Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Kif se jaħdem l-euro diġitali?

Immaġina li tmur f’magna awtomatika tal-flus (ATM) u tiġbed €100. Il-bilanċ tal-kont bankarju tiegħek jonqos b’€100, iżda issa għandek €100 fi flus kontanti li bihom tista’ tħallas.

L-istess proċess japplika għall-euro diġitali, biss minflok ma ssarraf il-flus fil-kont bankarju tiegħek fi flus kontanti, inti tikkonvertihom f’euro diġitali.

Spjegazzjoni tal-euro diġitali tiegħek

L-ewwel pass ikun li toħloq il-kartiera tal-euro diġitali tiegħek permezz tal-bank tiegħek. Iżda tista’ wkoll tmur għand awtorità pubblika maħtura, pereżempju uffiċċju tal-posta, biex tagħmel dan.

Ladarba tkun ħloqt il-kartiera tal-euro diġitali tiegħek, tista’ tpoġġi l-flus fiha permezz ta’ kont bankarju illinkjat jew billi tiddepożita l-flus kontanti. Imbagħad tkun tista’ tibda tagħmel ħlasijiet bl-użu tal-euro diġitali fil-kartiera tiegħek.

Kull meta tirċievi l-flus f’euro diġitali, iżżommhom fil-kartiera tal-euro diġitali tiegħek, sa ċertu limitu, jew tiddepożitahom fil-kont bankarju tiegħek. Tista’ jew tagħmel dan manwalment jew tissettjaha awtomatikament.

Il-ħlasijiet bl-euro diġitali dejjem ikunu sikuri u immedjati — kemm jekk ikunu fi ħwienet fiżiċi, fi ħwienet online jew bejn in-nies.

Meta tkun tista’ tuża l-euro diġitali?

Xiri ta’ kuljum

Kemm jekk qed tixtri l-kafè ta’ filgħodu tiegħek jew tħallas lill-babysitter, tista’ tħallas bil-kartiera tal-euro diġitali tiegħek. L-euro diġitali jkun disponibbli għal kwalunkwe ħlas elettroniku fil-ħwienet, online jew minn persuna għal oħra.

Ħlasijiet bejn il-ħbieb

Agħmel ħlasijiet diretti minn kartiera għal kartiera bl-użu ta’ mobile jew arloġġ, eżatt l-istess bħal meta tagħti flus lura lil xi ħabib li jkun selfek il-flus. Bl-euro diġitali, dan jista’ jaħdem online jew offline.

Meta ssiefer

Kull meta nżuru pajjiż ieħor taż-żona tal-euro, għandna t-tendenza li nġorru l-flus kontanti biex niżguraw li nkunu nistgħu nagħmlu l-ħlasijiet, u nevitaw tariffi żejda meta niġbdu l-flus kontanti. Bl-euro diġitali, tkun tista’ tħallas fi kwalunkwe post fiż-żona tal-euro, mingħajr tariffi.

Xiri mill-internet

L-euro diġitali jkun disponibbli wkoll f’sitwazzjonijiet fejn il-flus kontanti ma jkunux disponibbli, pereżempju meta nixtru mill-internet. L-euro diġitali jipprovdi mezz ta’ ħlas sikur u faċli appoġġat mill-BĊE, istituzzjoni pubblika.

Funzjonijiet addizzjonali

Ħlasijiet rikorrenti

Ħafna mill-infiq tagħna ta’ kuljum imur fuq ħlasijiet regolari, bħall-ħlas tal-kera fil-bidu ta’ kull xahar jew il-ħlas għal servizzi ta’ childcare. Huwa għalhekk li euro diġitali jiffaċilita l-ħlasijiet awtomatizzati għall-persuni li jixtiequ jużaw din il-funzjoni.

Madankollu, qatt ma jsiru flus programmabbli. Il-flus programmabbli huma flus diġitali użati għal skop jew tul ta’ żmien ristrett, bħal vawċer.

B’kuntrast ma’ dan, l-euro diġitali mhux se jkun ristrett u dejjem iżomm il-valur tiegħu. Ma rridux li l-euro diġitali jkollu xi restrizzjonijiet fuq fejn, meta jew ma’ min in-nies u n-negozji jistgħu jużawh.

Limitu massimu fuq id-depożiti

Nistabbilixxu limitu fuq l-ammont ta’ euro diġitali li persuna jew kumpanija jista’ jkollha fil-kartiera tal-euro diġitali tagħha. Dan għandu jgħin biex jiġi evitat ħruġ eċċessiv ta’ depożiti mill-banek, sabiex tiġi ppreservata l-istabbiltà finanzjarja.

L-utenti li jkunu jixtiequ jħallsu aktar mil-limitu stabbilit ikunu jistgħu jagħmlu dan billi jillinkjaw il-kartiera diġitali tagħhom mal-kont bankarju tagħhom.

Il-paġni kollha f’din it-taqsima