European Central Bank - eurosystem
Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Muniti kommemorattivi ta' €2 – 2022

Id-deskrizzjonijiet li jidhru f’din il-paġna ttieħdu minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għalhekk għandhom mnejn ivarjaw xi ftit minn materjal ieħor ippubblikat f’din il-websajt.

Franza

Tema: Id-90 anniversarju tat-twelid tal-President Jacques Chirac

Deskrizzjoni: Il-President tar-Repubblika Franċiża għal żewġ mandati, Jacques Chirac kien arkitett ewlieni tal-kostruzzjoni Ewropea. Bħala tali, kien il-President meta daħal l-Euro fl-2002, li l-20 anniversarju tiegħu niċċelebraw fil-bidu ta’ din is-sena. Id-disinn juri profil solenni tal-President Jacques Chirac li jħares lejn il-futur. Huwa mdawwar b’diversi simboli li jirrappreżentaw l-azzjonijiet tiegħu: simbolu tal-euro, bħala sinjal tal-involviment tiegħu fl-introduzzjoni tal-euro u l-ispirtu Ewropew tiegħu, u bandiera Franċiża rappreżentata b'kuluri araldiċi, innifisha msebbħa bl-RF bħala referenza għall-presidenza tiegħu. Id-dati u l-isem tiegħu ddaħħlu fil-logo tal-Euro. Il-marki taż-żekka kif ukoll id-data tas-sena jidħlu fid-disinn. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 9 000 000 munita

Data tal-ħruġ: Jannar 2022

Italja

Tema: It-30 Anniversarju tal-mewt ta’ Giovanni Falcone u Paolo Borsellino

Deskrizzjoni: Id-disinn juri fiċ-ċentru r-ritratti taż-żewġ imħallfin Taljani Giovanni Falcone u Paolo Borsellino, ispirati minn stampa ta’ Tony Gentile. In-naħa ta’ fuq, l-iskrizzjoni f’forma ta’ arkata “FALCONE — BORSELLINO”, taħt id-dati “1992 2022”, bl-akronimu tar-Repubblika Taljana “RI” bejniethom; fuq il-lemin, ‘R’, li tidentifika ż-Żekka ta’ Ruma; fuq ix-xellug, “VdS”, l-inizjali tad-disinjatur Valerio de Seta. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 3 000 000 munita

Data tal-ħruġ: Jannar 2022

Italja

Tema: Il-170 Anniversarju tal-fondazzjoni tal-Pulizija Nazzjonali Taljana

Deskrizzjoni: Id-disinn juri żewġ uffiċjali tal-“Polizia di Stato” (Forza tal-Pulizija Nazzjonali Taljana), mara u raġel, li jispikkaw fuq quddiem, quddiem karozza tal-pulizija. Fuq, l-iskrizzjoni fil-forma ta’ arkata “POLIZIA DI STATO”; fuq il-lemin “RI”, akronimu tar-Repubblika Taljana; l-iskrizzjoni “R”, li tidentifika ż-Żekka ta’ Ruma, l-inizjali “AM” tad-disinjatur Annalisa Masini u d-dati “1852 - 2022”, jidhru fuq ix-xellug, fiċ-ċentru u fuq il-lemin, rispettivament. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 3 000 000 munita

Data tal-ħruġ: Jannar 2022

Ġermanja

Tema: Serje Bundesländer – Thuringia

Deskrizzjoni: Id-disinn juri l-Kastell ta’ Wartburg, l-ewwel kastell Ġermaniż li ġie elenkat bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO. Il-parti ta’ ġewwa fiha wkoll l-isem “THÜRINGEN” u l-kodiċi fil-qiegħ “D” tal-pajjiż li ħariġha, il-marka taż-żekka rispettiva (“A”, “D”, “F”, “G” jew “J”) kif ukoll il-marka tal-inċiżur fuq il-lemin u s-sena “2022” fuq ix-xellug. L-artist: OLAF Stoy (Rabenau). Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 30 000 000 munita

Data tal-ħruġ: 25 ta' Jannar 2022

Lussemburgu

Tema: Il-50 Anniversarju tal-protezzjoni legali tal-bandiera tal-Lussemburgu

Deskrizzjoni: Id-disinn juri fuq in-naħa tax-xellug ix-xbieha tal-Gran Duka Henri u fuq in-naħa tal-lemin il-bandiera tat-tliet kuluri tal-Lussemburgu. Is-sena “1972” tidher fuq il-bandiera u s-sena tal-ħruġ “2022” hija murija hawn taħt. Isfel, fiċ-ċentru hemm irrappreżentat l-isem tal-pajjiż li qed joħroġ il-munita, “LËTZEBUERG”. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 500 000 munita

Data tal-ħruġ: Jannar 2022

Slovenja

Tema: Il-150 anniversarju tat-twelid tal-perit Jože Plečnik

Deskrizzjoni: Id-disinn juri dettall ta’ tieqa kbira fil-kamra tal-qari tal-Librerija Nazzjonali u Universitarja b’pilastru quddiemha. Huwa ssupplimentat b’kompożizzjoni tal-ittri A R H. P L E Č N I K. Dawn l-ittri huma inkorporati fit-tieqa f’ordni eżatta u jistgħu jinqraw metaforikament bħala firma tal-arkitett, li hija esibita fix-xogħol tiegħu stess. L-ittri jiddaħħlu f’fetħiet ta’ twieqi approfonditi u jistgħu jinftiehmu (fil-lingwa tal-perit Plečnik) bħala interventi arkitettoniċi spazjali, kif enfasizzat, imdaħħla fil-faċċata jew bħala oġġetti ddisinjati ġeometrikament. Il-kompożizzjoni kollha turi idea ta’ spazju li tirrifletti r-rikkezza tal-ideat tal-arkitett. Hija ċċentrata madwar il-pilastru ewlieni, li għandu rwol li jimmarka l-ispazju tal-munita u jpoġġi l-proporzjon barra - ġewwa jew quddiem - wara, waħda mill-ġesti komuni ta’ Plečnik meta jkun qed jiġi ddisinjat l-ispazju. B’dan, il-kompożizzjoni ssir minjatura spazjali, spazju fl-ispazju, b’diversi saffi u mistika. Fil-qiegħ, l-iskrizzjoni “JOŽE PLEČNIK“. Fuq ix-xellug, vertikalment, is-sena “1872”. Fuq il-lemin, vertikalment, il-pajjiż tal-ħruġ “SLOVENIJA” u taħt is-sena tal-ħruġ “2022”. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 1 000 000 munita

Data tal-ħruġ: Jannar 2022