Kooperazzjoni Ewropea
Il-BĊE hu istituzzjoni tal-UE, iżda minħabba l-istatus indipendenti u r-responsabbiltajiet speċifiċi tiegħu, għandu post speċjali fi ħdan il-qafas istituzzjonali tal-UE.
It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jagħti mandat ċar lill-BĊE: iż-żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet kif ukoll għadd ta' kompiti oħra. Biex il-BĊE jkun jista’ jaqdi l-mandat u l-kompiti tiegħu, it-Trattat jagħtih indipendenza sħiħa minn kull indħil politiku.
Minħabba l-indipendenza u l-kompetenza esklussiva tal-BĊE biex jiddefinixxi u jmexxi l-politika monetarja, ir-relazzjonijiet tiegħu ma' korpi deċiżjonali huma bilfors limitati għal djalogu mhux vinkolanti. Fl-istess ħin, ir-rekwiżiti tar-responsabbiltà definiti fit-Trattat jiżguraw li jassumi responsabbiltà sħiħa għall-azzjoni tiegħu fil-konfront taċ-ċittadini tal-UE u tar-rappreżentanti eletti tagħhom.
Relazzjonijiet ma' istituzzjonijiet Ewropej
Id-djalogu bejn il-BĊE u leġiżlaturi u sħab soċjali oħra jagħti l-opportunità lill-BĊE jikseb informazzjoni u tagħrif u jfisser id-deċiżjonijiet tiegħu tal-politika monetarja, waqt li jippermetti lill-kontropartijiet jifhmu aħjar l-azzjonijiet tal-BĊE u kif l-azzjonijiet tagħhom stess isostnu l-proċess tal-formazzjoni tal-prezzijiet. Din l-interazzjoni ttejjeb il-mogħdija tal-informazzjoni, tgħin biex il-fehmiet reċiproċi fuq il-linja politika jinftiehmu aħjar u tippermetti djalogu dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni, b’rispett sħiħ għar-responsabbiltajiet rispettivi.
Għal dan il-għan, il-BĊE għandu relazzjonijiet mal-istituzzjonijiet Ewropej li ġejjin.
Minbarra l-indipendenza, il-BĊE għandu, fl-istess proporzjon, obbligi ta' responsabbiltà u rappurtar li jippermettu skrutinju demokratiku tal-miżuri li jieħu biex iwettaq il-mandat tiegħu kif previst fit-Trattati. Il-BĊE jispjega d-deċiżjonijiet tiegħu u r-raġunament għalihom liċ-ċittadini tal-UE u r-rappreżentanti eletti tagħhom. Il-Parlament Ewropew, li hu elett direttament miċ-ċittadini tal-Ewropa, għandu rwol ewlieni biex jara li l-BĊE jirrispetta dawn ir-responsabbiltajiet. Tagħrif dettaljat ieħor dwar il-kwittanza tal-obbligi ta’ responsabbiltà tal-BĊE jinsab f'taqsima speċifika. Il-President tal-Bord Superviżorju jattendi laqgħat pubbliċi u skambji ta' veduti mal-Parlament Ewropew dwar suġġetti superviżorji bħala parti mir-responsabbiltà tal-BĊE għas-superviżjoni bankarja. Il-Parlament Ewropew hu involut ukoll fil-proċedura tal-ħatra tal-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE u tal-President u l-Viċi President tal-Bord Superviżorju tal-BĊE billi jagħti l-opinjoni tiegħu dwar il-kandidati rakkomandati mill-Kunsill tal-UE.
Il-President tal-BĊE jiġi mistieden jattendi l-laqgħat tal-Kunsill tal-UE kull meta jiġu diskussi kwistjonijiet relatati mal-għanijiet u d-dmirijiet tas-SEBĊ, kif stabbilit fl-Artikolu 284 tat-Trattat. Dan normalment iseħħ fil-Kunsill ECOFIN, li hu magħmul mill-ministri tal-ekonomija u l-finanzi tal-Istati Membri kollha tal-UE. Barra dan, il-President tal-BĊE jiġi mistieden regolarment għal-laqgħat tal-Eurogrupp, il-laqgħat informali ta’ kull xahar tal-ministri tal-finanzi taż-żona tal-euro. Il-President tal-Bord Superviżorju jattendi laqgħat pubbliċi speċifiċi għal skambji ta' veduti dwar kwistjonijiet superviżorji bħala parti mir-responsabbiltà tal-BĊE għas-superviżjoni bankarja.
Il-BĊE jattendi wkoll il-laqgħat tal-korpi li jħejju l-laqgħat imsemmijin hawn fuq. Imbagħad, it-Trattat jipprevedi li l-leġiżlaturi tal-UE jattendu – mingħajr id-dritt tal-vot – il-laqgħat tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE.
Waħda oħra mill-kontropartijiet ewlenin tal-BĊE hi l-Kummissjoni Ewropea, li hi l-għassiesa tat-Trattati tal-UE u l-inizjatur tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Id-djalogu bejn il-Kummissjoni u BĊE hu ta' importanza partikolari minħabba r-rwol tal-Kummissjoni Ewropea fil-koordinazzjoni tal-politika ekonomika u d-dmirijiet tagħha fir-rigward tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni, u b'mod partikolari l-leġiżlazzjoni finanzjarja, il-BĊE jiġi konsultat regolarment mill-Kummissjoni dwar proposti leġiżlattivi jew inizjattivi oħra. Membru wieħed tal-Kummissjoni jista' jattendi l-laqgħat tal-Kunsill Governattiv tal- BĊE, iżda mingħajr id-dritt tal-vot. Isiru kuntatti oħra fil-kuntest tal-laqgħat tal-korpi tal-UE u taż-żona tal-euro msemmijin hawn fuq, li fihom jieħdu sehem kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-BĊE.
Bħall-istituzzjonijiet l-oħra kollha tal-UE, il-BĊE hu soġġett għad-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.
Barra dan, l-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE jipprevedi żewġ livelli ta’ kontroll estern minn awdituri. Minn naħa waħda, jinħatar awditur estern indipendenti biex jivverifika l-kontijiet annwali tal-BĊE. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri teżamina l-effiċjenza operazzjonali tal-ġestjoni tal-BĊE. Barra dan, il-BĊE jidħol fl-ambitu tal-iskema tal-UE kontra l-frodi.
Il-BĊE jżomm relazzjonijiet mill-qrib mad-diversi awtoritajiet tal-UE fi ħdan l-oqsma tal-kompetenza tiegħu. L-aktar ħaġa importanti hi li l-BĊE jikkollabora mill-qrib mal-awtoritajiet , li jiffurmaw parti mis-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza Finanzjarja (SESF), li tinkludi t-tliet awtorijajiet Ewropej mikroprudenzjali ta’ sorveljanza (AESi) u l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS). Il-BĊE jipprovdi s-segretarjat għall-BERS u joffri sostenn analitiku, amministrattiv u loġistiku. Fil-qasam tar-riżoluzzjoni bankarja, il-BĊE jżomm relazzjonijiet ta' ħidma mill-qrib mal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB). Bħala parti mir-rwol tiegħu fis-sorveljanza tal-implimentazzjoni ta' programmi ta' aġġustament makroekonomiku għal Stati Membri li jeħtieġu sostenn finanzjarju, il-BĊE jikkollabora wkoll mal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES).
Il-BĊE jiltaqa' mas-sħab soċjali tal-UE fi ħdan il-qafas tad-Djalogu Makroekonomiku, li twaqqaf mill-Kunsill Ewropew f’Ġunju 1999. Permezz ta’ dan id-djalogu, il-BĊE jfisser il-linja politika tiegħu u b’hekk ikun qiegħed jagħti kontribut biex l-aspettattivi dwar l-inflazzjoni jkunu ankrati fis-sod, u jikseb tagħrif minn ras il-għajn mingħand is-sħab soċjali dwar kwistjonijiet ta' interess reċiproku.
Barra minn hekk, f’dawk il-kompiti fejn il-BĊE jaqsam il-kompetenza ma’ istituzzjonijiet jew korpi oħra tal-UE (ngħidu aħna, fil-qasam tal-istatistika), it-Trattat jitlob b’mod espliċitu li jkun hemm kooperazzjoni bejn il-BĊE u l-istituzzjonijiet jew il-korpi konċernati. Il-BĊE jagħti wkoll il-fehma tiegħu dwar abbozzi ta’ liġijiet tal-UE u nazzjonali ta’ rilevanza għas-SEBĊ (Opinjonijiet tal-BĊE) u jista' jipproponi leġiżlazzjoni tal-UE jew jaġixxi bħala leġiżlatur tal-UE f'każijiet speċifiċi.