European Central Bank - eurosystem
Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

L-istrateġija tal-Eurosistema dwar il-flus kontanti

Aħna ninsabu impenjati favur il-flus kontanti u biex niżguraw li dejjem ikun hemm il-possibbiltà li jsir ħlas bi flus pubbliċi.

Il-flus kontanti huma parti importanti mil-libertà tiegħek li tagħżel kif tħallas u essenzjali għall-inklużjoni finanzjarja tal-gruppi kollha fis-soċjetà. L-istrateġija tagħna dwar il-flus kontanti għandha l-għan li tiżgura li l-flus kontanti jibqgħu disponibbli b’mod wiesa’ u aċċettati kemm bħala mezz ta’ ħlas kompetittiv u affidabbli kif ukoll bħala ħażna ta’ valur.

Il-karti tal-flus u l-muniti tal-euro huma valuta legali fiż-żona tal-euro, u l-flus kontanti huma l-unika forma ta’ flus pubbliċi li għalihom kulħadd jista’ jkollu aċċess dirett. Il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali – magħrufa wkoll bħala l-Eurosistema – għandhom responsabbiltà fundamentali, flimkien mas-settur bankarju, biex jiżguraw il-provvista bla xkiel tal-flus kontanti u jiffaċilitaw l-użu tal-flus kontanti fil-ħlasijiet min-nies u n-negozji.

Qed nissalvagwardjaw il-futur tal-flus kontanti b’diversi modi.


Aħna niżguraw d-disponibbiltà tal-flus kontanti tal-euro

Naħdmu biex niżguraw li l-karti tal-flus u l-muniti tal-euro jkunu disponibbli għall-pubbliku f’kull ħin. Il-banek ċentrali nazzjonali kollha joffru servizzi ta’ flus kontanti bla ħlas madwar il-pajjiżi tagħhom kollha u jaħdmu wkoll biex iċ-ċiklu tal-flus kontanti jkun kost effiċjenti kemm jista’ jkun. Aħna nqisu wkoll il-ħtiġijiet tas-swieq internazzjonali billi bejn 30% u 50% tal-karti tal-flus tal-euro jiċċirkolaw barra ż-żona tal-euro. Anki jekk fil-futur jinħareġ l-euro diġitali, dan se jeżisti flimkien mal-flus kontanti.

Aħna nappoġġaw l-aċċess għal servizzi bi flus kontanti għal kulħadd

Irridu li ċ-ċittadini u n-negozji jkollhom aċċess għall-flus tagħhom stess, ikunu xi jkunu l-preferenzi u l-bżonnijiet tal-ħlas tagħhom. Biex dan iseħħ, il-banek għandhom jipprovdu servizzi adegwati ta’ flus kontanti, inklużi ġbid ta’ flus kontanti b’xejn jew bl-impożizzjoni biss ta’ tariffa raġonevoli. Aħna nappoġġaw ukoll lill-bejjiegħa bl-imnut li jipprovdu servizzi ta’ flus kontanti komplementari bħal "flus kontanti lura" jew li jiffaċilitaw il-ġbid u d-depożiti limitati ta' flus kontanti. Aħna ngħinu lis-settur bankarju meta jkollu jieħu ħsieb żidiet f'daqqa fid-domanda għall-karti tal-flus u niżguraw li l-flus kontanti jistgħu jiffunzjonaw bħala strument ta’ ħlas ta’ riżerva f'każ li l-pagamenti elettroniċi ma jkunux disponibbli temporanjament.

Aħna niżguraw li l-flus kontanti jiġu aċċettati kullimkien

Il-biċċa l-kbira tan-nies fiż-żona tal-euro jikkunsidraw li huwa importanti li jkunu jistgħu jħallsu bil-flus kontanti. Li jiġi żgurat li l-flus kontanti jkunu aċċettati kullimkien huwa għalhekk parti vitali tas-sistema tal-ħlas u huwa wkoll konformi mal-istatus tal-flus kontanti bħala valuta legali. Dan jippermetti lill-konsumaturi l-libertà li jagħżlu kif iħallsu u jfisser li n-nies li m'għandhomx aċċess għall-ħlasijiet elettroniċi ma jkunux żvantaġġati. Il-bejjiegħa bl-imnut, in-negozjanti u negozji privati oħra ma jistgħux jirrifjutaw il-ħlasijiet bi flus kontanti, sakemm iż-żewġ partijiet ma jkunux qablu dwar mezzi oħra ta’ ħlas. B’mod ġenerali, l-awtoritajiet pubbliċi u l-fornituri tas-servizzi għandhom ukoll jaċċettaw il-flus kontanti, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor mil-liġi.

Aħna niżviluppaw u noħorġu karti tal-flus tal-euro innovattivi u siguri

Il-karti tal-flus tal-euro huma protetti bl-aktar teknoloġiji reċenti u effettivi biex ikunu reżistenti ħafna għall-falsifikazzjoni u faċli biex jiġu awtentikati. Aħna niżguraw l-awtentiċità u l-kwalità għolja tal-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u ninfurzaw standards stretti dwar kif il-banek u l-kaxxiera professjonali jiċċekkjawhom u jawtentikawhom. Il-programm PERICLES tal-Kummissjoni Ewropea qed jinkoraġġixxi wkoll l-iżvilupp ta’ karatteristiċi ta’ sigurtà għal aġġornamenti potenzjali futuri tad-denominazzjonijiet attwali tal-muniti tal-euro. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, għandna l-għan li d-disinn tal-karti tal-flus tal-euro jkun wieħed li l-Ewropej jistgħu jidentifikaw miegħu.

Aħna nżommu l-karti tal-flus siguri u sostenibbli

Niżguraw li kemm l-użu kif ukoll il-produzzjoni tal-karti tal-flus ikunu sikuri billi nirriċerkaw u neżaminaw l-impatt potenzjali tal-produzzjoni u ċ-ċirkolazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro fuq is-saħħa pubblika.

Ir-riċerka bħall-istudju dwar l-Impronta Ambjentali tal-Prodott tippermettilna niżguraw li l-flus kontanti jibqgħu kemm jista’ jkun sostenibbli u favorevoli għall-ambjent. Dan iseħħ billi tgħinna nidentifikaw opportunitajiet biex innaqqsu aktar l-impatt ambjentali tal-karti tal-flus permezz ta’ teknoloġiji u proċessi ġodda.

Il-paġni kollha f’din it-taqsima