inċiżur (l-inizjali ‘BW’ – Bernd Wendhut). Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 30 miljun munita

Data tal-ħruġ: Jannar 2015


Ġermanja

€2 naħa kommemorattiva

Tema: Hessen, mis-sensiela ‘Länder’ (Reġjuni)

Deskrizzjoni: Id-disinn juri perspettiva klassika tal-Knisja ta’ San Pawl fi Frankfurt am Main. ‘Paulskirche’ kienet is-sede tal-ewwel korp leġiżlattiv tal-Ġermanja elett b’mod ħieles fl-1849 u titqies bħala l-benniena tad-demokrazija Ġermaniża. Il-perspettiva murija hija dik li għandha l-akbar valur ta’ rikonoxximent. Id-disinn joħroġ b’mod inċiżiv it-tensjoni bejn it-torri dominanti u l-istruttura ellittika tal-knisja. It-taraġ kemxejn esaġerat għandu kwalità invitanti u fl-istess ħin joffri appoġġ għall-iskrizzjoni ta’ taħtu ‘HESSEN’ (l-Istat Federali fejn tinsab il-Knisja ta’ San Pawl). Il-parti ta’ ġewwa fiha wkoll is-sena ‘2015’ meta ħarġet il-munita u l-marka taz-zekka rispettiva (A, D, F, G jew J) fuq in-naħa tax-xellug kif ukoll l-indikazzjoni tal-pajjiż li ħariġha ‘D’ u l-marka tal-inċiżur (l-inizjali ‘HH’ – Heinz Hoyer) fuq in-naħa tal-lemin. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 30 miljun munita

Data tal-ħruġ: Jannar 2015


Slovenja

€2 naħa kommemorattiva

Tema: Emona-Ljubljana

Deskrizzjoni: Ix-xbieha ewlenija tal-munita hija l-kompożizzjoni tal-ittri li jiffurmaw il-kelma ‘EMONA’ jew ‘AEMONA’ u d-disinn stilizzat ta’ Emona. Fin-naħa t’isfel għat-tond tidher l-iskrizzjoni ‘EMONA LJUBLJANA SLOVENIJA 2015’. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 1 miljun munita

Data tal-ħruġ: Jannar 2015


Franza

€2 naħa kommemorattiva

Tema: L-Ewropa bennejja tal-paċi u s-sigurtà mill-1945

Deskrizzjoni: F’nofs il-munita hemm rappreżentazzjoni grafika u moderna ta’ ħamiema. F’munqarha qiegħda żżomm fergħa taż-żebbuġ, is-simbolu tal-paċi. Minflok il-weraq hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea. It-28 pajjiż tal-Unjoni Ewropea huma rappreżentati permezz tal-kodiċi ISO tagħhom. L-ittri tal-pajjiż li ħareġ il-munita ‘RF’ (République Française) jinsabu fin-naħa t’isfel filwaqt li l-marki taz-zekka jinsabu fuq in-naħa tax-xellug u s-sena meta ħarġet ‘2015’ fuq il-lemin. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 4 miljun munita

Data tal-ħruġ: Jannar 2015


Finlandja

€2 naħa kommemorattiva

Tema: Il-150 anniversarju tat-twelid tal-kompożitur Jean Sibelius

Deskrizzjoni: Fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-munita hemm sema bl-istilel, u fuq in-naħa tal-lemin hemm qċaċet tas-siġar. L-isem ‘JEAN SIBELIUS’ u s-sena meta ħarġet il-munita ‘2015’ jidhru fuq in-naħa tax-xellug tal-parti ta’ ġewwa tal-munita. Fuq in-naħa tal-lemin hemm l-indikazzjoni tal-pajjiż li ħariġha ‘FI’ u l-marka taz-zekka. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 1 miljun munita

Data tal-ħruġ: Jannar 2015


Latvja

€2 naħa kommemorattiva

Tema: Il-Presidenza Latvjana tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Deskrizzjoni: Id-disinn juri l-logo uffiċjali tal-Presidenza Latvjana tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Il-logo huwa kkomplementat bil-kitba ‘LATVIJAS PREZIDENTŪRA ES PADOMĒ’ (il-Presidenza Latvjana tal-Kunsill tal-UE) u l-websajt tal-Presidenza ‘EU2015.LV’. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 2 miljun munita

Data tal-ħruġ: Jannar 2015