European Central Bank - eurosystem
Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Awstrija

L-Awstrija għażlet li tipproduċi sensiela ta’ muniti li juru fjuri, arkitettura u nies famużi mill-istorja tagħha. Id-disinji ntgħażlu minn ġurija nazzjonali wara stħarriġ tal-opinjoni pubblika. L-artist Awstrijak Josef Kaiser ħoloq id-disinji.

€2

Din il-munita turi l-bust tal-paċifista Bertha von Suttner, simbolu tal-isforzi tal-Awstrija matul bosta sekli biex issostni l-paċi. Ittri madwar ix-xifer tal-munita ta' €2: 2 EURO *** imtennijin erba’ darbiet, darba weqfin u darba maqlubin.

€1

Din il-munita turi lil Wolfgang Amadeus Mozart, il-kompożitur famuż Awstrijak, b'referenza għall-Awstrija bħala pajjiż tal-mużika.

50 ċenteżmi

Din il-munita turi l-bini tas-seċessjoni fi Vjenna, eżempju tat-twelid tal-art nouveau fl-Awstrija. Il-bini huwa simbolu tat-twelid ta' żmien ġdid u jirrappreżenta pont għal era monetarja ġdida.

20 ċenteżmu

Din il-munita turi l-Palazz Belvedere, wieħed mill-aktar palazzi barokki sbieħ fl-Awstrija. It-trattat li reġa' stabbilixxa s-sovranità tal-Awstrija ġie ffirmat hawnhekk fl-1955, u ismu sar ħaġa waħda mat-tifsira ta' libertà.

10 ċenteżmu

Din il-munita turi l-Katidral ta' San Stiefnu, wieħed mill-ġojjelli tal-arkitettura Gotika ta' Vjenna li jiġbed bosta turisti.

5 ċenteżmu

Din il-munita turi xbieha tal-primuli tal-Alpi, fis-sensiela dedikata lill-fjuri li hija simbolu tar-rispett lejn l-ambjent u s-sehem tal-Awstrija fl-iżvilupp ta' politika ambjentali Ewropea.

2 ċenteżmu

Din il-munita turi xbieha ta' edelvajs (stilla tal-Alpi) fis-sensiela dedikata lill-fjuri li hija simbolu tar-rispett lejn l-ambjent u s-sehem tal-Awstrija fl-iżvilupp ta' politika ambjentali Ewropea.

1 ċenteżmu

Din il-munita turi xbieha ta' ġenzjana fis-sensiela dedikata lill-fjuri li hija simbolu tar-rispett lejn l-ambjent u s-sehem tal-Awstrija fl-iżvilupp ta' politika ambjentali Ewropea.