Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Il-bidla inizjali (2002)

Il-bidla tal-flus fl-2002 kienet ġrajja sinifikanti fl-istorja ta' l-Ewropa u kisba teknika mill-ikbar. Fl-1 ta' Jannar ta' dik is-sena, il-karti tal-flus u l-muniti ta' l-euro ġew introdotti fi 12-il pajjiż b'total ta' popolazzjoni ta' 308 miljuni. Kienet l-ikbar bidla monetarja li qatt saret fid-dinja, u kienet tinvolvi s-settur bankarju, il-kumpaniji tas-sigurtà li jġorru l-flus, in-negozjanti li jbiegħu bl-imnut, l-industrija tal-magni li jitħaddmu bil-flus u, ovvjament il-pubbliku ġenerali.

It-tħejjijiet kienu estensivi. Il-flus kontanti ta' l-euro tqassmu lill-banek u lill-bejjiegħa bl-imnut sa minn Settembru 2001 biex jiġu evitati l-iskarsezzi fil-katina tal-provvista. B'hekk, kienu disponibbli sew fis-setturi kollha fl-ewwel jiem ta' l-2002. Sat-3 ta' Jannar, 96% tal-magni kollha għall-ġbid tal-flus fiż-żona ta' l-euro kienu qed joħorġu karti tal-flus ta' l-euro. Ġimgħa wara l-introduzzjoni, iżjed minn nofs it-transazzjonijiet kollha bil-flus kontanti kienu qed isiru bl-euro.

Wara perijodu ta' ċirkolazzjoni doppja, li f'xi pajjiżi dam sa xahrejn u li tulu l-ħlas seta' jsir bil-flus kontanti ta' l-euro jew bil-munita nazzjonali, l-euro sar l-unika valuta legali fiż-żona ta' l-euro fl-1 ta' Marzu 2002. Sa dakinhar, iżjed minn 6 biljun karta tal-flus u qrib it-30 biljun munita nazzjonali kienu ġew irtirati.

Valutazzjoni tal-bidla tal-flus ta' l-2002, April 2002 (Evaluation of the 2002 changeover, April 2002)

Produzzjoni

Il-BĊE kkoordina u ssorvelja l-produzzjoni tal-karti tal-flus fi ħmistax-il post, u dan kien jinvolvi madwar 40 fornitur differenti tal-materja prima. Sistema komuni ta’ sorveljanza tal-kwalità żgurat standard identiku għall-karti tal-flus kollha.

Minkejja li l-pajjiżi individwali kienu (u għadhom) responsabbli għall-muniti ta’ l-euro, il-BĊE aġixxa bħala assessur newtrali tal-kwalità tal-muniti biex jiżgura li dawn setgħu jintużaw fil-magni awtomatiċi tal-bejgħ fiż-żona kollha ta’ l-euro.

Il-produzzjoni tal-karti tal-flus ta' l-euro bdiet f'Lulju 1999 u kienet tinvolvi 15-il stamperija tal-karti tal-flus imxerda fl-Unjoni Ewropea kollha. Sa l-1 ta' Jannar 2002, provvista tal-bidu ta' 14.89 biljun karta tal-flus, inkluż l-istokk loġistiku, kienet ġiet stampata għat-12-il pajjiż. B'valur nominali totali ta' madwar €633 biljun, il-karti tal-flus, kieku tqiegħdu xifer ma' xifer, kienu jaslu sal-qamar u lura għal darbtejn u nofs.

Ammont addizzjonali tal-produzzjoni, li ammonta għal 1.91 biljun karta tal-flus, imbagħad ġie approvat mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE. L-għan ta' dan l-istokk ta' riżerva ċentrali kien li jkopri kull riskju kbir li seta' jirriżulta minn dewmien fil-produzzjoni ta' l-istokks tal-bidu u dawk loġistiċi; b'hekk dan ikkontribwixxa għal bidla tal-karti tal-flus bla xkiel. Dawk il-karti tal-flus li baqgħu fl-istokk tar-riżerva ċentrali wara li din qdiet il-funzjoni tagħha, imbagħad ġew trasferiti għall-Istokk Strateġiku ta' l-Eurosistema, li nbena wara l-bidla biex jaqdi żidiet mhux mistennija fid-domanda.

Madwar 52 biljun munita, b'valur totali ta' €15.75 biljun, ġew prodotti minn 16-il zekka Ewropea, bl-użu ta' 250,000 tunnellata ta' metall.

Iċ-ċifri tal-produzzjoni tal-bidu

It-Tabella 1 turi l-ammont tal-provvista tal-bidu prodott bejn l-1999 u l-2001 għall-bidla fil-flus ta' l-2002. It-Tabella 2 turi ċ-ċifri tal-produzzjoni skond id-denominazzjoni. Kull bank ċentrali nazzjonali kien responsabbli biex jiddeċiedi fejn tiġi stampata l-provvista tal-bidu tal-karti tal-flus meħtieġa fil-pajjiż rispettiv tiegħu u kull Stat Membru kien responsabbli għall-ħtiġijiet tiegħu fir-rigward tal-muniti. Ċifri tal-produzzjoni tal-karti tal-flus u l-muniti.

Tabella 1

Pajjiż Miljuni ta' karti tal-flus li ġew prodotti sa l-1 ta' Jannar 2002 għal kull pajjiż
Il-Belġju 550
Il-Ġermanja 4,783
Il-Greċja 617
Spanja 1,924
Franza 2,265
L-Irlanda 294
L-Italja 2,440
Il-Lussemburgu 46
L-Olanda 659
L-Awstrija 550
Il-Portugall 537
Il-Finlandja 225
TOTAL għall-bidla inizjali 14,890

Tabella 2

Denominazzjoni Miljuni ta' karti tal-flus li ġew prodotti sa l-1 ta' Jannar 2002
€5 3,155
€10 3,221
€20 3,406
€50 3,283
€100 1,231
€200 223
€500 371
TOTAL għall-bidla inizjali 14,890

Il-paġni kollha f’din it-taqsima