Naħat nazzjonali

50 ċenteżmu

Andorra

Andorra ffirmat Ftehim Monetarju mal-Unjoni Ewropea fit-30 ta' Ġunju 2011. B'hekk Andorra tista' tuża l-euro bħala munita uffiċjali u toħroġ il-muniti tal-euro tagħha. Fuq il-muniti kollha jidhru t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Fuq il-muniti tal-10 ċenteżmi, 20 ċenteżmu u 50 ċenteżmu hemm il-knisja Romaneska ta' Santa Coloma.

Andorra


Awstrija

L-Awstrija għażlet li tipproduċi sensiela ta’ muniti li juru fjuri, arkitettura u nies famużi mill-istorja tagħha. Id-disinji ntgħażlu minn ġurija nazzjonali wara stħarriġ tal-opinjoni pubblika. L-artist Awstrijak Josef Kaiser ħoloq id-disinji. Din il-munita turi l-Bini tas-Seċessjoni fi Vjenna, li jfakkar it-twelid tal-art nouveau fl-Awstrija. Il-bini huwa simbolu tat-twelid ta' żmien ġdid u jirrappreżenta pont għal era monetarja ġdida.

Awstrija


Belġju

Il-muniti tal-euro tal-Belġju ġew iddisinjati minn Jan Alfons Keustermans, Direttur tal-Akkademja Muniċipali tal-Arti ta' Turnhout. Hemm tliet sensiliet ta' muniti fiċ-ċirkolazzjoni li kollha huma validi.

Fl-ewwel sensiela jidher ir-Re Albert II fil-parti ta' ġewwa tal-munita filwaqt li l-monogramma rjali, "A" kbira taħt kuruna, fost it-12-il stilla simbolu tal-Ewropa u s-sena tal-ħruġ jidhru fil-parti ta' barra.

Fl-2008 il-Belġju għamel bidla żgħira fid-disinn biex jikkonforma mal-linji gwida tal-Kummissjoni Ewropea. Il-muniti tat-tieni sensiela wkoll juru lir-Re Albert II, iżda l-monogramma rjali u s-sena tal-ħruġ issa jidhru fil-parti ta' ġewwa tal-munita flimkien mal-marki taz-zekka u l-kodiċi tal-pajjiż għall-Belġju "BE".

Fl-2014 il-Belġju introduċa t-tielet sensiela ta' muniti tal-euro li juru lir-Re Philippe, il-monogramma rjali tiegħu "FP" u l-kodiċi tal-pajjiż għall-Belġju "BE". Il-marki taz-zekka jidhru fuq kull naħa tas-sena tal-ħruġ.

Belġju


Belt tal-Vatikan

Hemm erba' sensiliet ta' muniti tal-Belt tal-Vatikan fiċ-ċirkolazzjoni li kollha huma validi.

L-ewwel sensiela, li ġġib ix-xbieha tal-Papa Ġwanni Pawlu II, ħarġet bejn l-2002 u l-2005.

It-tieni sensiela, maħruġa bejn Ġunju 2005 u Marzu 2006, għandha l-istemma araldika tal-Kardinal Ċambellan, l-aġent Kap tal-Istat tal-Belt tal-Vatikan, li hija stampata fuq l-emblema tal-Kamra Appostolika f'nofs il-munita. Il-kliem "SEDE VACANTE" (Sede Papali Vakanti) u s-sena tal-ħruġ b’numri Rumani "MMV" jiffurmaw nofs ċirku madwar il-parti ta’ fuq tad-disinn. L-isem tad-disinjatur "D. LONGO" jidher fix-xifer t’isfel fuq ix-xellug tad-disinn ċentrali filwaqt li l-inizjali tal-intaljaturi rispettivi jidhru fix-xifer t’isfel fuq il-lemin, i.e. "MAC inc" (fuq il-muniti ta’ 1 ċenteżmu u 20 ċenteżmu), "LDS inc" (fuq il-muniti ta’ 2 ċenteżmi u 50 ċenteżmu), "ELF inc" (fuq il-muniti ta’ 5 ċenteżmi u €1) u "MCC inc" (fuq il-muniti ta’ 10 ċenteżmi u €2).

It-tielet sensiela, li ħarġet bejn April 2006 u Diċembru 2013, turi xbieha tal-Papa Benedittu XVI. Fuq ix-xellug hemm l-inizjali tad-disinjatur "DL".

Ir-raba' sensiela, li ħarġet għall-ewwel darba f'Jannar 2014, turi xbieha tal-Papa Franġisku.

Il-muniti tas-sensiliet kollha juru t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea, il-kliem "CITTÀ DEL VATICANO" (Belt tal-Vatikan), is-sena tal-ħruġ u l-marka taz-zekka "R".

Belt tal-Vatikan


Ċipru

Il-muniti tal-10 ċenteżmi, 20 ċenteżmu u 50 ċenteżmu juru l-ġifen ta' Kirenja, bastiment merkantili tar-raba' seklu qabel Kristu, simbolu tal-istorja tat-tbaħħir ta' Ċipru u tal-importanza tal-pajjiż bħala ċentru tal-kummerċ.

Ċipru


Estonja

Id-disinn tan-naħa nazzjonali tal-muniti tal-Estonja huwa l-istess għad-denominazzjonijiet kollha. Juri xbieha ġeografika tal-Estonja u l-kelma "Eesti", li tfisser "Estonja".

Estonja


Finlandja

Il-Finlandja għażlet tliet disinji bbażati fuq dawk li ntużaw qabel fuq il-muniti nazzjonali. Il-muniti ta' 1 ċenteżmu, 2 ċenteżmi, 5 ċenteżmi, 10 ċenteżmi, 20 ċenteżmu u 50 ċenteżmu juru l-iljun araldiku Finlandiż f'riproduzzjoni ta’ disinn tal-iskultur Heikki Häiväoja. Matul is-snin intużaw diversi disinji differenti tal-iljun araldiku fuq bosta muniti tal-Finlandja, bħal fuq il-muniti ta' 1 markka bejn l-1964 u l-2001.

Finlandja


Franza

Għan-naħa nazzjonali tal-muniti Franċiżi ġew ikkunsidrati ’l fuq minn 1,200 disinn. Kumitat ippresedut mill-Ministru għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Finanzi għażel tliet disinji għal denominazzjonijiet speċifiċi.

Il-kumitat kien magħmul minn esperti fin-numiżmatika, artisti, ex Membru tal-Kummissjoni Ewropea (Christine Scrivener), Membri tal-Parlament, id-Direttur taz-Zekka Franċiża Emmanuel Constans, l-Inċiżur Ġenerali Pierre Rodier u l-attriċi Irène Jacob, flimkien ma’ membri ta’ korpi professjonali. Huma għażlu d-disinji li ġejjin:

Il-muniti tal-10 ċenteżmi, 20 ċenteżmu u 50 ċenteżmu juru t-tema taż-żerriegħ, li hija kostanti fl-istorja tal-frank Franċiż. Iddisinjata minn Laurent Jorlo, "din il-grafika moderna u bla limiti ta' żmien tirrappreżenta lil Franza li tibqa' leali lejha nnifisha filwaqt li tintegra ruħha fl-Ewropa".

Franza


Ġermanja

Uffiċjali u esperti Ġermaniżi fin-numiżmatika għażlu tliet disinji differenti għall-muniti tal-euro tagħhom. Il-muniti tal-10 ċenteżmi, 20 ċenteżmu u 50 ċenteżmu juru xbieha tal-Bieb ta’ Brandenburg, simbolu tal-qasma u r-riunifikazzjoni sussegwenti tal-Ġermanja. Il-perspettiva tad-disinn, li sar minn Reinhard Heinsdorff, tenfasizza l-ftuħ tal-bieb sabiex titfa' l-attenzjoni fuq ir-riunifikazzjoni tal-Ġermanja u tal-Ewropa.

Ġermanja


Greċja

Il-Ministru għall-Ekonomija Nazzjonali u l-Gvernatur tal-Bank tal-Greċja għażlu d-disinji għall-muniti tal-euro tagħhom minn sett ta’ proposti ppreżentati minn kumitat tekniku u artistiku nazzjonali. Id-disinji rebbieħa saru mill-iskultur Georges Stamatopoulos, li kien sponsorjat mill-Bank tal-Greċja. Hemm disinn differenti għal kull denominazzjoni. Din il-munita turi x-xbieha ta' Eleftherios Venizelos (1864−1936), wieħed mill-persunaġġi politiċi l-aktar prominenti tal-Greċja. Kien pijunier tar-riforma soċjali, diplomatiku magħruf u kellu sehem ewlieni fil-modernizzazzjoni tal-istat Grieg u fil-ħelsien tat-Tramuntana tal-Greċja u l-Gżejjer Eġej.

Greċja


Irlanda

Il-Gvern tal-Irlanda ddeċieda li kellu jkun hemm disinn nazzjonali wieħed għad-denominazzjonijiet kollha tal-muniti Irlandiżi. Dawn juru xbieha tal-arpa Ċeltika, simbolu tradizzjonali tal-Irlanda, imżejna bis-sena tal-ħruġ u l-kelma "Éire", Irlanda bl-Irlandiż. L-arpa li tidher fuq il-muniti ġiet iddisinjata minn Jarlath Hayes.

Irlanda


Italja

Fl-Italja, id-disinji tal-muniti tal-euro kienu suġġetti għal skrutinju minn kumitat tekniku u artistiku nazzjonali qabel ma ġew ippreżentati lin-nazzjon fuq l-akbar stazzjon televiżiv nazzjonali tal-Italja. Intgħażel disinn differenti għal kull denominazzjoni minn fost kapolavuri ta' artisti Taljani famużi. Ix-xbieha ewlenija ta' din il-munita turi l-istatwa tal-Imperatur Marku Awrelju fuq iż-żiemel.

Italja


Latvja

Il-munita ta' 50 ċenteżmu turi l-istemma araldika l-kbira tar-Repubblika tal-Latvja. Id-disinjatur huwa Laimonis Šēnbergs.

Latvja


Litwanja

Il-muniti tal-euro tal-Litwanja juru xbieha tal-istemma araldika tar-Repubblika tal-Litwanja, Vytis, il-pajjiż tal-ħruġ "LIETUVA" u s-sena tal-ħruġ "2015". Il-muniti juru wkoll it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea u ġew iddisinjati mill-iskultur Antanas Žukauskas.

Litwanja


Lussemburgu

Yvette Gastauer-Claire ddisinjat il-muniti bi qbil mal-Familja Rjali u mal-Gvern tal-Lussemburgu.

Il-muniti kollha tal-Lussemburgu juru l-profil tal-Altezza Rjali Tiegħu l-Gran Duka Henri. Juru wkoll is-sena meta ħarġu u l-kelma "Lussemburgu" miktuba bil-Lussemburgiż ("Lëtzebuerg").

Lussemburgu


Malta

Il-muniti tal-10 ċenteżmi, 20 ċenteżmu u 50 ċenteżmu juru l-Arma ta' Malta, tarka b'rappreżentazzjoni araldika tal-bandiera nazzjonali ta' Malta. Fuq it-tarka hemm kuruna tal-ġebel li tirrappreżenta l-fortifikazzjonijiet ta' Malta u tfisser li Malta għandha l-istatus ta' belt stat. It-tarka hija mdawra b’girlanda magħmula minn żewġ friegħi, waħda taż-żebbuġ fuq ix-xellug u l-oħra tal-palm fuq il-lemin, it-tnejn simboli tal-paċi li tradizzjonalment għandhom x’jaqsmu ma’ Malta. Il-girlanda hija marbuta fit-tarf t’isfel b’żigarella li għandha l-iskrizzjoni "Repubblika ta’ Malta".

Malta


Monako

Hemm żewġ sensiliet ta' muniti fiċ-ċirkolazzjoni.

L-ewwel sensiela turi l-Altezza Serena Tiegħu l-Prinċep Rainier III fuq il-munita ta’ €2. Fuq il-munita tal-€1 hemm xbieha doppja tal-uċuħ tal-Altezza Serena Tiegħu l-Prinċep Rainier III u l-Altezza Serena Tiegħu l-Prinċep Ereditarju Albert. Fuq il-muniti tal-10 ċenteżmi, 20 ċenteżmu u 50 ċenteżmu hemm is-siġill tal-Prinċep. L-istemma araldika tal-Prinċpijiet Sovrani ta’ Monako tidher fuq il-muniti ta' 1 ċenteżmu, 2 ċenteżmi u 5 ċenteżmi.

It-tieni sensiela turi xbieha ta' wiċċ l-Altezza Serena Tiegħu l-Prinċep Albert II fuq il-muniti tal-€1 u €2. Il-monogramma tal-Altezza Serena Tiegħu l-Prinċep Albert tidher fuq il-muniti tal-10 ċenteżmi, 20 ċenteżmu u 50 ċenteżmu. L-istemma araldika tal-Prinċpijiet Sovrani ta’ Monako hija x-xbieha ewlenija fid-disinn tal-muniti ta' 1 ċenteżmu, 2 ċenteżmi u 5 ċenteżmi.

Monako


Olanda

Għall-ewwel sensiela, l-Olanda għażlet żewġ disinji ta' Bruno Ninaber van Eyben li juru r-Reġina Beatrix. Hemm żewġ sensiliet ta' muniti fiċ-ċirkolazzjoni u t-tnejn huma validi.

It-tieni sensiela, li daħlet fl-2014, turi lir-Re Willem-Alexander flimkien mal-iskrizzjoni "Willem-Alexander Koning der Nederlanden" (Willem-Alexander Re tal-Olanda).

Il-muniti ta' 1 ċenteżmu, 2 ċenteżmi, 5 ċenteżmi, 10 ċenteżmi, 20 ċenteżmu u 50 ċenteżmu:

L-ewwel sensiela: Tidher xbieha tar-Reġina Beatrix flimkien mal-iskrizzjoni "Beatrix Koningin der Nederlanden" (Beatriċe Reġina tal-Olanda).

It-tieni sensiela: Fuq ix-xbieha tar-Re Willem-Alexander hemm il-kliem "Willem-Alexander Koning der Nederlanden" (Willem-Alexander Re tal-Olanda). Il-marki taz-zekka jidhru fuq kull naħa tal-isem.

Olanda


Portugall

Intgħażlu tliet disinji differenti minn fost dawk li daħlu għal kompetizzjoni nazzjonali. Din intrebħet minn Vítor Manuel Fernandes dos Santos, li tnebbaħ mis-simboli storiċi u mis-siġilli tal-ewwel Re tal-Portugall Dom Afonso Henriques. Il-muniti tal-10 ċenteżmi, 20 ċenteżmu u 50 ċenteżmu juru s-siġill irjali tal-1142 bħala x-xbieha ewlenija tad-disinn.

Portugall


San Marino

Il-munita ta' 50 ċenteżmu turi t-Tliet Torrijiet ta' San Marino: Guaita, Cesta u Montale.

San Marino


Slovakkja

Il-muniti tal-10 ċenteżmi, 20 ċenteżmu u 50 ċenteżmu juru l-kastell ta' Bratislava u l-emblema nazzjonali tas-Slovakkja.

Slovakkja


Slovenja

Din il-munita turi xbieha tal-muntanja Triglav.

Slovenja


Spanja

Il-muniti ta’ Spanja fihom tliet disinji bi xbihat tar-Re Juan Carlos I, Miguel de Cervantes u l-katidral ta’ Santiago de Compostela. Fl-2010 sarilhom tibdil żgħir fid-disinn biex ikunu konformi mal-linji gwida komuni maħruġin mill-Kummissjoni Ewropea. Hekk, is-sena issa tidher imnaqqxa fil-parti ta’ ġewwa tal-munita.

Il-muniti tal-10 ċenteżmi, 20 ċenteżmu u 50 ċenteżmu juru xbieha ta' Miguel de Cervantes, missier il-letteratura Spanjola, li tirrifletti "l-universalità tal-bniedem u ta' xogħlu".

Spanja