X’inhu l-Bank Ċentrali Ewropew?

... u xi jfisser il-BĊE fil-ħajja tiegħek ta' kuljum?

1 ta' Ġunju 2018 (aġġornat fi 14 ta' Diċembru 2018)

Hawn ġbarna 20 fatt biex nimmarkaw għeluq l-20 tagħna fl-1 ta’ Ġunju 2018.

  1. Jekk tgħix fiż-żona tal-euro int wieħed minn 340 miljun ruħ li jaqsmu munita waħda, li hija ġestita mill-Bank Ċentrali Ewropew. L-ekonomija tagħna hi t-tieni l-ikbar waħda fid-dinja.
     
  2. Biex tkun tista' tħossok sigur li bil-qligħ tiegħek għada tkun tista' tixtri l-istess kif tista' tixtri llum, aħna fil-BĊE naħdmu biex inżommu l-prezzijiet stabbli fiż-żona tal-euro – dan hu l-kompitu ewlieni tagħna. Mill-introduzzjoni tal-euro fl-1 ta' Jannar 1999, il-livell medju tal-inflazzjoni kien ta' 1.7% – li hu iżjed baxx milli kien fis-snin 70, 80 u 90.
    Għaliex il-prezzijiet stabbli huma importanti?
     
  3. Kif inżommu l-prezzijiet stabbli? Billi nistabbilixxu r-rati tal-imgħax u permezz ta' miżuri oħra tal-politika monetarja. Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE jiltaqa’ kull sitt ġimgħat biex jieħu deċiżjonijiet tal-politika monetarja.
    X’inhi l-politika monetarja?
    Deċiżjonijiet dwar il-politika monetarja
     
  4. Flimkien mad-19-il bank ċentrali nazzjonali nipproduċu wkoll karti tal-flus tal-euro (ipproduċejna 130 biljun karta tal-flus mill-2002).
    Karatteristiċi ta’ sigurtà tal-karti tal-flus
     
  5. Aħna nissorveljaw mill-qrib l-istabbilità tas-sistema finanzjarja. Jekk is-sistema finanzjarja hija stabbli tista’ tiflaħ għax-xokkijiet mingħajr disturb kbir. Fi kliem ieħor, in-nies jibqa’ jkollhom aċċess għall-kontijiet bankarji tagħhom, in-negozji jistgħu jħallsu u jirċievu ħlasijiet, l-investituri jistgħu jkomplu jinnegozjaw eċċ. Nanalizzaw riskji għas-sistema u nipproponu politiki makroprudenzjali lill-gvernijiet taż-żona tal-euro.
    Lenti fuq l-istabbiltà finanzjarja
    Gwida ta’ malajr għall-politiki makroprudenzjali
     
  6. Sa mill-2014 żammejna ukoll l-ikbar banek taż-żona tal-euro taħt superviżjoni diretta, biex inti tista' sserraħ moħħok u tkun żgur li jkunu b'saħħithom biex jirreżistu l-problemi li jistgħu jinqalgħu. Staff ta' madwar 1200 ruħ jistudjaw bir-reqqa l-118-il bank kbir u jistabbilixxu linji gwida għas-settur.
    Għaliex għandhom jiġu sorveljati l-banek kummerċjali?
     
  7. Aħna niżguraw li inti tkun tista' tagħmel ħlasijiet b'mod sigur, kemm jekk bil-flus kontanti, bil-kards jew elettronikament. Dan jista' jsir għaliex aħna nieħdu ħsieb is-sistemi tal-ħlas li permezz tagħhom jistgħu jsiru dawn it-tranżazzjonijiet. Bis-sistema tal-ħlas tagħna t-TARGET2 isiru 350,000 tranżazzjoni kuljum, b'valur ta' €1.7 triljun kuljum.
    X’inhi TARGET2?
     
  8. Fir-rigward tal-ħlasijiet, kont taf li dalwaqt ikun possibbli li jsiru ħlasijiet elettroniċi istantanji permezz tas-sistema TIPS tagħna, minflok id-dewmien u l-istennija ta' diversi ġranet biex jasal il-ħlas?
    Ġej dalwaqt: ħlasijiet istantanji transkonfini
    X’inhu t-TARGET Instant Payments Settlement (TIPS)?
     
  9. Nagħmlu riċerka dwar il-blockchain u teknoloġiji finanzjarji ġodda oħra u naħdmu wkoll fil-qasam tar-reżistenza ċibernetika. Dan isir biex niżguraw li s-sistemi tal-ħlas jibqgħu siguri, reżiljenti u effiċjenti.
    Kif tista' t-teknoloġija l-ġdida tittrasforma s-swieq finanzjarji?
    Għaliex hi importanti r-reżiljenza ċibernetika?
  10. Aħna interessati fil-big data. In-nies tagħna fil-qasam tal-istatistika jaħdmu bla waqfien fuq data f'oqsma ta' kull xorta, u dan isostni d-deċiżjonijiet tagħna dwar il-politika monetarja.
    Għaliex l-istatistika tgħallem?
     
  11. Il-politika monetarja tagħna tikkontribwixxi għall-ekonomija taż-żona tal-euro li qiegħda tikber. Kont taf li l-PDG medju għal kull persuna fiż-żona tal-euro żdied minn madwar €21,000 għal madwar €32,000 mill-ħolqien tal-munita tagħna 'l hawn?
     
  12. Il-politika tagħna ssostni l-impjieg ukoll. Bejn l-2012 u l-2017, inħolqu seba' miljun impjieg fiż-żona tal-euro u 71% tan-nies tal-età tax-xogħol issa qed jaħdmu.
     
  13. Sabiex jiġi żgurat li nagixxu fl-aħjar interessi tal-poplu Ewropew, aħna indipendenti. Dan ifisser li ma nistgħux niġu influwenzati minn kunsiderazzjonijiet għal żmien qasir.
    Għaliex il-BĊE huwa indipendenti?
     
  14. Aħna responsabbli lejn il-poplu tal-Ewropa. Għal din ir-raġuni aħna nagħmlu ħilitna biex nispjegawlek l-azzjonijiet tagħna u aħna legalment obbligati li nagħtu rendikont tagħhom lir-rappreżentanti eletti tiegħek fil-Parlament Ewropew.
    Kif jagħti rendikont ta’ għemilu l-BĊE?
     
  15. Tista' sserraħ fuqna. Fl-2012 il-President tagħna, Mario Draghi, qal dan il-kliem famuż: “Fi ħdan il-mandat tagħna, il-BĊE lest jagħmel dak kollu li hu meħtieġ biex iħares lill-euro.” Flimkien ma' oħrajn irnexxielna negħlbu l-kriżi tad-dejn sovran taż-żona tal-euro.
    Diskors minn Mario Draghi, 26 ta’ Lulju 2012
     
  16. Aħna bbażati fi Frankfurt, il-Ġermanja. L-uffiċċji tagħna qegħdin fl-iskajskrejper il-ġdid f'Ostend, u fil-Eurotower u l-Japan Centre fid-distrett bankarju.
    Dwar il-bini ewlieni tal-BĊE
     
  17. Aħna aktar minn 3000 ruħ li naħdmu hawn niġu mill-Ewropa kollha u lil hinn, u nitkellmu 23 ilsien differenti.
    Il-karrieri fil-BĊE
     
  18. Fil-BĊE nikkultivaw ambjent tax-xogħol inklussiv. In-netwerks tal-istaff tagħna jinkludi r-Rainbow Network, il-WOW network (Women Organise Women) u l-Grupp Etniku u Kulturali.
    Id-diversità u l-inklużjoni fil-BĊE
     
  19. Hemm falkuni jikkaċċjaw mill-quċċata tal-iskajskrejper tal-BĊE fl-Ostend ta' Frankfurt, li hu għoli 185 metru. Aħna nżommu għajnejna miftuħin għal xi isqra jew ħamiem li jistgħu jżuru d-djar tal-għasafar fl-artijiet tagħna...
     
  20. U fl-aħħar imma mhux l-inqas: nafu li kultant hu diffiċli li jsir kuntatt magħna. Iżda nixtiequ verament li nkunu nistgħu nitkellmu miegħek iżjed spiss. Din hi l-paġna għall-kuntatti magħna. Tista' wkoll tagħmel kuntatt magħna fuq u LinkedIn, jew jekk xi darba tkun fi Frankfurt, għaddi saċ-Ċentru tal-viżitaturi tagħna!