Muniti kommemorattivi ta’ €2 – 2014

Id-deskrizzjonijiet li jidhru f’din il-paġna ttieħdu kelma b’kelma minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għalhekk għandhom mnejn ivarjaw xi ftit minn materjal ieħor ippubblikat f’din il-websajt.

Spanja

€2 naħa kommemorattiva

Tema: Bidla tal-Kap tal-Istat

Deskrizzjoni: Id-disinn juri x-xbihat fuq xulxin tal-uċuħ tar-Re Felipe VI u r-Re Juan Carlos I. Fin-naħa t’isfel tal-munita jidhru l-isem tal-pajjiż li ħareġ il-munita u s-sena meta ħarġet ‘ESPAÑA – 2014’. Fuq in-naħa tal-lemin tidher il-marka taz-zekka. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 12-il miljun munita

Data tal-ħruġ: Diċembru 2014


Franza

€2 naħa kommemorattiva

Tema: Il-ġlieda kontra l-AIDS permezz tal-Jum Dinji tal-AIDS

Deskrizzjoni: Iż-żigarella ħamra, li tissimbolizza l-ġlieda kontra l-AIDS, tinsab fil-parti ta’ ġewwa tal-munita. Iż-żigarella nħolqot mill-Visual AIDS Artist Caucus u mill-pittur Amerikan Frank Moore. Għandha tintlibes viċin il-qalb bħala simbolu ta’ solidarjetà ma’ min ibati bl-AIDS u tieħu s-sura ta’ V bil-maqlub. L-idea hija li din xi darba tintlibes bħala V biex turi r-rebħa fuq il-marda. Hemm tliet żigarelli fil-parti ta’ ġewwa. Waħda minnhom tinsab f’pożizzjoni konvenzjonali u tidher ħamra fil-verżjonijiet brilliant uncirculated (BU) u proof (PRF). Iż-żewġ żigarelli l-oħra jidhru bil-maqlub u huma assoċjati ma’ żewġ V biex isaħħu s-simboliżmu tar-rebħa tant mixtieqa fuq il-marda. Id-data tal-1 ta’ Diċembru, il-Jum Dinji tal-AIDS tal-UNESCO, tinsab fin-nofs fin-naħa ta’ fuq tal-munita. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 3 miljun munita

Data tal-ħruġ: Novembru 2014


Finlandja

€2 naħa kommemorattiva

Tema: Il-100 anniversarju tat-twelid tad-disinjatur Ilmari Tapiovaara

Deskrizzjoni: Fuq ix-xellug tal-parti ta’ ġewwa tal-munita jidhru minquxin f’ċirku isem Ilmari Tapiovaara u s-snin meta twieled u miet ‘1914–1999’. Fuq il-lemin tal-parti ta’ ġewwa tal-munita jidher dettall tad-disinn karatteristiku ta’ biċċa għamara ta’ Tapiovaara. L-inizjali tal-pajjiż li ħareġ il-munita ‘FI’, il-marka taz-zekka u s-sena meta ħarġet ‘2014’ jidhru ’l isfel fuq il-lemin. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 1 miljun munita

Data tal-ħruġ: Novembru 2014


Belt tal-Vatikan

€2 naħa kommemorattiva

Tema: Il-25 anniversarju tal-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin

Deskrizzjoni: Ix-xbieha ewlenija turi l-Ħajt ta’ Berlin b’xi brikks neqsin. Fuq il-ħajt tidher skrizzjoni bit-Taljan ‘XXV ANNIVERSARIO DEL CROLLO DEL MURO DI BERLINO 1989 2014’ (il-25 anniversarju tal-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin 1989 2014). Minn wara l-ħajt toħroġ biċċa fildiferru mxewka. F’nofs il-ħajt hemm fergħa taż-żebbuġ filwaqt li l-Bieb ta’ Brandenburg jidher fl-isfond. Fuq nett fit-tond tidher il-kitba ‘CITTÀ DEL VATICANO’ (Belt tal-Vatikan). Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 103,000 munita

Data tal-ħruġ: Ottubru 2014


Slovenja

€2 naħa kommemorattiva

Tema: Is-600 anniversarju tal-inkurunazzjoni ta’ Barbara Celjska

Deskrizzjoni: Ix-xbieha ewlenija tal-munita turi lir-Reġina Barbara ta’ Celje u x-xettru tagħha, b’disinn magħmul minn bosta linji djagonali rqaq. Fuq ix-xbieha hemm it-tliet stilel b’sitt ponot tipiċi tal-kontijiet ta’ Celje. Fuq ix-xellug tax-xbieha hemm l-iskrizzjoni ‘SLOVENIJA’ u fuq in-naħa tal-lemin hemm l-iskrizzjoni ‘BARBARA CELJSKA’ u s-snin ‘1414 – 2014’. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 1 miljun munita

Data tal-ħruġ: Ottubru 2014


Lussemburgu

€2 naħa kommemorattiva

Tema: Il-50 anniversarju tal-bidu tar-renju tal-Gran Duka Jean

Deskrizzjoni: Il-parti ta’ ġewwa tal-munita turi x-xbihat ta’ wiċċ l-Altezzi Rjali Tagħhom, il-Gran Duka Henri u l-Gran Duka Jean, it-tnejn iħarsu lejn ix-xellug. Fil-parti ta’ fuq jidhru s-sena ‘1964’ u kuruna kbira fuq ix-xbieha taż-żewġ Gran Duki. In-naħa t’isfel jidhru l-ismijiet ‘Jean’ u ‘Henri’ taħt ix-xbieha rispettiva tagħhom kif ukoll is-sena ‘2014’. L-iskrizzjoni ‘50e ANNIVERSAIRE DE L’ACCESSION AU TRÔNE DU GRAND-DUC JEAN’ (il-50 anniversarju tal-bidu tar-renju tal-Gran Duka Jean) iddur fit-tond mal-parti ta’ ġewwa tan-naħa ta’ fuq tal-munita. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 1.4 miljun munita

Data tal-ħruġ: Ottubru 2014


Portugall

€2 naħa kommemorattiva

Tema: Is-Sena Internazzjonali tal-Biedja fil-Familja

Deskrizzjoni: Fil-parti tan-nofs tad-disinn hemm rappreżentati għodod tipiċi li jintużaw fl-agrikoltura tradizzjonali. Fin-nofs tidher qroqqa fuq il-bajd u madwarha jidhru diversi prodotti tal-biedja bħal qara’ aħmar, patata u ħxejjex oħra. Fuq ix-xellug, fit-tond, jidher is-suġġett tat-tifkira ‘AGRICULTURA FAMILIAR’ (il-biedja fil-familja) u fuq il-lemin hemm isem il-pajjiż li ħareġ il-munita ‘PORTUGAL’ u s-sena meta ħarġet ‘2014’. Fuq ix-xellug fin-naħa t’isfel tidher il-marka taz-zekka ‘INCM’. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 500,000 munita

Data tal-ħruġ: Ottubru 2014


Malta

€2 naħa kommemorattiva

Tema: L-istorja kostituzzjonali – L-Indipendenza ta’ Malta fl-1964

Deskrizzjoni: Il-munita, li tfakkar il-kostituzzjoni tal-Indipendenza ta’ Malta fl-1964, hija r-raba’ waħda f’sensiela ta’ ħames muniti li jfakkru l-passi kostituzzjonali importanti fl-istorja ta’ Malta. Bis-saħħa tal-kostituzzjoni tal-1964, Malta saret nazzjon indipendenti għall-ewwel darba wara mijiet ta’ snin ta’ ħakma barranija. Il-munita turi dettall tal-monument tal-bronż li jfakkar l-Indipendenza, iddisinjat mill-artist Gianni Bonnici fl-1989. Dan juri mara żagħżugħa, li tirrappreżenta lil Malta, iżżomm il-bandiera Maltija. Fuq il-lemin, mad-dawra ta’ ġewwa, hemm il-kitba ‘MALTA – Independence 1964’ (Malta – Indipendenza 1964) u fin-naħa t’isfel hemm is-sena meta ħarġet il-munita ‘2014’. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 400,000 munita

Data tal-ħruġ: Ottubru 2014


San Marino

€2 commemorative side

Tema: Id-90 anniversarju tal-mewt ta’ Giacomo Puccini

Deskrizzjoni: Id-disinn juri xbieha ta’ wiċċ il-kompożitur Giacomo Puccini. Fuq il-lemin hemm isem il-pajjiż li ħareġ il-munita ‘SAN MARINO’ f’nofs ċirku. Fuq ix-xellug hemm l-iskrizzjoni ‘G. PUCCINI’ u l-marka taz-zekka. Fil-parti t’isfel tidher is-sena meta ħarġet il-munita ‘2014’. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 100,000 munita

Data tal-ħruġ: Settembru 2014


Belġju

€2 naħa kommemorattiva

Tema: Il-150 anniversarju tal-Għaqda tas-Salib l-Aħmar tal-Belġju

Deskrizzjoni: Il-munita turi salib li f’nofsu għandu n-numru ‘150’. L-iskrizzjonijiet ‘RODE KRUIS’ u ‘CROIX ROUGE’ (is-Salib l-Aħmar bl-Olandiż u bil-Franċiż) jinsabu fil-parti l-wieqfa u fil-parti l-mimduda tas-salib rispettivament. Madwar is-salib hemm il-marka taz-Zekka ta’ Brussell (profil tal-Arkanġlu Mikiel liebes l-elmu), il-marka tal-istampier, is-sena meta ħarġet il-munita ‘2014’ u l-inizjali tal-pajjiż li ħariġha ‘BE’. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 260,000 munita

Data tal-ħruġ: Settembru 2014


Greċja

€2 naħa kommemorattiva

Tema: Il-150 anniversarju tal-għaqda tal-Gżejjer Joniċi mal-Greċja (1864-2014)

Deskrizzjoni: Il-parti ta’ ġewwa tal-munita turi stilla b’seba’ ponot bil-kliem minqux bil-Grieg ‘150 Sena mill-Għaqda tal-Gżejjer Joniċi mal-Greċja 1864-2014’, l-isem tal-pajjiż li ħareġ il-munita ‘Repubblika Ellenika’ u l-marka taz-zekka statali tal-Greċja. L-ispazji bejn il-ponot tal-istilla fihom is-simboli tal-Gżejjer Joniċi. Id-disinn kollu huwa mdawwar b’bordura dekorattiva mmewġa stilizzata. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 750,000 munita

Data tal-ħruġ: Settembru 2014


Greċja

€2 naħa kommemorattiva

Tema: L-400 anniversarju tal-mewt ta’ Domenikos Theotokopoulos (1614-2014)

Deskrizzjoni: Fuq il-lemin tal-munita tidher xbieha ta’ wiċċ Domenikos Theotokopoulos. Fl-isfond tidher figura tipika ta’ xogħlu, eżempju tat-teknika tiegħu. Fuq ix-xellug jidhru s-sena meta ħarġet il-munita ‘2014’ u l-firma karatteristika tal-artist ‘Domenikos Theotokopoulos Epoiei’. Fuq il-lemin fin-naħa ta’ fuq tidher il-marka taz-zekka statali tal-Greċja. Id-disinn huwa mdawwar bi skrizzjoni bil-Grieg ‘Domenikos Theotokopoulos 1541-1614’ u l-isem tal-pajjiż li ħareġ il-munita ‘Repubblika Ellenika’. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 750,000 munita

Data tal-ħruġ: Settembru 2014


Latvja

€2 naħa kommemorattiva

Tema: Riga – il-Kapitali Ewropea tal-Kultura 2014

Deskrizzjoni: Ix-xbieha ċentrali tal-munita turi l-profil tal-belt ta’ Riga u ċ-ċentru storiku tagħha, li jinsab fil-lista tal-postijiet li huma Patrimonju Dinji tal-UNESCO. Madwar in-naħa ta’ fuq tal-munita hemm l-iskrizzjoni ‘EIROPAS KULTURAS GALVASPILSETA’ (Kapitali Ewropea tal-Kultura) u fin-naħa t’isfel jidher l-isem tal-belt u s-sena meta ħarġet il-munita ‘RIGA – 2014’ u taħthom l-inizjali tal-pajjiż li ħariġha ‘LV’.  Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 1 miljun munita

Data tal-ħruġ: Settembru 2014


Malta

€2 naħa kommemorattiva

Tema: Il-200 sena mit-twaqqif tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta

Deskrizzjoni: Il-munita tfakkar il-200 anniversarju tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta, li twaqqaf bil-Proklama XXII tal-1814. Għalhekk il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta huwa fost l-eqdem fl-Ewropa. Il-munita turi l-arma tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta, b’madwarha l-kitba ‘200 YEARS - MALTA POLICE FORCE’ (200 sena - Korp tal-Pulizija ta’ Malta) u s-snin ‘1814–2014’ fin-naħa t’isfel. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 300,000 munita

Data tal-ħruġ: Lulju 2014


San Marino

€2 commemorative side

Tema: Il-500 anniversarju tal-mewt ta’ Bramante Lazzari delle Penne di San Marino

Deskrizzjoni: Il-munita turi xbieha ta’ wiċċ Bramante u parti mit-Tempietto (‘tempju żgħir’) li huwa qabar kommemorattiv mibni minn Donato Bramante għall-ħabta tal-1502 fil-bitħa ta’ San Pietro in Montorio u meqjus kapulavur tal-arkitettura Taljana tar-Rinaxximent. Il-kitba ‘BRAMANTE LAZZARI DELLE PENNE DI SAN MARINO’ iddawwar id-disinn kważi għalkollox. Fuq ix-xellug u fuq il-lemin hemm is-snin ‘1514’ u ‘2014’ rispettivament. Isfel nett jidhru l-inizjali tal-artista ‘MCC’ (Maria Carmela Colaneri) u l-marka taz-zekka. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 100,000 munita

Data tal-ħruġ: Ġunju 2014


Finlandja

€2 naħa kommemorattiva

Tema: Il-100 anniversarju tat-twelid tal-kittieb u pittur Tove Jansson

Deskrizzjoni: Fil-parti ta’ ġewwa tal-munita tidher xbieha ta’ wiċċ Tove Jansson. Taħt ix-xbieha hemm il-firma tiegħu u s-snin ‘1914-2001’. Fuq ix-xellug hemm l-inizjali tal-pajjiż li ħareġ il-munita ‘FI’ filwaqt li fuq il-lemin hemm is-sena meta ħarġet ‘2014’ u l-marka taz-zekka. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 1.5 miljun munita

Data tal-ħruġ: Ġunju 2014


Italja

€2 naħa kommemorattiva

Tema: Il-200 anniversarju tal-fondazzjoni tal-Arma dei Carabinieri

Deskrizzjoni: Id-disinn juri interpretazzjoni ġdida tal-iskultura ‘Pattuglia di Carabinieri nella tormenta’ (skwadra ta’ Carabinieri f’burraxka tas-silġ) li saret fl-1973 minn Antonio Berti. Fuq il-lemin jidhru l-monogramma tar-Repubblika Taljana ‘RI’ u s-sena ‘2014’. Fuq ix-xellug tidher is-sena ‘1814’. In-naħa ta’ fuq tidher il-monogramma taz-Zekka ta’ Ruma ‘R’ u n-naħa t’isfel tidher il-monogramma tad-disinjatriċi Luciana De Simoni ‘LDS’. Il-kelma ‘CARABINIERI’ iddur man-naħa t’isfel tal-munita. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 6.5 miljun munita

Data tal-ħruġ: Ġunju 2014


Italja

€2 naħa kommemorattiva

Tema: L-450 anniversarju tat-twelid ta’ Galileo Galilei (li twieled fl-1564)

Deskrizzjoni: Id-disinn juri xbieha ta’ wiċċ Galileo Galilei mill-pittura ta’ Justus Sustermans, 1636 (Firenze, Galleria degli Uffizi). Madwar in-naħa ta’ fuq jidher l-isem ‘GALILEO GALILEI’. Fuq il-lemin jidhru l-monogramma taz-Zekka ta’ Ruma ‘R’, teleskopju astronomiku u l-monogramma tad-disinjatriċi Claudia Momoni ‘C.M.’. Fuq ix-xellug jidhru l-monogramma tar-Repubblika Taljana ‘RI’ u fin-naħa t’isfel id-dati ‘1564-2014’. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 6.5 miljun munita

Data tal-ħruġ: Ġunju 2014


Franza

€2 naħa kommemorattiva

Tema: Is-70 anniversarju tal-iżbark fin-Normandija fis-6 ta’ Ġunju 1944

Deskrizzjoni: Il-parti ta’ fuq tal-munita turi l-kelma ‘D-DAY’ fis-sura ta’ lanċa tal-iżbark u kanun ta’ tank tal-gwerra. Is-snin ‘1944-2014’ jidhru fuq il-kanun tat-tank filwaqt li l-kitba ‘70e Anniversaire du Débarquement’ (is-70 anniversarju tal-iżbark) tidher sewwasew taħthom f’nofs il-munita. Il-marki distinti li ħallew iż-żraben tat-truppi Amerikani, Britanniċi u Kanadiżi jidhru jgħibu ftit ftit fir-ramel mal-mewġ. Fil-mewġ jidher imnaqqax il-kliem ta’ poeżija ta’ Verlaine li ntuża bħala kodiċi li ta bidu għall-iżbark: ‘Les sanglots longs des violons de l’automne blessent mon coeur d’une langueur monotone’ (It-tinwiħ fit-tul tal-vjolini tal-ħarifa jweġġagħli qalbi b’telqa monotona). Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 3 miljun munita

Data tal-ħruġ: Ġunju 2014


Olanda

€2 naħa kommemorattiva

Tema: It-tislima uffiċjali lill-ex Reġina Beatrix

Deskrizzjoni: Il-munita turi x-xbihat tar-Re Willem-Alexander u l-ex Reġina Beatrix. Fuq ix-xellug, f’nofs tond, tidher l-iskrizzjoni ‘WILLEM-ALEXANDER KONING DER NEDERLANDEN’ (Willem-Alexander Re tal-Olanda) u fuq il-lemin, f’nofs tond, hemm l-iskrizzjoni ‘BEATRIX PRINSES DER NEDERLANDEN’ (Beatrix Prinċipessa tal-Olanda). Bejn iż-żewġ skrizzjonijiet fin-naħa ta’ fuq jidher is-simbolu tal-kuruna filwaqt li fin-naħa t’isfel jidhru l-marka tal-istampier, il-marka taz-zekka u bejniethom is-sena meta ħarġet il-munita ‘2014’. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 1 miljun munita

Data tal-ħruġ: Mejju 2014


Slovakkja

€2 naħa kommemorattiva

Tema: L-10 anniversarju tas-sħubija tar-Repubblika Slovakka fl-Unjoni Ewropea

Deskrizzjoni: F’nofs il-munita jidhru l-ittri stilizzati ‘EÚ’, it-taqsira għal Unjoni Ewropea, bl-arma tar-Repubblika Slovakka inkorporata fuq l-ittra ‘Ú’. Fuq il-lemin tal-parti ta’ ġewwa tal-munita, f’żewġ linji, tidher id-data tas-sħubija tar-Repubblika Slovakka fl-Unjoni Ewropea ‘1.5.2004’ u eżatt taħtha s-sena ‘2014’. Taħt ix-xbieha ewlenija jidher isem il-pajjiż li ħareġ il-munita ‘SLOVENSKO’ filwaqt li mad-dawra tan-naħa ta’ fuq hemm l-iskrizzjoni ‘10. VÝROČIE VSTUPU DO EURÓPSKEJ ÚNIE’ (l-10 anniversarju tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea). Fin-naħa t’isfel fuq ix-xellug hemm il-marka taz-Zekka ta’ Kremnica (magħmula mill-ittri ‘MK’ bejn żewġ dadi) filwaqt li fuq il-lemin jidhru l-ittri stilizzati ‘MP’, l-inizjali tad-disinjatriċi Mária Poldaufová. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 1 miljun munita

Data tal-ħruġ: April 2014


Portugall

€2 naħa kommemorattiva

Tema: L-40 anniversarju tar-Rivoluzzjoni tal-25 ta’ April

Deskrizzjoni: Ix-xbieha ewlenija tirrappreżenta s-sura ta’ qronfla, il-fjura li tissimbolizza l-moviment u li minnha ħadet isimha r-rivoluzzjoni. L-isem tal-pajjiż li ħareġ il-munita ‘PORTUGAL’ u l-istemma araldika huma minquxa fin-naħa ta’ fuq tal-fjura. F’nofs ix-xbieha hemm id-data tal-ġrajja ‘25 DE ABRIL’ (25 ta’ April) u fin-naħa t’isfel jidher l-għadd ta’ snin li għaddew mir-rivoluzzjoni ‘40 ANOS’ (40 sena) u s-sena meta ħarġet il-munita ‘2014’. L-għamla tal-ittri u n-numri hija mnebbħa minn dawk użati fil-kartelluni u materjal politiku ieħor ta’ 40 sena ilu, bħala simbolu tal-perjodu ewforiku li seħħ eżatt wara l-ġrajja. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 500,000 munita

Data tal-ħruġ: April 2014


Belġju

€2 naħa kommemorattiva

Tema: Iċ-ċentinarju tal-bidu tal-Ewwel Gwerra Dinjija

Deskrizzjoni: Fil-parti ta’ ġewwa tal-munita tidher xbieha ta’ peprina fuq is-snin 2014-18. Taħt id-data hemm il-kitba ‘The Great War Centenary’ (iċ-Ċentinarju tal-Gwerra l-Kbira) u aktar ’l isfel jidhru l-marka tal-istampier u l-marka taz-Zekka ta’ Brussell, profil tal-Arkanġlu Mikiel liebes l-elmu. Madwar in-naħa ta’ fuq jidher isem il-pajjiż li ħareġ il-munita bit-tliet lingwi uffiċjali tal-Belġju ‘BELGIE-BELGIQUE-BELGIEN’. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 1.75 miljun munita

Data tal-ħruġ: April 2014


Spanja

€2 naħa kommemorattiva

Tema: Il-Patrimonju Kulturali u Naturali Dinji tal-UNESCO – Park Güell

Deskrizzjoni: Ix-xbieha ewlenija turi skultura ta’ gremxula, li hija l-emblema tal-Park Güell, iddisinjata mill-arkitett Antoni Gaudí. Bħala sfond hemm dettall ta’ waħda mit-tined ornamentali li jinsabu fid-daħla għall-Park Güell. Fin-naħa ta’ fuq, għat-tond u b’ittri kbar, jidher il-kliem ‘ESPAÑA’ u ‘PARK GÜELL-GAUDÍ’. Fuq ix-xellug tidher is-sena meta ħarġet il-munita ‘2014’ u fuq il-lemin il-marka taz-Zekka ta’ Madrid. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 8 miljun munita

Data tal-ħruġ: Marzu 2014


Andorra

€2 commemorative side

Tema: 20 sena fil-Kunsill tal-Ewropa

Deskrizzjoni: Id-disinn juri l-istemma araldika ta’ Andorra fin-nofs fuq ix-xellug u ħdejha l-iskrizzjoni ‘20’ biż-żero stilizzat biex jirrappreżenta l-bandiera tal-Kunsill tal-Ewropa. Fin-naħa ta’ fuq hemm l-iskrizzjonijiet ‘ANDORRA’ u taħtha ‘AL CONSELL D’EUROPA’. Is-sena ‘2014’ tidher isfel fuq ix-xellug u minn ħdejha titla’ linja oblikwa għal taħt l-‘20’. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 100,000 munita

Data tal-ħruġ: Frar 2014


Lussemburgu

€2 naħa kommemorattiva

Tema: Il-175 anniversarju tal-indipendenza tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu

Deskrizzjoni: Fin-naħa tal-lemin tal-parti ta’ ġewwa tal-munita tidher ix-xbieha ta’ wiċċ l-Altezza Rjali Tiegħu, il-Gran Duka Henri, iħares lejn il-lemin, u fuq in-naħa tax-xellug jidhru weqfin is-snin ‘1839’ u ‘2014’ u l-isem tal-pajjiż li ħareġ il-munita ‘LËTZEBUERG’. L-iskrizzjonijiet ‘ONOFHÄNGEGKEET’ (Indipendenza) u ‘175 Joër’ (175 sena) jidhru fin-naħa t’isfel tal-parti ta’ ġewwa tal-munita. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 1.4 miljun munita

Data tal-ħruġ: Jannar 2014


Ġermanja

€2 naħa kommemorattiva

Tema: Niedersachsen, mis-sensiela ‘Länder’ (Reġjuni)

Deskrizzjoni: Id-disinn juri l-Knisja ta’ San Mikiel f’Hildesheim, is-Sassonja t’Isfel, li ilha fil-lista tal-Patrimonju Kulturali Dinji tal-UNESCO mill-1985. Fin-naħa ta’ fuq tal-parti ta’ ġewwa tal-munita tidher is-sena meta ħarġet il-munita ‘2014’ u fuq ix-xellug il-marka taz-zekka (A,D,F,G jew J). Fin-naħa t’isfel tidher l-iskrizzjoni ‘NIEDERSACHSEN’ u taħtha l-ittra ‘D’ tal-pajjiż li ħareġ il-munita. Fuq il-lemin fin-naħa ta’ fuq jidhru l-inizjali tal-inċiżur ‘OE’ (Ott Erich). Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 30 miljun munita

Data tal-ħruġ: Jannar 2014