Muniti kommemorattivi ta’ €2 – 2009

Slovakkja

€2 naħa kommemorattiva

Tema: L-20 anniversarju tas-17 ta' Novembru 1989 (Jum il-ġlieda għall-ħelsien u d-demokrazija)

Deskrizzjoni: Fuq il-munita tidher qanpiena stilizzata bl-ilsien f'sura ta' mazz ċwievet. Il-munita tfakkar id-dimostrazzjoni tas-17 ta' Novembru 1989 meta dawk li ħadu sehem fil-protesta ċekċku ċ-ċwievet tagħhom bħala simbolu tal-ftuħ tal-bibien, ġrajja li ċċelebrat il-bidu tar-'Rivoluzzjoni tal-Bellus' fiċ-Ċekoslovakkja ta' dak iż-żmien. 'L isfel mill-qanpiena hemm il-marka tad-disinjatur u l-marka taz-zekka Mincovňa Kremnica (iz-zekka Slovakka). Madwar il-qanpiena hemm il-kitba ‘17. NOVEMBER SLOBODA DEMOKRACIA’, id-dati ‘1989-2009’ u l-isem tal-pajjiż tal-ħruġ ‘SLOVENSKO’. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 1 miljun munita

Data tal-ħruġ: Novembru 2009


Finlandja

€2 naħa kommemorattiva

Tema: Il-200 anniversarju tal-awtonomija Finlandiża u tad-Diet (assemblea leġiżlattiva) ta' Porvoo

Deskrizzjoni: L-ewwel assemblea leġiżlattiva tal-Finlandja ltaqgħet fl-1809 f'Porvoo. Għalhekk fuq il-munita hemm il-profil tal-katidral ta' Porvoo fejn saret iċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni. Fin-naħa ta' fuq hemm is-sena ‘1809’ miktuba b'ċifri stilizzati. Fuq ix-xellug hemm l-inizjali tal-pajjiż li ħareġ il-munita ‘FI’ u fuq il-lemin hemm is-sena tal-ħruġ ‘2009’. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 1.6 miljun munita

Data tal-ħruġ: Ottubru 2009


Belt tal-Vatikan

€2 naħa kommemorattiva

Tema: Is-Sena Internazzjonali tal-Astronomija

Deskrizzjoni: Din il-munita nħarġet fl-okkażjoni tas-Sena Internazzjonali tal-Astronomija. Fil-parti ċentrali tal-munita hemm allegorija tat-twelid tal-istilel u l-pjaneti flimkien ma' diversi strumenti astronomiċi. Id-disinn ġie mnebbaħ mill-affreski ta' Michelangelo li jinsabu fil-Kappella Sistina. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 106,000 munita

Data tal-ħruġ: Ottubru 2009


Italja

€2 naħa kommemorattiva

Tema: Il-200 anniversarju tat-twelid ta' Louis Braille

Deskrizzjoni: Fuq il-munita hemm id qiegħda tmiss ktieb miftuħ biex taqrah. Is-seba' l-werrej huwa ppuntat lejn skrizzjoni vertikali ‘LOUIS BRAILLE 1809-2009’ u żewġ għasafar qegħdin itiru 'l fuq mill-id, simbolu tal-ħelsien tal-għerf. Il-monogramma tar-Repubblika Taljana ‘RI’ tinsab fuq il-lemin fin-naħa ta' fuq filwaqt li l-marka taz-zekka ‘R’ tinsab fuq il-lemin in-naħa t'isfel. Taħt il-ktieb hemm isem Braille miktub bl-alfabett li ivvinta huwa stess. Isfel nett hemm l-inizjali ‘M.C.C.’ ta’ Maria Carmela Colaneri li ddisinjat il-munita. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 2 miljun munita

Data tal-ħruġ: Ottubru 2009


Belġju

€2 naħa kommemorattiva

Tema: Il-200 anniversarju tat-twelid ta' Louis Braille

Deskrizzjoni: Fin-nofs tal-munita tidher xbieha ta' Louis Braille bl-inizjali tiegħu ‘L’ u ‘B’ miktubin bl-alfabett li fassal huwa stess. Ismu jidher 'il fuq mix-xbieha u taħtha hemm l-inizjali tal-pajjiż li ħareġ il-munita ‘BE’ u s-snin ‘1809’ u ‘2009’. Fuq ix-xellug u fuq il-lemin rispettivament hemm il-marka taz-zekka u l-marka tal-istampier. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 5 miljun munita

Data tal-ħruġ: Settembru 2009


Portugall

€2 naħa kommemorattiva

Tema: It-Tieni Logħob Lużofonu

Deskrizzjoni: Il-munita nħarġet għaċ-ċelebrazzjoni tal-logħob organizzat għall-pajjiżi li l-lingwa tagħhom hija l-Portugiż. Fuqha jidher ġinnasta qiegħed ixejjer żigarella twila. L-istemma araldika Portugiża tidher fin-naħa ta' fuq tal-munita flimkien mal-isem tal-pajjiż li ħareġ il-munita ‘PORTUGAL’. Fin-naħa t'isfel, il-kitba ‘2.os JOGOS DA LUSOFONIA LISBOA’ (it-Tieni Logħob Lużofonu Lisbona) hija minquxa bejn l-inizjali ‘INCM’ fuq ix-xellug u l-isem tad-disinjatur ‘J. AURÉLIO’ fuq il-lemin. Is-sena ‘2009’ tidher ’il fuq mill-ġinnasta. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea fuq sfond ta' linji tondi konċentriċi.

Volum tal-ħruġ: 1.25 miljun munita

Data tal-ħruġ: Ġunju 2009


San Marino

€2 naħa kommemorattiva

Tema: Is-Sena Ewropea tal-Kreattività u l-Innovazzjoni

Deskrizzjoni: Fuq il-munita hemm simboli tar-riċerka xjentifika: ktieb, kumpass, tubu żgħir tal-ħġieġ u flixkun li jintuża fil-laboratorji. Fuq ix-xellug hemm it-tliet rixiet emblematiċi tar-Repubblika ta' San Marino. Fuq il-lemin hemm is-sena ‘2009’ u l-marka taz-zekka ‘R’. Fin-naħa ta' fuq hemm il-kitba ‘CREATIVITÀ INNOVAZIONE’ (Kreattività u Innovazzjoni). Fin-naħa t'isfel hemm l-isem tal-pajjiż li ħareġ il-munita ‘SAN MARINO’ u l-inizjali tad-disinjatur ‘A.M.’. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 130,000 munita

Data tal-ħruġ: Mejju 2009


Ġermanja

€2 naħa kommemorattiva

Tema: L-Istat Federali ta' Saarland (sensiela Reġjuni)

Deskrizzjoni: Fuq il-munita hemm il-knisja magħrufa bħala Ludwigskirche, simbolu ta' Saarbrücken, il-kapitali tal-Istat Federali ta' Saarland. Ix-xbieha turi l-faċċata magħrufa tal-lvant u l-kampnar tal-knisja, bil-kelma ‘SAARLAND’ u ‘D’, il-marka taz-zekka, taħthom. Il-munita ġiet iddisinjata minn Friedrich Brenner. L-inizjali tiegħu jidhru fuq il-lemin fin-naħa ta' fuq tax-xbieha. Fin-naħa ta' fuq taċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea, mifrudin mis-sena tal-ħruġ ‘2009’ filwaqt li fin-naħa t'isfel jidher il-kliem ‘BUNDESREPUBLIK DEUTSCHLAND’ (Repubblika Federali tal-Ġermanja).

Volum tal-ħruġ: 30 miljun munita

Data tal-ħruġ: Frar 2009


Pajjiżi taż-żona tal-euro

€2 naħa kommemorattiva €2 naħa kommemorattiva €2 naħa kommemorattiva €2 naħa kommemorattiva €2 naħa kommemorattiva €2 naħa kommemorattiva €2 naħa kommemorattiva €2 naħa kommemorattiva €2 naħa kommemorattiva €2 naħa kommemorattiva €2 naħa kommemorattiva €2 naħa kommemorattiva €2 naħa kommemorattiva €2 naħa kommemorattiva €2 naħa kommemorattiva €2 naħa kommemorattiva €2 naħa kommemorattiva

Tema: L-10 anniversarju tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja

Deskrizzjoni: Fuq il-munita hemm figura sempliċi ta' persuna li tidher magħquda mas-simbolu tal-€. L-għan huwa li titwassal l-idea li l-munita unika, u għalhekk ukoll l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM), hija l-aktar pass reċenti fl-istorja twila tal-integrazzjoni kummerċjali u ekonomika tal-Ewropa. Il-munita nħarġet mill-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro u fuqha hemm l-isem tal-pajjiż kif ukoll il-kitba ‘EMU 1999-2009’ bil-lingwi rispettivi. Id-disinn tal-munita ntgħażel minn fost ħamsa permezz ta' votazzjoni onlajn li saret fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Id-disinn inħoloq minn George Stamatopoulos, skultur tad-dipartiment taz-zekka tal-Bank of Greece. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: ivarja minn pajjiż għall-ieħor

Data tal-ħruġ: Jannar 2009


Lussemburgu

€2 naħa kommemorattiva

Tema: Il-Gran Duka Henri u l-Gran Dukessa Charlotte

Deskrizzjoni: Fuq il-munita jidhru l-profili tal-Gran Duka Henri u l-Gran Dukessa Charlotte. Fuq il-lemin tax-xbieha, stampata vertikalment, hemm il-kelma ‘LËTZEBUERG’ u s-sena ‘2009’. Fuq naħa waħda tas-sena hemm il-marka tal-istampier u fuq in-naħa l-oħra hemm il-marka taz-zekka. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 1.4 miljun munita

Data tal-ħruġ: Jannar 2009