Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Novembru 2023

1 ta' Diċembru 2023

Operazzjonijiet tas-suq

Aċċetazzjoni ta’ Scope Ratings GmbH bħala istituzzjoni ta’ valutazzjoni tal-kreditu esterna (ECAI)

Fit-2 ta’ Novembru 2023 il-Kunsill Governattiv approva l-aċċetazzjoni ta’ Scope Ratings GmbH bħala ECAI għall-finijiet tal-qafas tal-valutazzjoni tal-kreditu tal-Eurosistema, wara valutazzjoni teknika dettaljata mill-kumitati relevanti tal-Eurosistema u tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ), b’mod partikolari l-Kumitat tal-Ġestjoni tar-Riskju (RMC), b’mod konformi mal-proċess tal-applikazzjoni u l-kriterji tal-aċċettazzjoni tal-Eurosistema. Il-Kunsill Governattiv approva wkoll l-eliġibbiltà tal-klassifikazzjonijiet APS ta’ Scope Ratings għall-finijiet ta’ operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema malli tkun ġiet stabbilita l-konformità mar-rekwiżiti tal-iżvelar tal-Eurosistema. Il-proċess tal-integrazzjoni ta’ Scope Ratings fi ħdan l-infrastruttura tal-IT tal-Eurosistema nbeda immedjtament u aktarx li jieħu bosta xhur. Stqarrija għall-istampa dwar dan tinsab fis-sit web tal-BĊE.

Politika makroprudenzjali u stabbiltà finanzjarja

Il-Financial Stability Review – Novembru 2023

Fil-15 ta’ Novembru 2023 il-Kunsill Governattiv kellu skambju ta’ fehmiet dwar kwistjonijiet ta’ stabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro fuq il-bażi tal-edizzjoni ta’ Novembru 2023 tar-Reviżjoni tal-Istabbiltà Finanzjarja u awtorizza l-pubblikazzjoni tagħha fuq il-websajt tal-BĊE. Minbarra li tipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-vulnerabbiltajiet ewlenin tal-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro, din l-edizzjoni tinkludi żewġ karatteristiċi speċjali. L-ewwel waħda teżamina l-involviment tal-banek fit-trasformazzjoni tal-maturità, id-dipendenza tagħhom fuq derivattivi biex jimmitigaw ir-riskju tar-rati tal-imgħax li jirriżulta min-nuqqas ta’ qbil fil-maturità, u l-implikazzjonijiet għall-marġni tagħhom tal-imgħax nett. It-tieni waħda tivvaluta r-riskji li jistgħu jirriżultaw fil-kuntest tat-tidwir fiċ-ċirkli tal-proprjetà immobbli residenzjali u kummerċjali. Ir-Review jinsab fuq is-sit web tal-BĊE.

Infrastruttura tas-suq u ħlasijiet

L-istrateġija tal-ħlasijiet bl-imnut tal-Eurosistema

Fil-15 ta’ Novembru 2023 il-Kunsill Governattiv approva aġġornament għall-istrateġija tal-Eurosistema dwar il-ħlasijiet bl-imnut li jirrifletti l-iżviluppi esterni li affettwaw l-ekosistema tal-ħlasijiet sa mill-adozzjoni inizjali tal-istrateġija fl-2019, b’mod partikolari l-bidla kontinwa fil-preferenzi tal-konsumaturi lejn il-ħlasijiet elettroniċi, ir-rwol li qiegħed jikber tat-teknoloġija avvanzata fis-soluzzjonijiet tal-ħlasijiet bl-imnut, u l-importanza akbar tat-tisħiħ tar-reżiljenza tal-infrastruttura tal-ħlasijiet bl-imnut. L-istrateġija aġġornata, li tqis ukoll l-euro diġitali, fid-dawl tal-progress konsiderevoli li sar mill-Eurosistema fuq dan il-proġett, hija disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE flimkien ma’ stqarrija għall-istampa relatata.

Talba mill-Banca d’Italia biex jipprovdi sistema lokali ta’ ħlasijiet fil-pront lill-Bank of Albania

Fis-17 ta’ Novembru 2023 il-Kunsill Governattiv approva talba mill-Banca d’Italia biex jidħol, f’isem l-erba’ banek ċentrali li joperaw is-Servizzi TARGET, f’negozjati mal-bank ċentrali tal-Albanija bil-għan li tiġi stabbilita sistema lokali ta’ ħlasijiet fil-pront ospitata fuq infrastruttura ġdida mħaddma mill-Banca d'Italia. Din l-approvazzjoni tinkludi salvagwardji biex tiġi żgurata separazzjoni sħiħa mis-servizz TARGET Instant Payment Settlement (TIPS) ipprovdut mill-Eurosistema.

Riskedar tad-data tat-tnedija tas-Sistema tal-Eurosistema għall-Ġestjoni tal-Kollateral (ECMS)

Fid-29 ta’ Novembru 2023 il-Kunsill Governattiv approva l-iskedar mill-ġdid tad-data tat-tnedija tal-ECMS mit-8 ta’ April 2024 sat-18 ta’ Novembru 2024. Dan ser jippermetti żien għall-ittestjar addizzjonali li se jiżgura stabbiltà akbar tas-sistema u li l-utenti jkunu aktar lesti filwaqt li tiġi ffaċilitata migrazzjoni bla xkiel għall-pjattaforma l-ġdida. Komunikazzjoni dwar dan tinsab fis-sit web tal-BĊE.

Parir dwar il-leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar l-euro diġitali

Fil-31 ta’ Ottubru 2023 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2023/34 wara talbiet mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-impożizzjoni ta’ taxxa temporanja fuq il-banek

Fit-2 ta’ Novembru 2023 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2023/35 wara talba tal-Ministru tal-Finanzi Sloven.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-rekwiżiti tar-riżervi minimi tal-Magyar Nemzeti Bank

Fit-8 ta' Novembru 2023 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2023/36 fuq talba tal-Magyar Nemzeti Bank.

Opinjoni tal-BĊE dwar restrizzjonijiet tal-pensjoni għall-uffiċjali u l-impjegati tal-Oesterreichische Nationalbank

Fil-21 ta’ Novembru 2023 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2023/37 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Awstrija.

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika tas-suq tax-xogħol tal-Unjoni Ewropea dwar in-negozji, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 530/1999 u r-Regolamenti (KE) Nru 450/2003 u (KE) Nru 453/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

Fl-24 ta’ Novembru 2023, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2023/38 fuq talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Governanza korporattiva

Ħatra ta’ ko-Presidenti tal-Kumitat tal-Iżvilupp Organizzattiv (ODC)

Fid-29 ta’ Novembru 2023 il-Kunsill Governattiv ħatar lil Myriam Moufakkir, il-Kap Uffiċjal għas-Servizzi tal-BĊE, u lil Michael Peschel, Viċi Direttur Ġenerali għall-Kontroll, il-Kontabilità u l-Organizzazzjoni fi ħdan Deutsche Bundesbank, bħala ko-Presidenti tal-ODC sal-31 ta’ Diċembru 2025, sabiex it-termini tagħhom jintemmu fl-istess żmien bħal dawk tal-presidenti tal-kumitat tas-SEBĊ/Eurosistema maħtura jew maħtura mill-ġdid f’Diċembru 2022. Kif ġie deċiż mill-Kunsill Governattiv f’Lulju 2022, l-ODC huwa kopresedut mill-BĊE u wieħed mill-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema.

Kooperazzjoni internazzjonali u Ewropea

Programm ta’ kooperazzjoni tas-SEBĊ ma’ banek ċentrali Afrikani biex jissaħħu l-istabbiltà, ir-reżiljenza u l-governanza finanzjarji.

Fit-2 ta’ Novembru 2023 il-Kunsill Governattiv, bil-benefiċċju tal-osservazzjonijiet mill-Kunsill Ġenerali, approva l-programm ta’ kooperazzjoni bejn is-Sistema Ċentrali tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) u l-banek ċentrali Afrikani u d-dokumentazzjoni kuntrattwali relatata. Dan il-programm ta’ sentejn, li huwa koordinat mid-Deutsche Bundesbank u l-Banque de France, jinvolvi tmien banek ċentrali nazzjonali tas-SEBĊ u l-BĊE fuq in-naħa tal-UE, u sa 12-il istituzzjoni benefiċjarja mill-Afrika. Il-Kummissjoni Ewropea se tipprovdi l-finanzjament taħt l-Istrument tal-Viċinat, l-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni internazzjonali. Aktar dettalji se jingħataw meta jasal il-waqt hekk kif il-programm jimxi ‘l quddiem.

Memorandum ta’ Ftehim (MoU) aġġornat dwar il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazjzoni bejn il-BĊE u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA)

Fl-20 ta’ Novembru 2023 il-Kunsill Governattiv approva aġġornament tal-MoU tal-2016 dwar il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazjzoni bejn il-BĊE u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) biex ikopri l-ħtiġijiet ta’ data tal-ESMA li jirriżultaw mill-mandati superviżorji ġodda tiegħu u mill-ħtiġijiet ta’ data tal-BĊE fir-rigward tat-twettiq tal-kompiti tiegħu bħala bank ċentrali. Il-Bord Superviżorju ġie kkonsultat fir-rigward tal-partijiet tal-MoU li huma relevanti għall-kompiti superviżorji tal-BĊE.

Karti tal-flus u muniti

Temi possibbli għat-tielet serje ta’ karti tal-flus tal-euro

Fid-29 ta’ Novembru 2023 il-Kunsill Governattiv ħa nota tar-riżultati tal-istħarriġ li tmexxa f’isem il-BĊE u mill-Eurosistema matul is-sajf tal-2023 dwar temi possibbli għat-tielet serje ta’ karti tal-flus tal-euro u, abbażi tal-preferenzi tal-pubbliku Ewropew, għażel “Kultura Ewropea” u “Xmajjar u Għasafar” bħala ż-żewġ temi possibbli. Il-Kunsill Governattiv approva wkoll l-istabbiliment ta’ grupp ta’ konsulenza li se jkollu l-kompitu li jipproponi motifi għall-illustrazzjoni tat-temi magħżula. Stqarrija għall-istampa dwar dan tinsab fis-sit web tal-BĊE.

Superviżjoni Bankarja tal-BĊE

Programm ta’ Eżami Superviżorju (SEP) tal-2024 għal spezzjonijiet fuq il-post u investigazzjonijiet ta' mudelli interni f’istituzzjonijiet sinifikanti

Fil-21 ta’ Novembru 2023, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju li jaġġorna l-SEP għall-2024 għal spezzjonijiet fuq il-post u investigazzjonijiet ta’ mudelli interni f’istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-Superviżjoni Bankarja Ewropea. Is-SEP fuq il-post huwa bbażat fuq il-Prijoritajiet Superviżorji tal-MSU għall-2023-2025 ippubblikati fuq is-sit web tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja