Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Karti tal-flus futuri

Wara 20 sena, wasal iż-żmien li nirrevedu d-dehra tal-karti tal-flus tagħna biex nagħmluhom aktar relatabbli għall-Ewropej ta’ kull età u sfond.

Christine Lagarde, President tal-BĊE

Il-karti tal-flus tal-euro jintużaw kuljum minn miljuni ta’ nies. Biex nagħmlu ċert li jibqgħu sikuri, faċli biex jiġu ġestiti u aċċessibbli għal kulħadd, isiru rieżamijiet perjodiċi. Fl-aħħar mill-aħħar, dan jista’ jwassal għad-deċiżjoni li tinħareġ serje ġdida ta’ karti tal-flus. Disinn mill-ġdid huwa l-ewwel pass f’dan il-proċess, u għall-karti tal-flus tal-euro kurrenti, wasal iż-żmien.

Id-deċiżjoni finali dwar l-apparenza viżiva għas-serje tal-karti tal-flus li jmiss tagħna hija mistennija mhux aktar tard minn kmieni fl-2027 meta se jibda x-xogħol tekniku. Dan ifisser li se jkun bosta snin qabel ma l-karti tal-flus il-ġodda jsibu triqthom fil-bwiet tan-nies. 

Sir af aktar dwar l-iskeda taż-żmien għall-karti tal-flus iddisinjati mill-ġdid

Għaliex hemm bżonn li l-karti tal-flus tal-euro jiġu ddisinjati mill-ġdid?

Disinn mill-ġdid jgħinna nżommu ruħna aġġornati billi nirrispondu għall-ħtiġijiet u għall-istenniji li qed jevolvu. B’mod partikolari, jgħinna:

Jirriflettu l-identità u l-valuri tal-Ewropa

Il-karti tal-flus tal-euro huma riflessjoni tanġibbli tal-identità, tad-diversità u tal-valuri komuni tal-Ewropa. Motifi aktar relatabbli jistgħu saħansitra jkomplu jsaħħu r-rabta bejn l-Ewropej u l-munita tagħhom.

Jibqgħu aġġornati mat-tekniki ta’ ffalsifikar

It-teknoloġija tevolvi, u l-karti tal-flus tal-euro jadattaw għaliha. Serje ġdida tintroduċi karatteristiċi ta’ sigurtà avvanzati, li jagħmluhom aktar diffiċli biex jiġu ffalsifikati u aktar faċli biex jiġu vverifikati minn kulħadd.

Titjib tal-inklużjoni u tal-aċċessibbiltà

Il-karti tal-flus tal-euro għandhom ikunu faċli biex jintużaw minn kulħadd. Id-disinn mill-ġdid joffri opportunità biex jittejbu l-karatteristiċi li jagħmlu l-karti tal-flus aktar faċli biex jintgħarfu u biex jiġu mmaniġġjati, u dan jgħin biex jiġi żgurat li l-flus kontanti jibqgħu mezz ta’ ħlas aċċessibbli.

Tisħiħ tas-sostenibbiltà ekoloġika u ekonomika

Peress li karta tal-flus tal-euro se tbiddel l-idejn għexieren ta’ drabi tul ħajjitha, trid tkun durabbli fl-użu ta’ kuljum. Serje ġdida tal-euro hija opportunità biex tiġi ottimizzata l-produzzjoni u biex jittejbu s-sostenibbiltà ekoloġika u d-durabbiltà tagħhom.

Temi u motifi

Fit-30 ta’ Novembru 2023, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE ddeċieda li jimxi għall-fażi li jmiss tal-proċess tad-disinn mill-ġdid. Intgħażlu żewġ temi possibbli: “Kultura Ewropea” u “Xmajjar u għasafar”. Il-motifi assoċjati ntgħażlu f’Jannar 2025.

Il-kultura Ewropea

Il-wirt kulturali għani tal-Ewropa u s-setturi kreattivi u kulturali dinamiċi tiegħu jsaħħu l-identità Ewropea kondiviża tagħna, u jsawru sens kondiviż ta’ appartenenza. Il-kultura tippromwovi valuri komuni, inklużjoni u djalogu fl-Ewropa u lil hinn. Tgħaqqad lin-nies.

Xmajjar u għasafar

Ix-xmajjar u l-għasafar ma jagħrfux fruntieri, jissimbolizzaw il-libertà u l-għaqda fost l-Ewropej u l-konnessjoni tagħna man-natura. L-Ewropa għandha varjetà wiesgħa ta’ xmajjar u għasafar li jispirawna u jfakkruna fir-responsabbiltà tagħna li nħarsu l-ambjent.

Il-konkors tad-disinn u l-passi futuri

Konkors tad-disinn

Fil-15 ta’ Lulju 2025, tnieda konkors tad-disinn għall-karti tal-flus tal-euro futuri, li stieden lid-disinjaturi minn madwar l-Ewropa biex jipparteċipaw. Ġurija indipendenti tal-Konkors tad-Disinn ivvalutat is-sottomissjonijiet kollha u għażlet l-aħjar proposti li għandhom jiġu kkunsidrati għal serje futura ta' karti tal-flus tal-euro.

Stqarrija għall-istampa dwar il-konkors tad-disinn

Stħarriġ pubbliku

Wara li jintemm il-konkors, se nniedu stħarriġ pubbliku biex niġbru l-fehmiet dwar id-disinji fuq il-lista l-qasira. Il-Kunsill Governattiv se jikkunsidra dan il-feedback qabel ma jħabbar il-proposta tad-disinn finali, mistennija sa tmiem l-2026.

EuroMatters: il-Podcast tal-BĊE

Il-karti tal-flus tal-euro futuri, spakkjati

Kont taf li l-karti tal-flus tal-euro qed jingħataw dehra ġdida?  Kif se jidhru l-karti tal-flus tal-euro futuri, għaliex għandna bżonnhom, u meta nistgħu nibdew nużawhom?iL-preżentatriċi tagħna, Stefania Secola, tagħmel dawn il-mistoqsijiet lill-espert tal-komunikazzjonijiet tal-karti tal-flus Sarai Artiles.

Isma’ "Future euro banknotes, unpacked"

Ara dak li qal il-pubbliku sa issa

Minn meta nbeda l-proċess ta’ disinn mill-ġdid, diġà kkonsultajna lill-pubbliku Ewropew darbtejn, bl-istħarriġiet tal-pubbliku ta’ dan is-sajf ikunu l-aħħar żmien meta dan se jerġa’ jsir. Ara l-preferenzi mleħħna mill-pubbliku sa mit-tnedija tal-proċess ta’ disinn mill-ġdid.

ARA WKOLL

Aktar dwar il-karti tal-flus futuri

Il-fehma tal-esperti dwar it-temi

Rapport mill-Grupp Konsultattiv dwar it-Temi

Il-fehma tal-esperti dwar il-motifi

Rapport mill-Grupp Konsultattiv dwar il-Motifi

Trid tkun taf aktar dwar il-proċess tad-disinn mill-ġdid?

Mistoqsijiet komuni dwar id-disinn mill-ġdid tal-karti tal-flus tal-euro

Il-paġni kollha f’din it-taqsima