Naħat nazzjonali

€1

Andorra

Andorra ffirmat Ftehim Monetarju mal-Unjoni Ewropea fit-30 ta' Ġunju 2011. B'hekk Andorra tista' tuża l-euro bħala munita uffiċjali u toħroġ il-muniti tal-euro tagħha. Fuq il-muniti kollha jidhru t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Il-munita tal-€1 turi bini ta' interess kulturali u storiku, Casa de la Vall, fejn dari kien jiltaqa' l-parlament.

Andorra


Awstrija

L-Awstrija għażlet li tipproduċi sensiela ta’ muniti li juru fjuri, arkitettura u nies famużi mill-istorja tagħha. Id-disinji ntgħażlu minn ġurija nazzjonali wara stħarriġ tal-opinjoni pubblika. L-artist Awstrijak Josef Kaiser ħoloq id-disinji. Din il-munita turi lil Wolfgang Amadeus Mozart, il-kompożitur magħruf Awstrijak, b'referenza għall-Awstrija bħala pajjiż il-mużika.

Awstrija


Belġju

Il-muniti tal-euro tal-Belġju ġew iddisinjati minn Jan Alfons Keustermans, Direttur tal-Akkademja Muniċipali tal-Arti ta' Turnhout. Hemm tliet sensiliet ta' muniti fiċ-ċirkolazzjoni li kollha huma validi.

Fl-ewwel sensiela jidher ir-Re Albert II fil-parti ta' ġewwa tal-munita filwaqt li l-monogramma rjali, "A" kbira taħt kuruna, fost it-12-il stilla simbolu tal-Ewropa u s-sena tal-ħruġ jidhru fil-parti ta' barra.

Fl-2008 il-Belġju għamel bidla żgħira fid-disinn biex jikkonforma mal-linji gwida tal-Kummissjoni Ewropea. Il-muniti tat-tieni sensiela wkoll juru lir-Re Albert II, iżda l-monogramma rjali u s-sena tal-ħruġ issa jidhru fil-parti ta' ġewwa tal-munita flimkien mal-marki taz-zekka u l-kodiċi tal-pajjiż għall-Belġju "BE".

Fl-2014 il-Belġju introduċa t-tielet sensiela ta' muniti tal-euro li juru lir-Re Philippe, il-monogramma rjali tiegħu "FP" u l-kodiċi tal-pajjiż għall-Belġju "BE". Il-marki taz-zekka jidhru fuq kull naħa tas-sena tal-ħruġ.

Belġju


Belt tal-Vatikan

Hemm erba' sensiliet ta' muniti tal-Belt tal-Vatikan fiċ-ċirkolazzjoni li kollha huma validi.

L-ewwel sensiela, li ġġib ix-xbieha tal-Papa Ġwanni Pawlu II, ħarġet bejn l-2002 u l-2005.

It-tieni sensiela, maħruġa bejn Ġunju 2005 u Marzu 2006, għandha l-istemma araldika tal-Kardinal Ċambellan, l-aġent Kap tal-Istat tal-Belt tal-Vatikan, li hija stampata fuq l-emblema tal-Kamra Appostolika f'nofs il-munita. Il-kliem "SEDE VACANTE" (Sede Papali Vakanti) u s-sena tal-ħruġ b’numri Rumani "MMV" jiffurmaw nofs ċirku madwar il-parti ta’ fuq tad-disinn. L-isem tad-disinjatur "D. LONGO" jidher fix-xifer t’isfel fuq ix-xellug tad-disinn ċentrali filwaqt li l-inizjali tal-intaljaturi rispettivi jidhru fix-xifer t’isfel fuq il-lemin, i.e. "MAC inc" (fuq il-muniti ta’ 1 ċenteżmu u 20 ċenteżmu), "LDS inc" (fuq il-muniti ta’ 2 ċenteżmi u 50 ċenteżmu), "ELF inc" (fuq il-muniti ta’ 5 ċenteżmi u €1) u "MCC inc" (fuq il-muniti ta’ 10 ċenteżmi u €2).

It-tielet sensiela, li ħarġet bejn April 2006 u Diċembru 2013, turi xbieha tal-Papa Benedittu XVI. Fuq ix-xellug hemm l-inizjali tad-disinjatur "DL".

Ir-raba' sensiela, li ħarġet għall-ewwel darba f'Jannar 2014, turi xbieha tal-Papa Franġisku.

Il-muniti tas-sensiliet kollha juru t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea, il-kliem "CITTÀ DEL VATICANO" (Belt tal-Vatikan), is-sena tal-ħruġ u l-marka taz-zekka "R".

Belt tal-Vatikan


Ċipru

Fuq il-muniti tal-€1 u €2 hemm idolu forma ta' salib li jmur lura għall-perjodu Kalkolitiku (3,000 sena qabel Kristu). Dan l-eżempju karatteristiku tal-arti preistorika tal-gżira juri l-pożizzjoni ta' Ċipru fil-qalba taċ-ċivilizzazzjoni u l-antikità.

Ċipru


Estonja

Id-disinn tan-naħa nazzjonali tal-muniti tal-Estonja huwa l-istess għad-denominazzjonijiet kollha. Juri xbieha ġeografika tal-Estonja u l-kelma "Eesti", li tfisser "Estonja".

Estonja


Finlandja

Il-Finlandja għażlet tliet disinji bbażati fuq dawk li ntużaw qabel fuq il-muniti nazzjonali. Għal din il-munita l-artist Pertti Mäkinen ħoloq disinn li juri żewġ ċinji jittajru. Id-disinn huwa l-istess wieħed li bih rebaħ kompetizzjoni għal munita li tfakkar it-80 anniversarju tal-indipendenza tal-Finlandja.

Finlandja


Franza

Għan-naħa nazzjonali tal-muniti Franċiżi ġew ikkunsidrati ’l fuq minn 1,200 disinn. Kumitat ippresedut mill-Ministru għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Finanzi għażel tliet disinji għal denominazzjonijiet speċifiċi.

Il-kumitat kien magħmul minn esperti fin-numiżmatika, artisti, ex Membru tal-Kummissjoni Ewropea (Christine Scrivener), Membri tal-Parlament, id-Direttur taz-Zekka Franċiża Emmanuel Constans, l-Inċiżur Ġenerali Pierre Rodier u l-attriċi Irène Jacob, flimkien ma’ membri ta’ korpi professjonali. Huma għażlu d-disinji li ġejjin:

Il-muniti tal-€1 u €2 juru siġra, xogħol l-artist Joaquim Jimenez, li hija s-simbolu tal-ħajja, il-kontinwità u l-iżvilupp. Is-siġra tinsab f’eżagonu li jirrappreżenta ġeografikament lil Franza u madwarha hemm il-motto tar-Repubblika "Liberté, Egalité, Fraternité" (Libertà, Ugwaljanza, Fraternità).

Franza


Ġermanja

Uffiċjali u esperti Ġermaniżi fin-numiżmatika għażlu tliet disinji differenti għall-muniti tal-euro tagħhom. Il-muniti tal-€1 u €2 juru s-simbolu tradizzjonali tas-sovranità Ġermaniża, l-ajkla, imdawra bl-istilel tal-Ewropa. Id-disinn sar minn Heinz u Sneschana Russewa-Hoyer.

Ġermanja


Greċja

Il-Ministru għall-Ekonomija Nazzjonali u l-Gvernatur tal-Bank tal-Greċja għażlu d-disinji għall-muniti tal-euro tagħhom minn sett ta’ proposti ppreżentati minn kumitat tekniku u artistiku nazzjonali. Id-disinji rebbieħa saru mill-iskultur Georges Stamatopoulos, li kien sponsorjat mill-Bank tal-Greċja. Hemm disinn differenti għal kull denominazzjoni. Din il-munita turi kokka meħuda minn xbieha li tidher fuq munita antika Atenjana ta’ 4 drakmi (il-ħames seklu qabel Kristu).

Greċja


Irlanda

Il-Gvern tal-Irlanda ddeċieda li kellu jkun hemm disinn nazzjonali wieħed għad-denominazzjonijiet kollha tal-muniti Irlandiżi. Dawn juru xbieha tal-arpa Ċeltika, simbolu tradizzjonali tal-Irlanda, imżejna bis-sena tal-ħruġ u l-kelma "Éire", Irlanda bl-Irlandiż. L-arpa li tidher fuq il-muniti ġiet iddisinjata minn Jarlath Hayes.

Irlanda


Italja

Fl-Italja, id-disinji tal-muniti tal-euro kienu suġġetti għal skrutinju minn kumitat tekniku u artistiku nazzjonali qabel ma ġew ippreżentati lin-nazzjon fuq l-akbar stazzjon televiżiv nazzjonali tal-Italja. Intgħażel disinn differenti għal kull denominazzjoni minn fost kapolavuri ta' artisti Taljani famużi. Fuq din il-munita hemm id-disinn famuż tar-"Raġel Vitruvjan" ta' Leonardo da Vinci, li jinsab għall-wiri fil-gallerija tal-Akkademja f’Venezja. Id-disinn juri l-proporzjonijiet ideali tal-ġisem uman.

Italja


Latvja

Il-munita tal-€1 turi xbieha ta' xbejba Latvjana tal-kampanja. Din ix-xbieha dehret għall-ewwel darba fuq il-munita ta' 5 lats tal-fidda fl-1929. Id-disinjatur huwa Guntars Sietiņš.

Latvja


Litwanja

Il-muniti tal-euro tal-Litwanja juru xbieha tal-istemma araldika tar-Repubblika tal-Litwanja, Vytis, il-pajjiż tal-ħruġ "LIETUVA" u s-sena tal-ħruġ "2015". Il-muniti juru wkoll it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea u ġew iddisinjati mill-iskultur Antanas Žukauskas.

Litwanja


Lussemburgu

Yvette Gastauer-Claire ddisinjat il-muniti bi qbil mal-Familja Rjali u mal-Gvern tal-Lussemburgu.

Il-muniti kollha tal-Lussemburgu juru l-profil tal-Altezza Rjali Tiegħu l-Gran Duka Henri. Juru wkoll is-sena meta ħarġu u l-kelma "Lussemburgu" miktuba bil-Lussemburgiż ("Lëtzebuerg").

Lussemburgu


Malta

Fuq il-muniti tal-€1 u €2 hemm l-emblema li tintuża mill-Ordni Sovran ta' Malta. Matul il-ħakma tal-Ordni f'Malta bejn l-1530 u l-1798, is-salib tat-tmien ponot intrabat mal-gżira u llum huwa magħruf bħala s-Salib ta’ Malta.

Malta


Monako

Hemm żewġ sensiliet ta' muniti fiċ-ċirkolazzjoni.

L-ewwel sensiela turi l-Altezza Serena Tiegħu l-Prinċep Rainier III fuq il-munita ta’ €2. Fuq il-munita tal-€1 hemm xbieha doppja tal-uċuħ tal-Altezza Serena Tiegħu l-Prinċep Rainier III u l-Altezza Serena Tiegħu l-Prinċep Ereditarju Albert. Fuq il-muniti tal-10 ċenteżmi, 20 ċenteżmu u 50 ċenteżmu hemm is-siġill tal-Prinċep. L-istemma araldika tal-Prinċpijiet Sovrani ta’ Monako tidher fuq il-muniti ta' 1 ċenteżmu, 2 ċenteżmi u 5 ċenteżmi.

It-tieni sensiela turi xbieha ta' wiċċ l-Altezza Serena Tiegħu l-Prinċep Albert II fuq il-muniti tal-€1 u €2. Il-monogramma tal-Altezza Serena Tiegħu l-Prinċep Albert tidher fuq il-muniti tal-10 ċenteżmi, 20 ċenteżmu u 50 ċenteżmu. L-istemma araldika tal-Prinċpijiet Sovrani ta’ Monako hija x-xbieha ewlenija fid-disinn tal-muniti ta' 1 ċenteżmu, 2 ċenteżmi u 5 ċenteżmi.

Monako


Olanda

Għall-ewwel sensiela, l-Olanda għażlet żewġ disinji ta' Bruno Ninaber van Eyben li juru r-Reġina Beatrix. Hemm żewġ sensiliet ta' muniti fiċ-ċirkolazzjoni u t-tnejn huma validi.

It-tieni sensiela, li daħlet fl-2014, turi lir-Re Willem-Alexander flimkien mal-iskrizzjoni "Willem-Alexander Koning der Nederlanden" (Willem-Alexander Re tal-Olanda).

Il-muniti tal-€1 u €2:

L-ewwel sensiela: Tidher xbieha tar-Reġina Beatrix flimkien mal-iskrizzjoni "Beatrix Koningin der Nederlanden" (Beatriċe Reġina tal-Olanda).

It-tieni sensiela: Tidher xbieha tar-Re Willem-Alexander flimkien mal-iskrizzjoni "Willem-Alexander Koning der Nederlanden" (Willem-Alexander Re tal-Olanda). Il-marki taz-zekka jidhru fuq kull naħa tas-sena tal-ħruġ.

Olanda


Portugall

Intgħażlu tliet disinji differenti minn fost dawk li daħlu għal kompetizzjoni nazzjonali. Din intrebħet minn Vítor Manuel Fernandes dos Santos, li tnebbaħ mis-simboli storiċi u mis-siġilli tal-ewwel Re tal-Portugall Dom Afonso Henriques. Il-muniti tal-€1 u €2 juru l-kastelli u l-istemmi araldiċi tal-pajjiż f'nofs l-istilel tal-Ewropa. Id-disinn huwa simbolu tad-djalogu, l-iskambju tal-valuri u l-iżvilupp tat-tiswir tal-Ewropa. Ix-xbieha ewlenija turi s-siġill irjali tal-1144.

Portugall


San Marino

Fuq il-munita tal-€1 tidher l-istemma araldika uffiċjali tar-Repubblika.

San Marino


Slovakkja

Fuq il-muniti tal-€1 u €2 hemm salib doppju fuq tliet għoljiet, kif jidher fl-emblema nazzjonali tas-Slovakkja.

Slovakkja


Slovenja

Din il-munita turi xbieha ta’ wiċċ Primož Trubar, l-awtur tal-ewwel ktieb stampat bis-Sloven.

Slovenja


Spanja

Il-muniti ta’ Spanja fihom tliet disinji bi xbihat tar-Re Juan Carlos I, Miguel de Cervantes u l-katidral ta’ Santiago de Compostela. Fl-2010 sarilhom tibdil żgħir fid-disinn biex ikunu konformi mal-linji gwida komuni maħruġin mill-Kummissjoni Ewropea. Hekk, is-sena issa tidher imnaqqxa fil-parti ta’ ġewwa tal-munita.

Il-muniti tal-€1 u €2 juru xbieha ta' wiċċ ir-Re Juan Carlos I de Borbón y Borbón.

Spanja