BĊE, SEBĊ u Eurosistema

ECB premises

Sa mill-1 ta’ Jannar 1999, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) kien responsabbli għat-tmexxija tal-politika monetarja taż-żona tal-euro – l-ikbar ekonomija fid-dinja wara dik tal-Istati Uniti.

Iż-żona tal-euro nħolqot meta r-responsabbiltà tal-politika monetarja għaddiet mingħand il-banek ċentrali nazzjonali tal-11-il Stat Membru tal-Unjoni Ewropea għal għand il-BĊE f’Jannar tal-1999. Il-Greċja ssieħbet fl-2001, is-Slovenja fl-2007, Ċipru u Malta ssieħbu fl-2008, is-Slovakkja fl-2009, l-Estonja fl-2011, il-Latvja fl-2014 u l-Litwanja fl-2015. Il-ħolqien taż-żona tal-euro u ta’ istituzzjoni ġdida sopranazzjonali, il-BĊE, kien ġrajja importanti wara l-proċess twil u kkumplikat tal-integrazzjoni Ewropea.

Biex jissieħbu fiż-żona tal-euro, id-19-il pajjiż kellhom jissodisfaw il-kriterji tal-konverġenza, kif se jagħmlu Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea qabel ma jadottaw l-euro. Il-kriterji jiġbru fihom il-kundizzjonijiet ekonomiċi u legali ewlenin meħtieġa biex il-pajjiżi jipparteċipaw b'suċċess fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

Il-Bank Ċentrali Ewropew

Il-bażi legali tal-politika monetarja unika huwa t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew. B'dan l-Istatut fl-1 ta' Ġunju 1998 twaqqfu kemm il-BĊE kif ukoll is-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ). Il-BĊE huwa l-qofol tal-Eurosistema u tas-SEBĊ. Il-BĊE jaqdi d-dmirijiet fdati lilu flimkien mal-banek ċentrali nazzjonali. Il-BĊE għandu personalità legali skont id-dritt pubbliku internazzjonali.

Is-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali

Is-SEBĊ hija magħmula mill-BĊE u mill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea, kemm dawk li adottaw l-euro kif ukoll dawk li għadhom m'adottawhx.

L-Eurosistema

L-Eurosistema hija magħmula mill-BĊE u mill-banek ċentrali nazzjonali tal-pajjiżi li adottaw l-euro. L-Eurosistema u s-SEBĊ ikomplu jeżistu flimkien sakemm ikun għad baqa’ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea li ma jkunux imseħbin fiż-żona tal-euro.

Iż-żona tal-euro

Iż-żona tal-euro hija magħmula mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li adottaw l-euro.