Għażliet għat-Tiftix
Home Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika monetarja L-euro Pagamenti u swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Muniti kommemorattivi ta’ €2 – 2010

Id-deskrizzjonijiet li jidhru f’din il-paġna ttieħdu minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għalhekk għandhom mnejn ivarjaw xi ftit minn materjal ieħor pubblikat f’din il-websajt.

Il-Greċja

Tema: L-2500 anniversarju tal-Battalja ta' Maratona

Deskrizzjoni: Il-munita tfakkar l-2.500 anniversarju tal-Battalja ta' Maratona. Fin-nofs tal-munita hemm sintesi ta' tarka u ġellied li jirrappreżentaw it-taqbida għall-ħelsien u l-ideali nobbli li l-Battalja ta' Maratona tirrappreżenta. L-għasfur fuq it-tarka huwa simbolu tat-twelid taċ-ċiviltà tal-Punent kif inhi llum. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 2.5 miljun munita

Data tal-ħruġ: Ottubru 2010

Belt tal-Vatikan

Tema: Is-Sena tas-Saċerdot

Deskrizzjoni: Il-munita tfakkar is-Sena tas-Saċerdot, li l-Papa Benedittu XVI iddikjara għall-perijodu bejn id-19 ta' Ġunju 2009 u d-19 ta' Ġunju 2010, li ntemmet b'laqgħa internazzjonali għas-saċerdoti li għaliha attenda l-Papa. Fuq il-munita hemm ragħaj qiegħed jiġbed ħaruf minn ħalq iljun. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 115,000 munita

Data tal-ħruġ: Ottubru 2010

Il-Finlandja

Tema: Id-Digriet tal-1860 dwar il-Munita, li ta l-jedd lill-Finlandja li toħroġ karti tal-flus u muniti

Deskrizzjoni: Id-disinn tal-parti ċentrali tal-munita hu magħmul minn figura stilizzata ta' ljun, meħud mill-istemma araldika tal-Finlandja, u s-sena tal-ħruġ, i.e. ‘2010’, fuq ix-xellug, bil-marka taz-zekka u għadd ta' numri li jirrappreżentaw valuri tal-muniti, fuq il-lemin. Fiċ-ċentru tax-xifer t'isfel hemm referenza għall-pajjiż tal-ħruġ, jiġifieri l-ittri ‘FI’. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 1.6 miljun munita

Data tal-ħruġ: Ottubru 2010

San Marino

Tema: Il-500 anniversarju tal-mewt ta' Sandro Botticelli

Deskrizzjoni: Il-munita tfakkar il-500 anniversarju tal-mewt ta' Alessandro di Mariano di Vanni Filipepi (1445 – 1510), il-pittur Taljan tal-iskola Fjorentina li hu iktar magħruf bħala Sandro Botticelli jew Il Botticello ("Il-Bittija ż-Żgħira"). Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 130,000 munita

Data tal-ħruġ: Settembru 2010

Il-Portugall

Tema: Il-100 anniversarju tar-Repubblika Portugiża

Deskrizzjoni: Il-munita tfakkar il-100 anniversarju tat-tmiem tal-monarkija kostituzzjonali tar-Re Manuel II u t-twaqqif tar-Repubblika Portugiża wara r-rivoluzzjoni tal-5 ta' Ottubru 1910. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 2 miljun munita

Data tal-ħruġ: Settembru 2010

Franza

Tema: Is-70 anniversarju tal-Appell tat-18 ta' Ġunju

Deskrizzjoni: Il-munita tikkommemora is-70 anniversarju tal-appell (“Appel du 18 juin”) li kien għamel il-Ġeneral de Gaulle – il-Mexxej tal-Forzi Franċiżi Ħielsa– fuq il-BBC fl-Londra nhar it-18 ta' Ġunju 1940, wara l-waqgħa ta' Franza. Meta kellem lill-poplu Franċiż, de Gaulle iddikjara li l-gwerra kienet għadha ma spiċċatx. Id-diskors huwa meqjus bħala t-twelid tar-Reżistenza Franċiża u l-bidu tal-ġlieda kontra l-okkupazzjoni ta' Franza tul it-Tieni Gwerra Dinjija. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 20 miljun munita

Data tal-ħruġ: Ġunju 2010

Il-Belġju

Tema: Il-Presidenza Belġjana tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-2010

Deskrizzjoni: Fil-parti ta' ġewwa tal-munita hemm il-logo kommemorattiv, jiġifieri l-ittri stilizzati “EU” u “trio.be”. Madwar id-disinn ċentrali hemm il-kliem ‘BELGIAN PRESIDENCY OF THE COUNCIL OF THE EU 2010’ (Presidenza Belġjana tal-Kunsill tal-UE 2010) u l-isem tal-pajjiż bi tliet lingwi ‘BELGIE BELGIQUE BELGIEN’. Taħt il-logo u 'l fuq mill-isem tal-pajjiż, bejn il-marka taz-zekka fuq ix-xellug u l-marka tal-istampier fuq il-lemin, hemm is-sena tal-ħruġ ‘2010’. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 5 miljun munita

Data tal-ħruġ: Ġunju 2010

Is-Slovenja

Tema: Il-200 anniversarju tal-Ġnien Botaniku f'Ljubljana

Deskrizzjoni: Fil-parti ta' ġewwa tal-munita hemm il-pjanta Rebrinčevolistna Hladnikija. Taħt il-pjanta fuq ix-xellug hemm isimha, ‘HLADNIKIA PASTINACIFOLIA’, miktub fit-tond. Madwar ix-xbieha hemm il-kliem ‘200 LET’, ‘BOTANIČNI VRT’, ‘LJUBLJANA’ u ‘SLOVENIJA 2010’. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 1 miljun munita

Data tal-ħruġ: Mejju 2010

Spanja

Tema: Iċ-ċentru storiku ta' Cordoba – sensiela Patrimonju Kulturali Dinji tal-UNESCO

Deskrizzjoni:Il-munita tfakkar l-ewwel lokalità Spanjola, iċ-ċentru storiku ta' Cordoba, li ġiet inkluża fil-lista tal-Patrimonju Kulturali Dinji tal-UNESCO fl-1984. Fuq il-munita tidher “il-foresta ta' kolonni” tal-Moskea l-Kbira ta' Cordoba, wieħed mill-ikbar u l-eqdem eżempji tal-arti Islamika fl-Ewropa. Mibnija bejn is-seklu 8 u s-seklu 10, il-Moskea wara ġiet ikkonsagrata bħala katidral Kristjan u għaddiet minn diversi trasformazzjonijiet. Il-munita hija l-ewwel waħda minn sensiela dedikata lil postijiet Spanjoli inklużi fil-lista tal-Patrimonju Kulturali Dinji tal-UNESCO. Mill-2010 'il quddiem kellha tinħareġ munita kull sena f'din is-sensiela. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 8 miljun munita

Data tal-ħruġ: Marzu 2010

L-Italja

Tema: Il-200 anniversarju tat-twelid tal-Konti ta’ Cavour

Deskrizzjoni: Il-munita tfakkar il-200 anniversarju tat-twelid ta' Camillo Benso, Konti ta' Cavour (1810-1861), figura ewlenija tal-unifikazzjoni Taljana u l-fundatur tal-gazzetta politika ‘Il Risorgimento’. Il-munita fiha xbieha tal-bust ta' Cavour ibbażat fuq pittura ta' Francesco Hayez li saret fl-1864. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 4 miljun munita

Data tal-ħruġ: Marzu 2010

Il-Lussemburgu

Tema: L-istemma araldika tal-Gran Duka

Deskrizzjoni: Fuq ix-xellug fil-parti ta' ġewwa tal-munita hemm ritratt tal-Gran Duka Henri jħares lejn il-lemin; ħdejh eżatt hemm l-istemma araldika tal-Gran Duka u 'l fuq minnha hemm is-sena tal-ħruġ, 2010, bejn il-marki taz-zekka, li jisporġu ftit fuq iċ-ċirku ta' barra. Taħt ix-xbieha hemm il-kelma ‘LËTZEBUERG’ (isem il-pajjiż li ħareġ il-munita) li tisporġi ftit fuq iċ-ċirku ta' barra. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 1 miljun munita

Data tal-ħruġ: Jannar 2010

Il-Ġermanja

Tema: L-Istat Federali ta' Bremen

Deskrizzjoni Fil-parti ta' ġewwa tal-munita hemm il-bini tal-Kunsill Lokali ta' Bremen, bl-istatwa ta' Roland fuq quddiem. Il-kelma ‘BREMEN’ hija mnaqqxa taħt il-bini tal-Kunsill Lokali, fuq il-lemin tal-istatwa. Il-marka taz-zekka, rappreżentata bl-ittri A, D, F, G jew J, qiegħda fuq ix-xellug tal-bini tal-Kunsill Lokali. L-inizjali tad-disinjatur, Bodo Broschat, qegħdin isfel nett, eżatt taħt l-istatwa. L-ittra tal-pajjiż tal-ħruġ ‘D’ u s-sena ‘2010’ qegħdin rispettivament fin-naħa ta' fuq u t'isfel taċ-ċirku ta' barra tal-munita, bejn it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 30 miljun munita

Data tal-ħruġ: Jannar 2010