Produzzjoni u ħażniet ta' karti tal-flus

Il-produzzjoni tal-karti tal-flus tal-euro ssir b'ħidma konġunta tal-banek ċentrali nazzjonali u l-BĊE. Din tibda bil-kalkoli għall-għadd ta' karti tal-flus meħtieġa kull sena. Jeħtieġ li jiġu prodotti biżżejjed karti tal-flus ġodda biex jissostitwixxu karti tal-flus mhux f'kundizzjoni tajba, biex jissodisfaw iż-żidiet mistennija fid-domanda – bħal domanda staġjonali għolja – u biex ilaħħqu ma' żidiet kbar mhux mistennija fid-domanda. It-tbassir tad-domanda għall-karti tal-flus tal-euro għas-sena ta' wara jiġi pprovdut mill-BĊN, u l-BĊE jagħmel tbassir ċentrali. Taħt is-superviżjoni tal-BĊE, il-BĊN iqassmu mill-ġdid il-karti tal-flus biex jevitaw nuqqasijiet jew kwantitajiet żejda fid-diversi pajjiżi.

Stampar

Biex il-produzzjoni tal-karti tal-flus issir b'mod effiċjenti, l-istampar jitqassam fost id-diversi BĊN. Il-BĊE jalloka volumi ta' produzzjoni lil għadd ta' BĊN, li mbagħad jipprovdu proporzjon speċifiku tal-produzzjoni annwali totali ta' denominazzjoni waħda jew aktar. Il-bank rispettiv iħallas l-ispejjeż tal-produzzjoni għas-sehem allokat lilu. Pereżempju, fl-2017 il-banek ċentrali ta' Franza, tal-Ġermanja, tal-Italja pproduċew 1.7 biljun karta tal-flus tal-€50.

Fl-Ewropa l-karti tal-flus jiġu prodotti minn 11-il stamperija ta' sigurtà għolja. Imbagħad il-karti tal-flus jitqassmu fost id-diversi BĊN.

Dan l-arranġament konġunt u s-sistema komuni għall-ġestjoni tal-kwalità jiżguraw standard uniformi għall-karti kollha tal-euro. Tul il-proċess kollu tal-produzzjoni jsiru mijiet ta’ testijiet manwali u awtomatizzati biex jiġi żgurat li d-denominazzjonijiet tal-karti tal-flus ikunu identiċi irrispettivament minn fejn ikunu ġew stampati.

Bħal fil-każ tal-ewwel sensiela ta' karti tal-flus tal-euro, il-karti tal-flus tas-sensiela Europa jiġu stampati fuq karta tal-fibra tal-qoton pur, li tagħtihom il-kwalità speċjali ta' tqarqiċ u reżistenza kontra l-kedd bl-użu. Ċerti karatteristiċi tas-sigurtà, bħal watermarks u ħjut integrati, jifformaw parti mill-karta nnifisha.

Jintużaw tipi differenti ta' pjanċi, linka speċjali u bosta proċessi: stampar offset u bl-intall, ittimbrar bis-sħana għall-ologramma u stampar bil-metodu silk screen għan-numri li jbiddlu l-kuluri.

Il-Ħażna Strateġika tal-Eurosistema

L-Eurosistema għandha ħażniet loġistiċi u Ħażna Strateġika. Il-ħażniet loġistiċi jissodisfaw id-domanda għall-karti tal-flus f'ċirkostanzi normali biex:

  • jissostitwixxu karti tal-flus f'kundizzjoni ħażina (kwalità ħażina) li jinġabru miċ-ċirkolazzjoni;
  • jissodisfaw żieda mistennija fiċ-ċirkolazzjoni;
  • jissodisfaw ċaqliq staġjonali fid-domanda; u
  • isir l-aħjar użu tat-trasport tal-karti tal-flus bejn il-fergħat tal-banek ċentrali.

Il-Ħażna Strateġika hi maħsuba biex tintuża f'ċirkostanzi eċċezzjonali, i.e. meta l-ħażniet loġistiċi fl-Eurosistema ma jkunux biżżejjed biex ikopru żieda mhux mistennija fid-domanda għall-karti tal-flus jew meta f'daqqa waħda jkun hemm interruzzjoni fil-provvista.

Iż-żewġ ħażniet jiżguraw li kull tibdil fid-domanda għall-karti tal-flus jista' jiġi mmaniġġat f'kull ħin mill-banek ċentrali nazzjonali, mingħajr ma jingħata każ jekk id-domanda tiġix minn ġewwa jew minn barra ż-żona tal-euro.

Tuża l-flus kontanti f'xogħlok? Ara l-materjal ta' tagħrif dwar il-karti tal-flus tal-euro.