Xbihat
Xbihat tal-karti tal-euro jistgħu jintużaw mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħna minn qabel sakemm ir-riproduzzjonijiet jikkonformaw mar-regoli tal-BĊE (ara b’mod partikolari l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni BĊE/2013/10). Ir-regoli jgħinuk tkun żgur li riproduzzjoni ma titħallatx ma’ karta tal-flus tajba u b’hekk jagħtu sehemhom biex iżommu l-fiduċja fil-munita unika.
Niżżel xbihat ta’ karti tal-flus b’riżoluzzjoni baxxa
Tista’ tikseb fajls kompressi (zip) li jkun fihom xbihat b’riżoluzzjoni baxxa (72 dpi) ta’ karti tal-flus tal-ewwel sensiela u tas-sensiela Europa.
Xbihat tal-karti tal-euroItlob xbihat ta’ karti tal-flus b’riżoluzzjoni għolja
Jekk tixtieq tirriproduċi xbihat ta’ karti tal-euro b’riżoluzzjoni għolja u għandek interess professjonali leġittimu għal dan, ikteb lil info@ecb.europa.eu u spjega għaliex għandek bżonnhom, filwaqt li tagħti:
- ismek u d-dettalji ta’ kuntatt
- dettalji tal-attivitajiet tan-negozju tiegħek
- l-indirizz tal-websajt tal-kumpanija tiegħek
- tagħrif dwar kif beħsiebek tuża x-xbihat
Wara tintalab timla u tibgħat dikjarazzjoni ta’ kunfidenzjalità li trid tiġi ffirmata minn rappreżentant awtorizzat tal-kumpanija tiegħek. Sakemm ma tindikalniex speċifikament mod ieħor, aħna nipprovdulek xbihat tal-aħħar karta tal-flus tas-sensiela Europa li tkun ħarġet jew ġiet ippreżentata (300 dpi; format TIFF; immarkati “Specimen”). Ix-xbihat ma jattivawx is-CDS. Nippruvaw nilqgħu t-talba tiegħek fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta nirċievu d-dikjarazzjoni ta’ kunfidenzjalità mimlija u ffirmata.
Prevenzjoni tal-użu illegali ta' xbihat diġitali tal-karti tal-flus
Min jiffalsifika l-flus kulma jmur qiegħed juża ħardwer u softwer li jipproduċu xbihat diġitali. Bi tweġiba għal dan, is-Central Bank Counterfeit Deterrence Group – grupp internazzjonali ta’ iżjed minn 30 bank ċentrali li twaqqaf wara talba li saret mill-gvernaturi tal-banek ċentrali tal-G10 – żviluppa sistema li tiskoraġġixxi l-falsifikazzjoni (counterfeit deterrence system – CDS) billi ma tħallix li jiġu kkupjati jew riprodotti xbihat ta’ karti tal-flus protetti. Is-sistema ġiet adottata volontarjament minn bosta produtturi ta’ ħardwer u softwer.
Regoli għar-riproduzzjoni
Karti tal-euro
Ir-regoli jikkontribwixxu għall-integretà tal-karti tal-flus tal-euro. Dawn jiżguraw illi l-pubbliku jista’ jiddistingwi bejn karti tal-flus ġenwini u dawk riprodotti.
Sakem ir-riproduzzjonijiet użati fir-riklamar jew fl-illustrazzjonijiet ma jiġux ikkonfonduti ma' karti tal-flus ġenwini dawn jistgħu jintużaw mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel mill-BĊE.
Għad-dettalji ara:
- Deċiżjoni tal-BĊE tad-19 ta' April 2013 dwar id-denominazzjonijiet, l-ispeċifikazzjonijiet, ir-riproduzzjoni, it-tisrif u l-irtirar tal-karti tal-flus tal-euro (BĊE/2013/10) ĠU L 118, 30.4.2013, p. 37,
- Linja Gwida tal-BĊE tal-20 ta' Marzu 2003 tal-20 ta' Marzu, 2003 dwar l-infurzar ta' miżuri kontra r-riproduzzjoni tal-karti tal-flus ewro irregolari u dwar il-bdil u l-irtirar tal-karti tal-flus ewro (BĊE/2003/5), ĠU L Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 291
- Linja Gwida tal-BĊE tad-19 ta' April 2013 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2003/5 dwar l-infurzar ta' miżuri kontra riproduzzjonijiet mhux konformi ta’ karti tal-flus tal-euro u dwar il-bdil u l-irtirar tal-karti tal-flus tal-euro (BĊE/2013/11), ĠU L 118, 30.4.2013, p. 43.
Il-muniti tal-euro
Oġġetti tal-metall li jkollhom fuqhom il-kliem "euro" jew "euro cent" jew li juru disinn li jixbaħ lill dak tal-muniti tal-euro jistgħu jiġu mħallta mal-muniti legali mill-pubbliku.
Huma dawk il-medalji u tokens li ma jistgħux jiġu mħallta ma' muniti ġenwini tal-euro biss li jistgħu jiġu prodotti.
Għad-dettalji ara:
- Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2182/2004 tas-6 ta' Diċembru 2004 dwar midalji u tokens simili għall-muniti tal-euro
- Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2183/2004 as-6 ta' Diċembru 2004 li jestendi għall-Istati Membri mhux parteċipanti l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2182/2004 dwar midalji u tokens simili għall-muniti tal-euro.