Frodi – użu ħażin tal-isem u tal-logo tal-BĊE
FUQ DIN IL-PAĠNA
Ingannaturi fl-Italja ilhom jagħmluha taparsi huma s-Sistema Ewropea ta' Superviżjoni Finanzjarja (SESF– bit-Taljan Sistema Europeo di Vigilanza Finanziaria (SEVIF) li l-BĊE huwa parti minnha. Huma jikkuntattjaw lil individwi permezz tat-telefown jew email, u jisħqu b'mod qarrieqi li jenħtieġ li jsiru trasferimenti ta' flus għal taxxi u penali biex jiġi rkuprat telf li jkun sar minn kummerċ online. Is-SESF/SEVIF qatt ma titlob pagamenti bħal dawn. Jekk jogħġbok tagħtix kas ta' dawn il-komunikazzjonijiet u rrapportahom lill-pulizija lokali immedjatament.
L-intelliġenza artifiċjali u l-frodi
L-intelliġenza artifiċjali (IA) ippermettiet il-ħolqien ta’ vidjows foloz, siti web, u telefonati foloz li jidhru li juru lill-persunal tal-BĊE jippromwovi skemi ta’ investiment. Jekk tissuspetta li sit web li jiddikjara li huwa mill-BĊE huwa falz, jekk jogħġbok irrapportah permezz tal-Formola ta’ Talba għal Informazzjoni tagħna. Jekk temmen li inti sfajt vittma ta’ frodi, ikkuntattja lill-awtorità lokali tiegħek, bħall-pulizija.
X’inhuma l-aktar tipi komuni ta’ frodi?
L-aktar tipi komuni ta’ scam jinvolvu frodisti:
- użu abużiv tal-isem u tal-logo tal-BĊE
- taparsi huma Membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE jew membri tal-persunal tal-BĊE
- li joħolqu profili foloz fuq il-media soċjali tal-membri tal-Bord Eżekuttiv jew tal-BĊE għall-promozzjoni tal-investimenti
- li jgħidu lin-nies li l-BĊE qed jiġbor tariffi għal trasferimenti transfruntieri
- li jsostnu li l-BĊE huwa bank kummerċjali li jipprovdi servizzi bankarji online
- li jikkuntattjawk u jgħidulek li jaħdmu għall-BĊE u li l-BĊE qed iżomm flus li huma tiegħek
- li jitolbu lin-nies biex jagħmlu ħlas permezz ta’ sit elettroniku falz tal-BĊE għal attività bankarja online jew permezz ta’ dipartiment tas-servizz tal-konsumatur tal-BĊE li jkun falz
- li jitolbu lin-nies biex jagħmlu pagament minħabba li l-BĊE qed jimblokka trasferiment ta’ flus
- li jitolbu pagament minħabba li l-BĊE qed jiġbor depożiti jew pagamenti għax-xiri jew għat-tisrif tal-bitcoin jew ta’ kriptoassi oħra, jew minħabba li qed jirkupra fondi għal persuni li sfaw vittmi ta’ frodi
- li jinkoraġixxu lin-nies biex jissellfu mingħand il-BĊE b’termini attraenti ħafna
- li jikkuntattjaw lin-nies minn dak li jkun jidher bħala numru tat-telefon tal-BĊE (jiġifieri +49 69 1344) jew minn dik li tkun tidher bħala email mill-BĊE mingħajr ebda raġuni apparenti jew mingħajr ebda skambju minn qabel
- taparsi jaħdmu għal kumpaniji li jaġixxu f’isem il-BĊE, pereżempju biex jirkupraw flus li qabel kienu ntilfu fi scams
Dawn huma kollha scams.
Kif nista’ nagħraf skema frodulenti li tinvolvi l-isem u/jew il-logo tal-BĊE?
Il-messaġġi mill-frodisti spiss jidhru li ġejjin mill-BĊE, iżda tipikament ikun fihom żbalji. Dawn huma xi suġġerimenti li se jgħinuk tagħraf skema ta’ frodi (scam):
- Iċċekkja l-isem ta’ min bagħat l-email: email mibgħuta mill-BĊE dejjem tkun minn indirizz elettroniku li jispiċċa bi @ecb.europa.eu jew bi @ecb.int. Qatt ma għandek tafda email li tkun ġiet forwarded. Kun af li l-indirizzi tal-email jistgħu jiġu ffalsifikati biex jidhru bħallikieku ntbagħtu mill-BĊE (“email spoofing”).
- Iċċekkja l-links fl-email: poġġi l-maws fuq il-link (mingħajr ma tikklikkja fuqha). Dan jurik it-test sħiħ tal-link. Xi programmi tal-email juru dan fil-parti t’isfel tal-iskrin. Jekk il-link ma tinkludix “ecb.europa.eu”, l-email hija probabbilment waħda qarrieqa.
- Iċċekkja t-test fl-emails jew fuq siti web għal kliem mhux tas-soltu, żbalji ortografiċi u żbalji tipografiċi.
- Iċċekkja n-numru tat-telefon ta’ min ikun qed iċempel bla ma tkun għamilt kuntatt miegħu/magħha qabel: jekk jidher li huwa numru tat-telefown tal-BĊE (+49 69 1344 ...), jista’ jkun li inti sfajt soġġett(a) għal “spoofing tal-caller ID”. Dan iseħħ meta min iċempel, jiffalsifika apposta l-informazzjoni trasmessa biex jaħbi n-numru li minnu jkun qed iċempel.
- F’vidjos foloz, anke meta tkun intużat l-intelliġenza artifiċjali, il-vuċi tista’ ma tkunx sinkronizzata kif xieraq max-xufftejn tal-kelliem(a) u l-immaġni jista’ jkollha difetti fiha.
- B’mod ġenerali, oqgħod attent(a) ħafna dwar emails jew telefonati mhux mistennija jew dwar kwalunkwe sit web, vidjow jew forma oħra ta’ komunikazzjoni li titolbok tieħu azzjoni immedjata (eż. tittrasferixxi l-flus b’mod urġenti) jew li tippreżenta l-affarijiet b’mod sabiħ wisq biex ikunu veri.
X’tista’ tagħmel biex tipproteġi lilek innifsek?
Qatt m’għandek tittrasferixxi flus mingħajr ma tkun taf min se jirċevihom, u qatt ma għandek tiżvela informazzjoni bħan-numru tal-kont bankarju tiegħek, dettalji tal-ID personali tiegħek jew kwalunkwe informazzjoni personali oħra.
Il-BĊE ma jistax jinżamm responsabbli għall-użu ħażin tal-isem, tal-logo u/jew tal-indirizz u/jew tan-numri tat-telefown tiegħu minn scams li jiffrodaw lill-membri tal-pubbliku. Irrapporta każijiet ta’ frodi lill-pulizija jew fittex parir mingħand l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti rilevanti.
ARA WKOLL
Sir af aktar dwar kontenut relatat
Staqsina
Trid issir taf aktar dwarna, x’nagħmlu, u kif dan jaffettwak?
Kulma trid tkun taf dwar il-BĊE