Menu

Euro diġitali

Id-diġitalizzazzjoni nfirxet f’kull rokna ta’ ħajjitna u ttrasformat kif inħallsu.

F’din l-era ġdida, euro diġitali jiggarantixxi li ċ-ċittadini fiż-żona tal-euro jistgħu jżommu aċċess bla ħlas għal mezz ta’ pagament sempliċi, aċċettat universalment, sigur u affidabbli.

L-euro diġitali xorta jibqa’ euro: bħall-karti tal-flus imma diġitali. Ikun forma elettronika ta’ flus maħruġa mill-Eurosistema (il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali) u aċċessibbli għaċ-ċittadini u d-ditti kollha.

L-euro diġitali ma jkunx maħsub biex jissostitwixxi l-flus kontanti, iżda pjuttost biex jikkomplementahom. L-Eurosistema se tkompli tiżgura li jkollok aċċess għall-flus kontanti tal-euro fiż-żona tal-euro kollha.

Euro diġitali jagħtik għażla addizzjonali dwar kif tħallas u jagħmilha aktar faċli biex tagħmel dan, u jikkontribwixxi għall-inklużjoni finanzjarja flimkien mal-flus kontanti.

“L-euro jappartjeni għall-Ewropej u aħna l-gwardjan tiegħu. Għandna nkunu lesti li noħorġu euro diġitali, jekk tinqala’ l-ħtieġa.”

Christine Lagarde, President tal-BĊE

Għaliex euro diġitali?

Euro diġitali jkun strument veloċi, faċli u sigur għall-pagamenti ta’ kuljum tiegħek.

Dan jista’ jappoġġa d-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija Ewropea u jinkoraġġixxi b’mod attiv l-innovazzjoni fil-pagamenti bl-imnut.

Il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro qed jesploraw il-benefiċċji u r-riskji sabiex il-flus ikomplu jservu tajjeb lill-Ewropej.

Rapport dwar l-euro diġitali

X’inhuma l-benefiċċji l-oħra ta’ euro diġitali?

Euro diġitali jgħaqqad l-effiċjenza ta’ strument ta’ pagament diġitali mas-sikurezza tal-flus ta' bank ċentrali.

Dan jgħin biex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet li fihom in-nies ma jibqgħux jippreferu l-flus kontanti u jevita d-dipendenza fuq mezzi diġitali ta’ ħlas maħruġa u kkontrollati minn barra ż-żona tal-euro, li jistgħu jdgħajfu l-istabbiltà finanzjarja u s-sovranità monetarja.

Il-protezzjoni tal-privatezza tkun prijorità ewlenija, sabiex l-euro diġitali jista’ jgħin biex tinżamm il-fiduċja fil-ħlasijiet fl-era diġitali.

Meta se jkun lest?

Għadna ma ddeċidejniex jekk noħorġux euro diġitali. Bħalissa ninsabu f'fażi ta’ tħejjija: qed niżviluppaw il-kunċett, qed nagħmlu esperimentazzjoni prattika, nisimgħu l-opinjonijiet ta’ pubbliku usa' u nitkellmu mal-partijiet interessati.

Aħna se niddeċiedu jekk innedux proġett tal-euro diġitali lejn nofs l-2021, sabiex inkunu ppreparati għall-ħruġ possibbli ta’ euro diġitali f'xi mument fil-futur.

“Jeħtieġ li niżguraw li l-munita tagħna tkun adattata għall-futur. In-nuqqas ta’ azzjoni mhijiex għażla.”

Fabio Panetta, Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE

Analizzajna l-benefiċċji u l-isfidi possibbli ta’ euro diġitali

Kif jista’ jkun?

L-esperti mill-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro stabbilixxew għadd ta’ rekwiżiti bażiċi għal euro diġitali, bħall-aċċessibbiltà faċli, ir-robustezza, is-sikurezza, l-effiċjenza, il-privatezza u l-konformità mal-liġi. Dawn se jgħinuna niddefinixxu kif jista’ jkun euro diġitali.

Euro diġitali jkun iddisinjat biex ikun interoperabbli ma’ soluzzjonijiet ta’ ħlas privati, li jiffaċilita l-provvista ta’ soluzzjonijiet pan-Ewropej u servizzi addizzjonali lill-konsumaturi.

Il-BĊE se jimmaniġġja euro diġitali?

Il-BĊE huwa l-kustodju tal-euro, kemm bħala karti tal-flus kif ukoll f’forma diġitali, f’isem il-poplu tal-Ewropa.

Irridu niżguraw li l-valur ta’ flusna jiġi ppreservat u li kwalunkwe forma ta’ euro diġitali fl-aħħar mill-aħħar tiġi ssalvagwardjata u rregolata mill-bank ċentrali.

Għaliex l-euro diġitali ma jkunx kriptoassi?

Il-kriptoassi huma fundamentalment differenti mill-flus tal-bank ċentrali: il-prezzijiet tagħhom huma volatili minħabba li m’għandhomx valur intrinsiku u m’hemm l-ebda istituzzjoni affidabbli li tappoġġahom.

In-nies li jużaw euro diġitali jkollhom l-istess livell ta’ fiduċja bħall-flus kontanti, peress li t-tnejn huma appoġġati minn bank ċentrali, li hija xi ħaġa li kriptoassi bħal stablecoins ma jistgħux jipprovdu.

Nispjegaw: X'inhi l-bitcoin?

Grazzi talli taqsam l-opinjoni tiegħek magħna!

Bħall-euro li diġà nużaw kuljum, id-disinn ta’ euro diġitali għandu jissodisfa l-ħtiġijiet ta’ firxa wiesgħa ta’ utenti.

Kwalunkwe valutazzjoni għandha għalhekk tqis l-implikazzjonijiet kollha tagħha, pereżempju għall-politika monetarja u l-istabbiltà finanzjarja.

Grazzi lil kull min ipparteċipa fil-konsultazzjoni pubblika, li ngħalqet fit-12 ta' Jannar b'aktar minn 8,000 risposta. Aħna qed nimmiraw li nippubblikaw ir-riżultat fir-rebbiegħa li ġejja.

Għandek iktar mistoqsijiet? Ibgħatilna email.

Stqarrija għall-istampa

Orizzont ġdid għal ħlasijiet pan-Ewropej

Il-ħlasijiet għaddejjin minn bidla fundamentali, u l-banek ċentrali għandhom rwol ewlieni x’jaqdu f’dan il-proċess. Il-ħlasijiet Ewropej għandhom ikunu sostnuti minn suq kompetittiv u innovattiv li kapaċi jissodisfa d-domanda tal-konsumatur filwaqt li jippreserva s-sovranità Ewropea. F’dan il-kuntest stabbilixxejna strateġija komprensiva ta’ pagamenti għall-era diġitali.

Agħti ħarsa lejn il-punti ewlenin minn konferenza tal-BĊE

Euro diġitali għal era diġitali

Euro diġitali jkun simbolu diġitali tal-progress u l-integrazzjoni fl-Ewropa, qal il-membru tal-Bord Eżekuttiv Fabio Panetta meta ppreżenta r-rapport dwar euro diġitali. Mill-introduzzjoni tal-euro, il-BĊE kien responsabbli għall-preservazzjoni tal-fiduċja taċ-ċittadini fil-munita tagħna. Flimkien mal-flus kontanti, euro diġitali jkun aċċessibbli għal kulħadd u joffri għażla akbar għal modi ta’ ħlas.

Ara s-seduta tal-Parlament Ewropew

Podcast

Il-Podcast tal-BĊE: wasal iż-żmien għal euro diġitali?

X’inhu euro diġitali? X'inhuma l-benefiċċji tiegħu u kif jaffettwa l-mod kif nagħmlu l-ħlasijiet? Meta se jkun lest? L-ospitant tagħna Michael Steen jiddiskuti dawn il-mistoqsijiet u aktar ma’ Ulrich Bindseil, li huwa responsabbli għall-infrastrutturi tas-suq u l-ħlasijiet fil-BĊE.

Aktar (bl-Ingliż biss)

Diskorsi, intervisti u pubblikazzjonijiet mill-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE