Greċja

Il-Ministru għall-Ekonomija Nazzjonali u l-Gvernatur tal-Bank tal-Greċja għażlu d-disinji għall-muniti tal-euro tagħhom minn sett ta’ proposti ppreżentati minn kumitat tekniku u artistiku nazzjonali. Id-disinji rebbieħa saru mill-iskultur Georges Stamatopoulos, li kien sponsorjat mill-Bank tal-Greċja. Hemm disinn differenti għal kull denominazzjoni.

€2

Din il-munita turi xena minn mużajk li nstab fi Sparta (it-tielet seklu wara Kristu) u li fiha Europa tidher qiegħda tinħataf minn Żeus, fis-sura ta' barri. Europa hija figura tal-mitoloġija Griega li minnha ħa ismu l-kontinent tal-Ewropa. Madwar ix-xifer tal-munita ta’ €2 jidher il-kliem EΛΛHNIKH ΔHMOKPATIA * (Repubblika Ellenika *).


€1

Din il-munita turi kokka meħuda minn xbieha li tidher fuq munita antika Atenjana ta’ 4 drakmi (il-ħames seklu qabel Kristu).


50 ċenteżmu

Din il-munita turi x-xbieha ta' Eleftherios Venizelos (1864−1936), wieħed mill-persunaġġi politiċi l-aktar prominenti tal-Greċja. Kien pijunier tar-riforma soċjali, diplomatiku magħruf u kellu sehem ewlieni fil-modernizzazzjoni tal-istat Grieg u fil-ħelsien tat-Tramuntana tal-Greċja u l-Gżejjer Eġej.


20 ċenteżmu

Din il-munita tfakkar lil Ioannis Capodistrias (1776-1831), politiku u diplomatiku ewlieni nazzjonali u Ewropew li sar l-ewwel Gvernatur tal-Greċja (1830-31) wara l-Gwerra Griega tal-Indipendenza (1821-27).


10 ċenteżmi

Fuq din il-munita jidher Rigas-Fereos (Velestinlis) (1757-98). Kien il-prekursur u figura ewlenija tal-illuminiżmu Grieg, kif ukoll viżjonarju u ħabbar tal-liberazzjoni tal-Balkani mill-ħakma Ottomana.


5 ċenteżmi

Din il-munita turi tanker tat-tbaħħir modern, li jirrifletti l-ispirtu innovattiv tat-tbaħħir Grieg.


2 ċenteżmi

Il-munita turi korvetta, tip ta’ bastiment użat matul il-Gwerra Griega tal-Indipendenza (1821-27).


1 ċenteżmu

Dan id-disinn juri mudell avvanzat ta' trirem Atenjan, li għal aktar minn mitejn sena kien l-akbar bastiment tal-gwerra u kien jintuża fi żmien id-demokrazija Atenjana (il-ħames seklu qabel Kristu).