L-isem u l-logo tal-BĊE jistgħu jintużaw ħażin
Il-BĊE jaf b’xi skemi ta’ frodi?
Iva. Iċ-ċittadini jirrappurtaw b’mod regolari skemi ta’ frodi li fihom l-isem u/jew il-logo tal-BĊE jintużaw ħażin, kif ukoll skemi fejn il-membri tal-persunal tal-BĊE jiġu impersonati.
Jekk xi ħaġa tidher stramba dwar email li tirċievi, tikklikkjax fuq ebda link li tinsab f’dik l-email, tiftaħx ebda wieħed mill-annessi tagħha u tirrispondix ebda stedina jew kampanja.
Jekk xi ħadd ikkuntattjak fejn jgħidulek li qed iżommu flus li jappartjenu lilek u li jaħdmu għall-BĊE, din tkun scam. M’aħniex bank kummerċjali, u għalhekk ma nżommux kontijiet tal-membri tal-pubbliku.
Ħalli nkunu ċari: il-BĊE qatt mhux ser jistaqsik għad-dejta personali tiegħek permezz ta’ email, telefown, messaġġ jew messaġġ immedjat. Il-membri tal-Bord Eżekuttiv ukoll qatt ma jikkuntattjawk dwar il-ġid personali jew kwistjonijiet finanzjarji.
X’inhuma l-każijiet tipiċi ta’ frodi?
- Qed tiġi mgħarraf li l-BĊE qed jiġbor tariffi ta’ trasferiment transkonfinali?
- Qed tiġi mgħarraf li l-BĊE huwa bank kummerċjali li jipprovdi servizzi bankarji online?
- Qed tintalab tħallas bl-għajnuna ta’ websajt tal-bank online falza tal-BĊE jew dipartiment falz tas-servizzi tal-klijenti tal-BĊE?
- Qed tintalab tagħmel pagament minħabba li l-BĊE qed jimblokka t-trasferimenti ta’ flus?
- Qed tintalab tagħmel pagament minħabba li l-BĊE qed jiġbor depożiti jew pagamenti għax-xiri/l-ikkaxxjar tal-bitcoin jew cryptocurrencies oħra, jew minħabba li qed jirkupra fondi għal persuni li huma vittmi ta’ frodi?
- Qed tiġi mħeġġeġ tissellef mill-BĊE b’kundizzjonijiet attraenti ħafna?
Jekk xi waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet tapplika għalik: int ġejt fil-mira ta’ skema ta’ frodi!
Kif nista’ nirrikonoxxi skema ta’ frodi li tinvolvi l-BĊE?
L-iskemi ta’ frodi ta’ spiss jidhru li ġejjin mill-BĊE, iżda tipikament ikun fihom żbalji. Dawn huma xi suġġerimenti li se jgħinuk tagħraf skema ta’ frodi.
- Iċċekkja l-mittent tal-email: email mibgħuta mill-BĊE dejjem tkun minn indirizz elettroniku li jispiċċa bi @ ecb.europa.eu jew @ ecb.int. Qatt ma għandek tafda email iffowerdjata.
- Iċċekkja t-test għal kliem mhux tas-soltu jew żbalji tal-ittajpjar.
- Iċċekkja l-links fl-email: poġġi l-maws fuq il-link mingħajr ma tikklikkja fuqha. Dan jurik t-test sħiħ tal-link. Xi programmi tal-email dan juruh f’qiegħ l-iskrin tiegħek. Jekk ma tirreferix għal ecb.europa.eu, l-email probabbilment tkun frawdolenti.
- B’mod ġenerali, kun suspettuż dwar emails mhux mistennija li jitolbuk tieħu azzjonijiet immedjati (eż. tittrasferixxi l-flus b’mod urġenti) jew li jidhru sbieħ wisq biex ikunu veri.
X’tista’ tagħmel biex tipproteġi lilek innifsek?
Qatt tittrasferixxi xi flus sakemm inti żgur min ser jirċevihom, u qatt m’għandek tikxef dettalji bħall-kont bankarju tiegħek, l-ID tiegħek jew kwalunkwe informazzjoni personali oħra.
Il-BĊE ma jistax jinżamm responsabbli jekk l-isem, il-logos jew l-indirizz tiegħu jintużaw ħażin fi skemi li għandhom l-għan li jqarrqu bil-membri tal-pubbliku. Nagħtuk parir li tirrapporta każijiet ta’ frodi lill-awtoritajiet lokali tal-infurzar tal-liġi tiegħek jew li tfittex parir mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali rilevanti.