Ambjent, saħħa u sigurtà
Il-BĊE jaħdem favur il-ġestjoni tajba tal-ambjent u jipprova jnaqqas ir-riskji għas-saħħa u s-sigurtà tal-pubbliku ġenerali u l-ħaddiema involuti fil-produzzjoni tal-karti tal-euro.
Biex niżguraw li jinżammu standards għoljin fir-rigward tal-kundizzjonijiet tas-saħħa, is-sigurtà u l-ambjent waqt il-produzzjoni tal-karti tal-euro u l-materja prima ewlenija tagħhom, żviluppajna żewġ sistemi abbażi ta’ standards internazzjonali.
Sistema tal-Ġestjoni tal-Ambjent
Bħala istituzzjoni li tibża’ għall-ambjent, il-BĊE jagħmel li jista’ biex juża r-riżorsi b’mod prudenti, jippreżerva l-kwalità tal-ambjent u jħares is-saħħa tal-bniedem fil-produzzjoni u l-provvista tal-karti tal-euro.
Is-Sistema tal-Ġestjoni tal-Ambjent tiżgura li l-produzzjoni tal-karti tal-euro u l-materja prima ewlenija tagħhom ftit li xejn tħalli impatt fuq l-ambjent, u titlob li l-kumpaniji kollha involuti fil-proċess tal-produzzjoni jikkonformaw għalkollox mal-istandard internazzjonali ISO 14001 (Sistemi tal-Ġestjoni tal-Ambjent – Rekwiżiti u gwida għall-użu).
Funzjonijiet ewlenin tas-sistema
- Tissorvelja l-konformità mal-istandard ISO 14001 min-naħa tal-manifatturi tal-karti tal-euro u l-materja prima ewlenija tagħhom
- Tissorvelja l-impatt fuq l-ambjent ikkawżat mill-proċessi tal-produzzjoni tal-karti tal-euro u l-materja prima ewlenija tagħhom
- Tħeġġeġ l-inizjattivi biex jonqos l-impatt tal-produzzjoni tal-karti tal-euro fuq l-ambjent, e.g. billi jiżdied ftit ftit l-użu ta’ qoton sostenibbli fil-produzzjoni tal-karta tal-flus
- Tgħasses għal xi tħassib ġdid dwar l-ambjent li joħroġ minn ħdan l-industrija jew mill-opinjoni pubblika
Sistema tal-Ġestjoni tas-Saħħa u s-Sigurtà
Il-karti tal-euro huma siguri: ir-riżultati ta’ testijiet indipendenti jikkonfermaw li jissodisfaw ir-regolamenti rilevanti tal-UE dwar firxa wiesgħa ta’ sustanzi kimiċi. Intwera li s-sustanzi kollha li jinsabu fil-karti tal-flus tal-euro kellhom ammonti ferm inqas mil-limiti stabbiliti fir-regolamenti tal-Unjoni Ewropea.
Qabel it-tneidija f'Jannar 2002, il-karti tal-flus tal-euro ġew ittestjati biex jiġi żgurat li ma joħolqu ebda riskju ta' tossiċità jekk jinbelgħu jew jintmessu, u li ma setgħux jikkawżaw ħsara lill-materjal ġenetiku.
Livelli baxxi ta’ mikrobi komuni nstabu b’mod tipiku fuq karti tal-flus li oriġinaw minn sorsi bħall-ħwienet tal-ikel. Il-preżenza tal-mikrobi hi tant żgħira li ma jistgħu jikkawżaw lanqas l-iċken sintomi. Il-kards tal-kreditu tal-plastik ġeneralment ikollhom l-istess livelli ta' mikrobi daqs il-karti tal-flus.
Kultant, l-Eurosistema ġiet ikkuntattjata minħabba tħassib dwar varjetà ta' sustanzi. Fil-każi kollha, jew il-konċentrazzjoni kienet tant baxxa li ma kien hemm ebda riskju għas-saħħa, jew is-sustanza msemmija ma nstabietx.
Biex tħares lin-nies li kuljum jużaw il-karti tal-flus kif ukoll lill-ħaddiema involuti fil-produzzjoni tagħhom, is-Sistema tal-Ġestjoni tas-Saħħa u s-Sigurtà tiżgura li l-produzzjoni tal-karti tal-euro u l-materja prima ewlenija tagħhom tikkonforma mal-istandard tas-Sistemi tal-Ġestjoni tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol (OHSAS 18001).
Funzjonijiet ewlenin tas-sistema
- Tissorvelja l-konformità mal-istandard OHSAS 18001 min-naħa tal-manifatturi tal-karti tal-euro u l-materja prima ewlenija tagħhom
- Tiggarantixxi li l-kwantità ta’ sustanzi ta’ ħsara fil-karti l-ġodda tal-euro tibqa’ taħt il-limiti minimi mitlubin
- Tgħasses għal xi riskji ġodda għas-saħħa u s-sigurtà ta’ min jipproduċi u juża l-karti tal-euro
Sfond legali
M’hemm ebda leġiżlazzjoni speċifika dwar il-kontenut kimiku tal-karti tal-flus. Għalhekk, biex tiġi sorveljata l-preżenza ta’ sustanzi kimiċi ta’ ħsara fil-karti tal-euro, intużat bħala referenza leġiżlazzjoni maħsuba għal prodotti oħra li jiġu f’kuntatt dirett mal-ġilda tal-persuni, e.g. id-Direttiva dwar is-Siġurtà tal-Ġugarelli (Direttiva 2009/48/KE) u r-Regolament dwar il-Kosmetiċi (Regolament (KE) Nru 1223/2009) tal-UE.
Valutazzjoni tal-impatt ambjentali
Meta ġew introdotti l-karti tal-flus tal-euro, il-BĊE għamel valutazzjoni biex jidentifika l-impatt ambjentali tal-karti tal-euro u jekk setgħux jittejbu l-prodotti jew il-proċessi f’dan ir-rigward.
L-istudju mexa fuq l-istandard internazzjonali ISO 14040 ff. u kien ikopri ċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-karti tal-flus: il-produzzjoni tal-materja prima, l-istampar, il-ħżin u ċ-ċirkolazzjoni kif ukoll l-issortjar tal-karti tal-flus użati u t-trattament ta’ tmiem ħajjithom.
Il-valutazzjoni qieset dejta proċessata miġbura mill-fornituri kollha fil-katina tal-provvista tal-karti tal-euro, dejta speċifika dwar il-materja prima użata kif ukoll dejta stampata dwar il-proċessi standard, bħall-produzzjoni tal-elettriku jew it-trasport (meħuda l-aktar mill-bażi tad-dejta ta’ Ecoinvent 2000). Il-valutazzjoni saret abbażi tal-produzzjoni tal-karti tal-euro fl-2003, li kienet tammonta għal madwar 3 biljun fid-denominazzjonijiet kollha, b’toqol totali ta’ madwar 2,500 tunnellata.
Billi l-karti tal-euro huma ddisinjati biex jintużaw kuljum, l-impatt ambjentali tagħhom tqabbel mal-impatt ikkawżat minn attivitajiet oħra li jsiru kuljum. Il-valutazzjoni kkonkludiet li l-impatt ambjentali totali kkawżat mit-3 biljun karta tal-euro prodotti fl-2003 kien daqs l-impatt ambjentali ta' kull ċittadin Ewropew li jsuq karozza għal kilometru jew l-impatt li tħalli bozza tas-60W li tibqa’ mixgħula għal 12-il siegħa.