Użu tal-euro

L-euro ġie introdott fl-1 ta' Jannar 1999, meta sar il-munita ta' iżjed minn 300 miljun ruħ fl-Ewropa. Għall-ewwel tliet snin kien munita inviżibbli, użat biss għal għanijiet ta' kontabilità, jiġifieri f'pagamenti elettroniċi. Il-flus kontanti tal-euro ma ġewx introdotti qabel l-1 ta' Jannar 2002, meta, b'rati fissi ta' konverżjoni, ħadu post il-karti tal-flus u l-muniti nazzjonali bħall-franc Belġjan u l-mark Ġermaniż.

Illum, il-karti tal-flus u l-muniti tal-euro huma valuta legali fi 19 mit-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, inklużi d-dipartimenti, it-territorji u l-gżejjer barranin li huma jew parti minn, jew assoċjati ma', pajjiżi taż-żona tal-euro. Dawn il-pajjiżi jiffurmaw iż-żona tal-euro. Il-mikrostati ta' Andorra, Monako, San Marino u l-Belt tal-Vatikan ukoll jużaw l-euro, abbażi ta' arranġament formali mal-Komunità Ewropea. Il-Montenegro u l-Kosovo wkoll jużaw l-euro, iżda mingħajr arranġament formali. Il-ħlasijiet fi flus issa jsiru bl-istess munita minn 340 miljun ruħ — il-karti tal-flus u l-muniti tal-euro saru simbolu tanġibbli tal-integrazzjoni Ewropea.

Il-pajjiżi kollha tal-UE, barra d-Danimarka u r-Renju Unit, li għażlu li jibqgħu barra, huma mistennija jissieħbu fl-unjoni monetarja u jdaħħlu l-euro hekk kif jissodisfaw il-kriterji tal-konverġenza.

Mappa interattiva taż-żona tal-euro

Rati fissi tal-konverżjoni tal-euro

Munita
1 BEF 40.3399 (francs Belġjani)
1 DEM 1.95583 (mark Ġermaniż)
1 EEK 15.6466 (kroon Estonjan)
1 IEP .787564 (liri Irlandiżi)
1 GRD 340.750 (drachmas Griegi)
1 ESP 166.386 (pesetas Spanjoli)
1 CYP 0.585274 (liri Ċiprijotti)
1 FRF 6.55957 (francs Franċiżi)
1 ITL 1936.27 (lire Taljani)
1 LVL 0.702804 (lats Latvjan)
1 LTL 3.45280 (litas Litwani)
1 LUF 40.3399 (francs tal-Lussemburgu)
1 MTL 0.429300 (lira Maltija)
1 NLG 2.20371 (guilders Olandiżi)
1 ATS 13.7603 (schillings Awstrijaċi)
1 PTE 200.482 (escudos Portugiżi)
1 SIT 239.640 (tolar Sloveni)
1 SKK 30.1260 (koruna Slovakka)
1 FIM 5.94573 (markkas Finlandiżi)

Likwidità fiż-żona tal-euro

Il-karti tal-flus tal-euro (u l-muniti) jiċċirkolaw kullimkien fiż-żona tal-euro l-aktar minħabba t-turiżmu, is-safar tan-negozjanti u xiri transkonfinali. B'mod ħafna iżjed limitat, qabel l-introduzzjoni tal-euro, il-karti tal-flus nazzjonali wkoll “kienu jiċċaqalqu” b'mod transkonfinali u mbagħad kien ikollhom jiġu “ripatrijati”, l-iktar permezz tas-sistema bankarja kummerċjali, lejn il-bank ċentrali li jkun ħariġhom. Ritorn bħal dan mhux meħtieġ fil-każ tal-euro. Madankollu, minħabba li kwantitajiet kbar ta' karti tal-flus tal-euro ma jibqgħux fil-pajjiż li jkun ħariġhom iżda jittieħdu lejn pajjiżi oħra tal-euro, u jintefqu hemm, il-banek ċentrali jkollhom jerġgħu iqassmuhom biex jevitaw nuqqas tal-karti tal-flus f'pajjiż u ammonti żejda f'pajjiż ieħor. Dawn it-trasferimenti ta' ammonti kbar jiġu kkoordinati b'mod ċentrali u ffinanzjati mill-BĊE.

L-importanza u l-karatteristiċi uniċi tal-flus kontanti

Sa minn meta daħlu l-flus kontanti tal-euro fl-2002, il-valur u l-għadd ta' karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni baqgħu jiżdiedu b'mod kostanti. Il-flus kontanti huma l-mezz li jintuża l-aktar għall-ħlas ta' tranżazzjonijiet żgħar fiż-żona tal-euro f'termini ta' għadd ta' tranżazzjonijiet, għalkemm f'termini ta' valur il-proporzjon jonqos sew. Madankollu, fiż-żewġ każijiet, is-sehem tal-flus kontanti qiegħed jonqos ftit ftit f'dawn l-aħħar snin waqt li l-użu tal-kards tad-debitu u tal-kreditu qiegħed jiżdied u hu mistenni li din ix-xejra tkompli.

Bħala strument ta' ħlas, il-flus kontanti għandhom karatteristiċi uniċi:

  • huma l-istrument ta' ħlas li jintuża l-aktar għal tranżazzjonijiet żgħar, l-aktar dirett, u l-aktar importanti għall-ħlas ta' kontinġenza;
  • huma l-iżjed strument irħis għall-ħlasijiet ta' ammonti żgħar – l-ispiża totali medja għal kull tranżazzjoni bil-flus kontanti hi orħos minn dik għal strumenti ta' ħlas elettroniċi komparabbli;
  • huma "inklussivi": dawk li m'għandhomx kont bankarju jew għandhom biss aċċess limitat għalih, jew ma jistgħux jużaw forom elettroniċi ta' ħlas, xorta waħda jistgħu jħallsu;
  • bis-saħħa tagħhom iċ-ċittadini jkunu jafu sew x'qed jonfqu;
  • huma strument ta' ħlas u fl-istess ħin ħażna ta' valur; u
  • dejjem taw prova ta' sigurtà kontra l-frodi u l-falsifikazzjoni.

Minħabba dawn il-karatteristiċi s-soċjetà mhix lesta tgħaddi mingħajr il-flus kontanti. Il-flus kontanti se jibqgħu indispensabbli bħala strument ta' ħlas għal bosta snin fil-ġejjieni.

Pożizzjoni tal-Eurosistema dwar il-flus kontanti bħala mezz ta' ħlas

Wieħed mid-dmirijiet bażiċi tal-Eurosistema skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea hu li tħeġġeġ l-operazzjoni bla tfixkil tas-sistema ta' pagamenti. L-Eurosistema hi newtrali fir-rigward tal-istrumenti differenti ta' ħlas. M'għandhiex preferenzi bejn strument u ieħor. Madankollu, il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom responsabbiltà speċjali għall-flus kontanti billi huma dawk li uffiċjalment joħorġu l-karti tal-flus tal-euro. Barra dan, il-biċċa l-kbira minnhom idaħħlu fiċ-ċirkolazzjoni l-muniti tal-euro li jinħarġu mill-Istati Membri. Għalhekk, l-Eurosistema għandha d-dmir li ssostni l-flus kontanti bħala mezz ta' ħlas li hu ġeneralment disponibbli, faċli biex jintuża, affidabbli u effiċjenti għal tranżazzjonijiet żgħar. Fl-ambitu tal-kompetenza tagħha, l-Eurosistema tissorvelja u dejjem tfittex li tippromwovi s-sikurezza, ir-reżistenza u l-effiċjenza taċ-ċikli tal-flus kontanti taż-żona tal-euro.