Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Naħat nazzjonali

2 ċenteżmi

Andorra

Andorra ffirmat Ftehim Monetarju mal-Unjoni Ewropea fit-30 ta' Ġunju 2011. B'hekk Andorra tista' tuża l-euro bħala munita uffiċjali u toħroġ il-muniti tal-euro tagħha. Fuq il-muniti kollha jidhru t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Il-muniti ta' 1 ċenteżmu, 2 ċenteżmi u 5 ċenteżmi juru xbihat ta' kamoxx tal-Pirinej (speċi ta' mogħża tal-muntanji) u ajkla rjali.

Andorra

Awstrija

L-Awstrija għażlet li tipproduċi sensiela ta’ muniti li juru fjuri, arkitettura u nies famużi mill-istorja tagħha. Id-disinji ntgħażlu minn ġurija nazzjonali wara stħarriġ tal-opinjoni pubblika. L-artist Awstrijak Josef Kaiser ħoloq id-disinji. Din il-munita turi xbieha ta' edelvajs (stilla tal-Alpi) fis-sensiela dedikata lill-fjuri li hija simbolu tar-rispett lejn l-ambjent u s-sehem tal-Awstrija fl-iżvilupp ta' politika ambjentali Ewropea.

Awstrija

Belġju

Il-muniti tal-euro tal-Belġju ġew iddisinjati minn Jan Alfons Keustermans, Direttur tal-Akkademja Muniċipali tal-Arti ta' Turnhout. Hemm tliet sensiliet ta' muniti fiċ-ċirkolazzjoni. Kollha huma validi.

Fl-ewwel sensiela jidher ir-Re Albert II fil-parti ta' ġewwa tal-munita filwaqt li l-monogramma rjali, "A" kbira taħt kuruna, fost it-12-il stilla simbolu tal-Ewropa u s-sena tal-ħruġ jidhru fil-parti ta' barra.

Fl-2008 il-Belġju għamel bidla żgħira fid-disinn biex jikkonforma mal-linji gwida tal-Kummissjoni Ewropea. Il-muniti tat-tieni sensiela wkoll juru lir-Re Albert II, iżda l-monogramma rjali u s-sena tal-ħruġ issa jidhru fil-parti ta' ġewwa tal-munita flimkien mal-marki taz-zekka u l-kodiċi tal-pajjiż għall-Belġju "BE".

Fl-2014 il-Belġju introduċa t-tielet sensiela ta' muniti tal-euro li juru lir-Re Philippe, il-mongramma rjali tiegħu "FP" u l-kodiċi tal-pajjiż għall-Belġju "BE". Il-marki taz-zekka jidhru fuq kull naħa tas-sena tal-ħruġ.

Belġju

Belt tal-Vatikan

Hemm ħames sensiliet ta' muniti tal-Belt tal-Vatikan fiċ-ċirkolazzjoni. Kollha huma validi.

L-ewwel sensiela, fejn tidher ix-xbieha tal-Papa Ġwanni Pawlu II, ħarġet bejn l-2002 u l-2005.

It-tieni sensiela, maħruġa bejn Ġunju 2005 u Marzu 2006, għandha l-istemma araldika tal-Kardinal Ċambellan, l-aġent kap tal-Istat tal-Belt tal-Vatikan, li hi stampata fuq l-emblema tal-Kamra Appostolika fiċ-ċentru tal-munita. Madwar il-parti ta' fuq ta' dan id-disinn hemm il-kliem "SEDE VACANTE" rranġati f'nofs ċirku flimkien mas-sena tal-ħruġ b’numri Rumani, i.e. "MMV". L-isem tad-disinjatur, "D. LONGO", jidher fix-xifer t’isfel fuq ix-xellug tad-disinn ċentrali, waqt li l-inizjali tal-intaljaturi rispettivi jidhru fix-xifer t’isfel fuq il-lemin, jiġifieri "MAC inc" (fuq il-muniti ta’ 1 ċenteżmu u 20 ċenteżmu), "LDS inc" (fuq il-muniti ta’ 2 ċenteżmi u 50 ċenteżmu), "ELF inc" (fuq il-muniti ta’ 5 ċenteżmi u €1) u "MCC inc" (fuq il-muniti ta’ 10 ċenteżmi u €2).

Fit-tielet sensiela, maħruġa bejn April 2006 u Diċembru 2013, hemm ix-xbieha tal-Papa Benedittu XVI. Fuq ix-xellug hemm l-inizjali tad-disinjatur ("DL").

Fir-raba' sensiela, maħruġa għall-ewwel darba f'Jannar 2014, hemm ix-xbieha tal-Papa Franġisku.

Fil-ħames sensiela, maħruġa għall-ewwel darba f'Marzu 2017, hemm l-istemma araldika tas-Sovran tal-Istat tal-Belt tal-Vatikan, il-Papa Franġisku.

Fuq il-muniti ta' kull sensiela hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea, il-kliem "CITTÀ DEL VATICANO", is-sena tal-ħruġ u l-marka taz-zekka "R".

Belt tal-Vatikan

Ċipru

Il-muniti ta' 1 ċenteżmu, 2 ċenteżmi u 5 ċenteżmi juru xbieha ta' żewġ mufluni, speċi ta' nagħġa salvaġġa li tinstab Ċipru u tirrappreżenta l-annimali slavaġ tal-gżira.

Ċipru

Estonja

Id-disinn tan-naħa nazzjonali tal-muniti tal-Estonja hu l-istess għad-denominazzjonijiet kollha. Juri xbieha ġeografika tal-Estonja u l-kelma "Eesti", li tfisser "Estonja".

Estonja

Finlandja

Il-Finlandja għażlet tliet disinji bbażati fuq dawk li ntużaw qabel fuq il-muniti nazzjonali. Il-muniti ta' 1 ċenteżmu, 2 ċenteżmi, 5 ċenteżmi, 10 ċenteżmi, 20 ċenteżmu u 50 ċenteżmu juru l-iljun araldiku Finlandiż f'riproduzzjoni ta’ disinn tal-iskultur Heikki Häiväoja. Matul is-snin intużaw diversi disinji differenti tal-iljun araldiku fuq bosta muniti tal-Finlandja, bħal fuq il-muniti ta' 1 markka bejn l-1964 u l-2001.

Finlandja

Franza

Għan-naħa nazzjonali tal-ewwel sensiela ta’ muniti tal-euro Franċiżi ġew ikkunsidrati ’l fuq minn 1,200 disinn. Kumitat ippresedut mill-Ministru għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Finanzi għażel tliet disinji għal denominazzjonijiet speċifiċi.

Il-muniti ta' 1 ċenteżmu, 2 ċenteżmi u 5 ċenteżmi juru liż-żagħżugħa Marianne b'fattizzi determinati li jippersonifikaw ix-xewqa għal Ewropa b'saħħitha u dejjiema. Id-disinn sar minn Fabienne Courtiade, inċiżur taz-Zekka ta' Pariġi.

Franza

Ġermanja

Uffiċjali u esperti fin-numismatika Ġermaniżi għażlu tliet disinji differenti għall-muniti tal-euro tagħhom. Il-muniti ta' 1 ċenteżmu, 2 ċenteżmi u 5 ċenteżmi juru l-fergħa tal-ballut li tfakkar dik li tinsab fuq il-muniti pfennig Ġermaniżi antiki u tipprovdi t-tema għal dawn il-muniti. Il-munita ġiet iddisinjata mill-Professur Rolf Lederbogen.

Ġermanja

Greċja

Il-Ministru għall-Ekonomija Nazzjonali u l-Gvernatur tal-Bank tal-Greċja għażlu d-disinji għall-muniti tal-euro tagħhom minn sett ta’ proposti ppreżentati minn kumitat tekniku u artistiku nazzjonali. Id-disinji rebbieħa saru mill-iskultur Georges Stamatopoulos, li kien sponsorjat mill-Bank tal-Greċja. Hemm disinn differenti għal kull denominazzjoni. Il-munita turi korvetta, tip ta’ bastiment użat matul il-Gwerra Griega tal-Indipendenza (1821-27).

Greċja

Irlanda

Il-Gvern tal-Irlanda ddeċieda li kellu jkun hemm disinn nazzjonali wieħed għad-denominazzjonijiet kollha tal-muniti Irlandiżi. Dawn juru xbieha tal-arpa Ċeltika, simbolu tradizzjonali tal-Irlanda, imżejna bis-sena tal-ħruġ u l-kelma "Éire − Irlanda bl-Irlandiż. L-arpa li tidher fuq il-muniti ġiet iddisinjata minn Jarlath Hayes.

Irlanda

Kroazja

Il-Kroazja għażlet erba' disinji għan-naħat nazzjonali tal-muniti tal-euro, kollha juru l-mudell distintiv tal-iskakkiera Kroata fl-isfond. Fuq il-muniti kollha jidhru t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Il-munita tal-2 ċenteżmi turi motif tal-ittri “HR” bl-Iskritt Glagolitiku angolari. L-alfabett Glagolitiku huwa l-eqdem kitba Slavika magħrufa u ntużat fil-Kroazja sas-seklu 19. Il-munita ġiet iddisinjata minn Maja Škripelj u tinkludi s-sena tal-ħruġ u l-iskrizzjoni “HRVATSKA”, l-isem tal-pajjiż bil-Kroat.

Kroazja

Latvja

Il-munita ta' 2 ċenteżmu turi l-istemma araldika ż-żgħira tar-Repubblika tal-Latvja. Id-disinjatur huwa Laimonis Šēnbergs.

Latvja

l-Italja

Fl-Italja, id-disinji tal-muniti tal-euro kienu suġġetti għal skrutinju minn kumitat tekniku u artistiku nazzjonali qabel ma ġew ippreżentati lin-nazzjon fuq l-akbar stazzjon televiżiv nazzjonali tal-Italja. Intgħażel disinn differenti għal kull denominazzjoni minn fost kapolavuri ta' artisti Taljani famużi. Din il-munita turi l-Mole Antonelliana, torri iddisinjat fl-1863 minn Alessandro Antonelli.

l-Italja

Litwanja

Il-muniti tal-euro tal-Litwanja juru l-istemma araldika tar-Repubblika tal-Litwanja, Vytis, il-pajjiż li ħariġhom "LIETUVA" u s-sena meta ħarġu "2015". Il-muniti juru wkoll it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea u ġew iddisinjati mill-iskultur Antanas Žukauskas.

Litwanja

Lussemburgu

Yvette Gastauer-Claire ddisinjat il-muniti bi qbil mal-Familja Rjali u mal-Gvern tal-Lussemburgu.

Il-muniti kollha tal-Lussemburgu juru l-profil tal-Altezza Rjali Tiegħu l-Gran Duka Henri. Juru wkoll is-sena meta ħarġu u l-kelma "Lussemburgu" miktuba bil-Lussemburgiż("Lëtzebuerg").

Lussemburgu

Malta

Il-muniti ta' 1 ċenteżmu, 2 ċenteżmi u 5 ċenteżmi juru l-altar li jinsab fit-tempji preistoriċi tal-Imnajdra, mibnijin għall-ħabta tas-sena 3600 qabel Kristu fuq għolja żgħira li tagħti fuq il-baħar.

Malta

Monako

Hemm żewġ sensiliet ta' muniti fiċ-ċirkolazzjoni.

L-ewwel sensiela turi l-Altezza Serena Tiegħu l-Prinċep Rainier III fuq il-munita ta’ €2. Fuq il-munita tal-€1 hemm xbieha doppja tal-uċuħ tal-Altezza Serena Tiegħu l-Prinċep Rainier III u l-Altezza Serena Tiegħu l-Prinċep Ereditarju Albert. Fuq il-muniti tal-10 ċenteżmi, 20 ċenteżmu u 50 ċenteżmu hemm is-siġill tal-Prinċep. L-istemma araldika tal-Prinċipijiet Sovrana ta’ Monako tidher fuq il-muniti ta' 1 ċenteżmu, 2 ċenteżmi u 5 ċenteżmi.

It-tieni sensiela turi xbieha ta' wiċċ l-Altezza Serena Tiegħu l-Prinċep Albert II fuq il-muniti tal-€1 u €2. Monogramma tal-AST il-Prinċep Albert II tidher fuq il-muniti ta' 10 ċenteżmi, 20 ċenteżmu u 50 ċenteżmu. L-istemma araldika tal-Prinċipijiet Sovrana ta’ Monako tidher fuq il-muniti ta' 1 ċenteżmu, 2 ċenteżmi u 5 ċenteżmi.

Monako

Pajjiżi l-Baxxi

Għall-ewwel sensiela, l-Olanda għażlet żewġ disinji ta' Bruno Ninaber van Eyben li juru r-Reġina Beatrix. Hemm żewġ sensiliet ta' muniti fiċ-ċirkolazzjoni. It-tnejn huma validi.

It-tieni sensiela, li daħlet fl-2014, turi lir-Re Willem-Alexander flimkien mal-iskrizzjoni "Willem-Alexander Koning der Nederlanden" (Re tal-Olanda).

Muniti ta' 1 ċenteżmu, 2 ċenteżmi, 5 ċenteżmi, 10 ċenteżmi, 20 ċenteżmu u 50 ċenteżmu:

L-ewwel sensiela: Tidher xbieha tar-Reġina Beatrix flimkien mal-iskrizzjoni "Beatrix Koningin der Nederlanden" (Beatriċe Reġina tal-Olanda).

It-tieni sensiela: Fuq ix-xbieha tar-Re Willem-Alexander hemm il-kliem "Willem-Alexander Koning der Nederlanden" (Re tal-Pajjiżi l-Baxxi). Il-marki taz-zekka jidhru fuq kull naħa tal-isem.

Pajjiżi l-Baxxi

Portugall

Intgħażlu tliet disinji differenti minn fost dawk li daħlu għal kompetizzjoni nazzjonali. Id-disinjatur Vítor Manuel Fernandes dos Santos, li tnebbaħ mis-simboli storiċi u mis-siġilli tal-ewwel Re tal-Portugall Dom Afonso Henriques, rebaħ il-kompetizzjoni bid-disinji li ġejjin: Il-muniti ta' 1 ċenteżmu, 2 ċenteżmi u 5 ċenteżmi juru x-xbieha tal-ewwel siġill irjali tal-1134, flimkien mal-iskrizzjoni "Portugal".

Portugall

San Marino

L-ewwel sensiela: Fuq il-muniti ta' 1 ċenteżmu, 2 ċenteżmi u 5 ċenteżmi hemm it-Tielet Torri (Montale), l-Istatwa tal-Libertà u l-Ewwel Torri (Guaita) rispettivament.


It-tieni sensiela: Fuq il-muniti ta' 1 ċenteżmu, 2 ċenteżmi u 5 ċenteżmi hemm l-istemma araldika tar-Repubblika ta' San Marino, Bieb-il Belt u l-Knisja ta' San Quirinus, rispettivament.

San Marino

Slovakkja

Fuq il-muniti ta' 1 ċenteżmu, 2 ċenteżmi u 5 ċenteżmi hemm il-quċċata tal-Muntanji Tatra, imsejħa Kriváň, simbolu tas-sovranità tan-nazzjon Slovakk, u l-emblema nazzjonali tas-Slovakkja.

Slovakkja

Slovenja

Fuq din il-munita hemm xbieha tal-Ġebla tal-Investitura Sovrana.

Slovenja

Spanja

Il-muniti ta’ Spanja għandhom tliet disinji bi xbihat tar-Re, Miguel de Cervantes u l-katidral ta’ Santiago de Compostela. Hemm tliet sensiliet ta' muniti fiċ-ċirkolazzjoni. Kollha huma validi.

Għat-tieni sensiela, fl-2010 sarilhom tibdil żgħir fid-disinn biex ikunu konformi mal-linji gwida komuni maħruġin mill-Kummissjoni Ewropea. Pereżempju, is-sena issa tidher imnaqqxa fil-parti ta’ ġewwa tal-munita.

Il-muniti ta' 1 ċenteżmu, 2 ċenteżmi u 5 ċenteżmi juru l-katidral ta' Santiago de Compostela, ġawhra tal-arkitettura Romaneska Spanjola u waħda mid-destinazzjonijiet l-aktar magħrufa fid-dinja għall-pellegrinaġġi. Il-muniti juru l-faċċata monumentali tal-Obradoiro, eżempju mill-isbaħ tal-kostruzzjoni barokka Spanjola, mibdi fl-1667 minn José del Toro u Domingo de Andrade. Ix-xogħol intemm fis-seklu 18 minn Fernando Casas y Novoa.

Spanja

Il-paġni kollha f’din it-taqsima