European Central Bank - eurosystem
Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Kontra l-falsifikazzjoni

Il-karti tal-euro jsiru permezz ta’ teknoloġija sofistikata tal-istampar. Għandhom ukoll għadd ta' karatteristiċi tas-sigurtà, li jagħmluha faċli biex jingħarfu minn karti tal-flus foloz (mingħajr l-użu ta' tagħmir speċjali) u li jservu bħala deterrent għall-falsarji.

X'għandi nagħmel jekk ikolli suspett li xi karta tal-flus tkun falza?

jekk tingħata karta tal-flus u inti taħseb li hi falza wara li tuża l-metodu HOSS, HARES u MEJJEL, din x'aktarx tkun falza u m'għandekx taċċettaha. Jekk taħseb li diġà għandek karta tal-flus falza, għandek minnufih tinforma lill-pulizija jew lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti.

Hu reat kriminali li wieħed jgħaddi karta tal-flus lil ħaddieħor meta jissuspetta jew ikun jaf li hi falza. Il-karti tal-flus foloz ma għandhom ebda valur, għalhekk ma tirċievi ebda kumpens jekk taċċetta karta tal-flus falza.

Biex tiċċekkja sew il-karta tal-flus, tista' wkoll teħodha fl-eqreb bank tiegħek. Il-banek kollha għandhom tagħmir speċjali li jipproċessa l-flus u li jidentifika l-karti tal-flus foloz. Ipprova ftakar min ikun tak il-karta tal-flus u fejn. Dan it-tagħrif jista' tkun ta' siwi kbir biex jgħin ħalli jinqabdu l-falsarji.

Tagħrif speċjali għal min jimmaniġġa l-flus

Jekk jgħaddu minn idejk kwantitajiet kbar ta’ flus kuljum, jista' jkun li tiltaqa’ ma’ karta tal-flus li tqanqallek dubju. Idealment, min iħaddmek suppost li fassal pjan għal każ bħal dan. Hawn issib xi suġġerimenti li jgħinuk jekk m'intix żgur dwar xi karta tal-flus.

  • Jekk ma tkunx żgur li karta tal-flus hi ġenwina, taċċettahiex.
  • Bl-edukazzjoni kollha, itlob lill-klijent jagħtik karta tal-flus oħra u qies li hu/hi m'għandhomx ħtija.
  • Minnufih għarraf lill-pulizija tal-lokal u/jew lill-uffiċjal tas-sigurtà tiegħek dwar l-inċident.
  • Ipprova ftakar kemm jista' jkun dettalji dwar il-klijent.
  • Jekk taħseb li aċċettajt karta tal-flus falza bi żball, tgħaddihiex lil ħaddieħor għax dan hu reat kriminali.
  • Agħti l-karta tal-flus li qajmet dubju lill-pulizija tal-lokal, bank lokali jew lill-bank ċentrali nazzjonali. Jekk tkun ġenwina, tieħu flusek lura.
  • Oqgħod attent u tissugrax.

Ikkuntattja l-bank ċentrali nazzjonali jekk tkun trid iżjed tagħrif.

Ċentru għall-Analiżi tal-Flus foloz

Il-BĊE jissorvelja mill-qrib l-avvanzi fit-teknoloġija tal-istampar u r-riproduzzjoni, u jirreġistra l-għadd ta' flus foloz li jinqabdu. Dawn jiġu analizzati mill-banek ċentrali taż-żona tal-euro u miċ-Ċentru tal-BĊE għall-Analiżi tal-Flus Foloz, li jiġbor u jipproċessa l-informazzjoni teknika u statistika dwar il-flus foloz. Hu jaqsam din l-informazzjoni mal-forzi tal-pulizija nazzjonali u korpi oħra involuti fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni. Il-BĊE jaħdem ukoll mill-qrib mal-Europol (l-Uffiċċju tal-Pulizija Ewropea), li nħatar bħala l-uffiċċju ċentrali għall-koordinazzjoni tal-ħarsien tal-euro, kif ukoll mal-Interpol (l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija kontra l-Kriminalità) u l-Kummissjoni Ewropea.

Prevenzjoni tal-użu illegali ta' xbihat diġitali tal-karti tal-flus

Il-falsarji qed iżidu l-użu ta' ħardwer u softwer li jipproduċi xbihat diġitali. Bi tweġiba għal dan, il-Grupp Maħtur mill-Banek Ċentrali biex Jostakola l-Iffalsifikar tal-Flus – grupp internazzjonali ta’ iżjed minn 30 bank ċentrali li twaqqaf wara talba li saret mill-gvernaturi tal-banek ċentrali tal-G10 – żviluppa sistema li tiskoraġġixxi l-falsifikazzjoni (CDS) li ma tħallix li jiġu kkupjati jew riprodotti xbihat ta’ karti tal-flus protetti. Is-sistema ġiet adottata volontarjament minn bosta produtturi ta’ ħardwer u softwer. Madankollu, għal skopijiet leġittimixbihat tal-karti tal-flus b'riżoluzzjoni għolja jistgħu jinkisbu mingħand il-BĊE.

Jekk tixtieq tirriproduċi xbihat b'riżoluzzjoni għolja, jekk jogħġbok ikteb lil Euro-Banknotes-Images@ecb.europa.eu u spjega għaliex teħtieġhom.

ARA WKOLL

Skopri iktar dwar kontenut relatat

Il-paġni kollha f’din it-taqsima