Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)
Ottubru 2022
28 ta' Ottubru 2022
Il-politika monetarja
Estensjoni tal-arranġament bilaterali ta’ swap tal-munita euro-renminbi mal-Bank Popolari taċ-Ċina
Fl-10 ta' Ottubru 2022 l-BĊE ħabbar l-estensjoni tal-arranġament bilaterali ta’ swap tal-munita euro-renminbi bejn il-BĊE u l-Bank Popolari taċ-Ċina għal tliet snin oħra. L-istqarrija għall-istampa relatata tinsab fis-sit web tal-BĊE.
Rikalibrazzjoni tat-tielet serje ta’ operazzjonijiet immirati ta’ rifinanzjament għal żmien itwal (TLTRO III)
Fis-27 ta’ Ottubru 2022 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jerġa’ jikkalibra l-kundizzjonijiet tat-TLTRO III biex jiżgura konsistenza mal-proċess usa’ ta’ normalizzazzjoni tal-politika monetarja. L-istqarrija għall-istampa b’iktar dettalji tinsab fis-sit web tal-BĊE.
Bidla fir-rimunerazzjoni ta' riżervi minimi
Fis-27 ta’ Ottubru 2022 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jistabbilixxi r-remunerazzjoni tar-riżervi minimi bir-rata tal-faċilità ta’ depożitu tal-Eurosistema mill-bidu tal-perijodu ta’ żamma tar-riżervi li jibda fil-21 ta’ Diċembru 2022. L-istqarrija għall-istampa relatata tinsab fis-sit web tal-BĊE.
Operazzjonijiet tas-suq
Deċiżjoni tal-BĊE dwar dispożizzjonijiet tranżitorji għall-applikazzjoni tar-rekwiżiti tar-riżervi minimi fil-Kroazja
Fl-20 ta’ Ottubru 2022 il-BĊE adotta d-Deċiżjoni BĊE/2022/36 dwar dispożizzjonijiet tranżitorji għall-applikazzjoni ta’ rekwiżiti ta’ riżervi minimi mill-BĊE wara l-introduzzjoni tal-euro fil-Kroazja. Mill-1 ta’ Jannar 2023, istituzzjonijiet ta’ kreditu u friegħi ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li jinsabu fil-Kroazja se jkunu soġġetti għar-rekwiżiti ta’ riżervi minimi tal-Eurosistema. Peress li l-perijodu regolari ta’ manutenzjoni tar-riżervi jibda mill-21 ta’ Diċembru 2022 sas-7 ta’ Frar 2023, huma meħtieġa dispożizzjonijiet tranżitorji biex jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu rilevanti jiġu integrati bla xkiel fis-sistema ta’ riżervi minimi tal-Eurosistema, mingħajr ma jitpoġġa piż sproporzjonat fuqhom. F’konformità mal-prattika preċedenti meta pajjiżi oħra adottaw l-euro, id-Deċiżjoni tipprovdi għal perijodu ta’ żamma tranżitorja, f'dan il-każ speċifiku mill-1 ta' Jannar sas-7 ta' Frar 2023, għall-impożizzjoni ta’ rekwiżiti ta’ riżervi minimi fuq istituzzjonijiet ta' kreditu li jinsabu fil-Kroazja. L-istqarrija għall-istampa dwar dan tinsab fis-sit web tal-BĊE.
Infrastruttura tas-swieq u ħlasijiet
Emendi tekniċi għall-qafas legali tat-TARGET2-Securities (T2S).
Fit-28 ta’ Settembru 2022 il-Kunsill Governattiv ħa nota tar-reviżjonijiet relatati mal-Iskeda 6 tal-Ftehim Qafas T2S u tal-Ftehim tal-Parteċipazzjoni fil-Munita T2S. L-Iskeda 6 ta’ dawn id-dokumenti tistabbilixxi l-Ftehim tal-Livell ta’ Servizz (SLA) T2S, li jiddefinixxi, b’mod partikolari: (i) il-livelli tas-servizz li taħthom l-Eurosistema għandha tipprovdi s-servizzi T2S lid-depożitarji ċentrali parteċipanti tat-titoli u lill-banek ċentrali konnessi mhux fiż-żona tal-euro, u (ii) l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni. L-emendi ġew attivati bħala parti mill-proċess ta’ reviżjoni regolari SLA.
Tnedija skedata mill-ġdid ta' sistema mġedda ta' ħlas gross
Fl-20 ta’ Ottubru 2022 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jerġa’ jisskeda t-tnedija tas-sistema ġdida ta’ saldu gross f’ħin reali u l-mudell ċentrali ta’ ġestjoni tal-likwidità tagħha, T2. Il-go-live ġiet posposta b’erba’ xhur, mill-21 ta' Novembru 2022 sal-20 ta' Marzu 2023. Id-deċiżjoni kienet immexxija mill-ħtieġa li l-utenti jingħataw aktar ħin biex itemmu l-ittestjar tagħhom f'ambjent stabbli. L-istqarrija għall-istampa relatata tinsab fis-sit web tal-BĊE.
Statistika
Reviżjoni tal-qafas ta' nuqqas ta' konformità għar-rappurtar statistiku
Fid-29 ta’ Settembru 2022 il-Kunsill Governattiv iffinalizza r-reviżjoni tiegħu tal-qafas ta’ nuqqas ta’ konformità għar-rappurtar statistiku. L-iskop tar-reviżjoni kien li jagħmel il-qafas aktar effiċjenti, jissimplifika l-proċeduri rilevanti u jiċċara r-rwoli tal-istituzzjonijiet rilevanti fil-proċess. Bħala riżultat tar-reviżjoni, il-Kunsill Governattiv adotta r-Regolament BĊE/2022/31 dwar proċeduri ta’ ksur f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti tar-rapportar statistiku u li tħassar id-Deċiżjoni BĊE/2010/10, u d-Deċiżjoni BĊE/2022/32 dwar il-metodoloġija għall-kalkolu ta’ sanzjonijiet għal ksur allegat ta’ rekwiżiti ta’ rapportar statistiku. L-abbozz ta’ Regolament ġie ffinalizzat wara l-konklużjoni ta’ konsultazzjoni pubblika li saret fl-2021. Id-dikjarazzjoni ta’ reazzjoni relatata li tippreżenta l-valutazzjoni tal-BĊE tal-kummenti li waslu waqt il-konsultazzjoni pubblika hija disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE, flimkien ma’ aktar informazzjoni dwar ir-reviżjoni.
Karti tal-flus u muniti
Emendi lid-Deċiżjoni BĊE/2020/24 dwar proċeduri ta’ akkreditazzjoni għal manifatturi ta’ elementi ta’ sigurtà tal-euro u elementi tal-euro
Fit-13 ta’ Ottubru 2022 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2022/35 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2020/24 dwar proċeduri ta’ akkreditazzjoni għal manifatturi ta’ elementi ta’ sigurtà tal-euro u elementi tal-euro. Il-bidliet introdotti għandhom l-għan li jiżguraw l-implimentazzjoni effiċjenti u prattika tar-rekwiżiti etiċi relatati mal-akkreditazzjoni tal-manifatturi tal-oġġetti tal-euro siguri u tal-oġġetti tal-euro.
Superviżjoni Bankarja tal-BĊE
Pubblikazzjoni ta' dokumenti aġġornati għall-proċess ta' qabel l-applikazzjoni tal-Investigazzjoni tal-Mudell Intern (IMI).
Fl-20 ta’ Settembru 2022 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jiġu ppubblikati dokumenti aġġornati għall-proċess ta’ qabel l-applikazzjoni għall-IMI. Ir-reviżjonijiet jinkludu l-mudelli tal-Kwestjonarju tal-AwtoValutazzjoni għar-riskju tal-kreditu u tas-suq, il-formoli tal-applikazzjoni minn qabel u tal-applikazzjoni, u l-linji gwida relatati dwar il-formoli tal-applikazzjoni minn qabel u tal-applikazzjoni. Id-dokumenti aġġornati huma disponibbli taħt it-taqsima tal-Investigazzjonijiet tal-Mudell Intern tas-sit web tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.
Konsultazzjoni pubblika fuq abbozz ta' Gwida dwar proċeduri tal-parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti
Fit-23 ta’ Settembru 2022 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju li tinfetaħ konsultazzjoni pubblika fuq il-Gwida fuq il-proċeduri dwar il-parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti. Il-Gwida għandha l-għan li tiċċara kif il-BĊE jivvaluta l-applikazzjonijiet biex jakkwista parteċipazzjonijiet kwalifikanti fil-banek. Il-konsultazzjoni tibqa’ għaddejja sad-9 ta’ Novembru 2022. L-istqarrija għall-istampa relatata b’aktar dettalji tinsab fis-sit web tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja