Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Marzu 2022

25 ta' Marzu 2022

Komunikazzjoni esterna

Kontijiet Annwali tal-BĊE 2021

Fit-23 ta’ Marzu 2022 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rapport Annwali tal-BĊE 2021, li se jiġi ppreżentat lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament Ewropew u li hu disponibbli fil-websajt tal-BĊE bi 22 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-28 ta’ April 2022.

Il-politika monetarja

Aġġornament fuq il-kwestjonarju dwar l-istħarriġ dwar is-self bankarju taż-żona tal-euro.

Fis-17 ta' Frar 2022 il-Kunsill Governattiv approva l-introduzzjoni ta' kwestjonarju standard rivedut għall-Istħarriġ dwar is-Self Bankarju taż-żona tal-euro, li se jkun disponibbli permezz tat-taqsima ddedikata tal-websajt tal-BĊE f’April 2022. Ir-reviżjonijiet għandhom l-għan li jipprovdu għarfien aktar dettaljat tal-fatturi sottostanti għal bidliet fl-istandards tal-kreditu u t-termini u l-kundizzjonijiet tal-kreditu għal self lil ditti u unitajiet domestċi.

Konformità tal-banek ċentrali mal-projbizzjonijiet dwar il-finanzjament monetarju u l-aċċess privileġġat

Fit-23 ta’ Marzu 2022, skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFEU), li jassenja lill-BĊE l-kompitu tas-sorveljanza tal-konformità tal-banek ċentrali tal-UE mal-projbizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 123 u 124 tat-TFEU u r-Regolamenti relatati, il-Kunsill Governattiv approva r-rapport dwar il-konformità li jkopri s-sena 2021. Tagħrif ieħor dwar dan se jkun disponibbli f’taqsima speċifika tar-Rapport Annwali tal-BĊE 2021 li se jiġi pubblikat fil-websajt tal-BĊE fit-28 ta’ April 2022.

Operazzjonijiet tas-suq

L-adattament tal-qafas kollaterali tal-Eurosistema fid-dawl tad-Direttiva dwar Bonds garantiti

Fis-17 ta' Frar 2022, il-Kunsill Governattiv approva adattamenti għall-qafas kollaterali tal-Eurosistema biex tiġi żgurata l-konsistenza tiegħu mal-pakkett leġiżlattiv ta' bonds garantiti introdott ġdid (Direttiva (UE) 2019/2162 li għaliha se japplikaw miżuri nazzjonali ta' traspożizzjoni sa mhux aktar tard mit-8 ta' Lulju 2022 u r-Regolament (UE) 2019/2160, li se jidħol fis-seħħ fit-8 ta’ Lulju 2022), li skont dan (i) bonds garantiti leġiżlattivi taż-ŻEE maħruġa wara t-8 ta’ Lulju 2022 li ma jikkonformawx mal-miżuri nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva dwar Bonds Garantiti (CBD) mhux se jkunu eliġibbli bħala kollateral tal-Eurosistema jew għax-xiri taħt is-CBPP3; (ii) bonds garantiti leġiżlattivi taż-ŻEE maħruġa wara t-8 ta’ Lulju 2022 f’ġurisdizzjonijiet fejn il-liġi nazzjonali li timplimenta s-CBD għadha ma daħlitx fis-seħħ lanqas se jkunu eliġibbli bħala kollateral tal-Eurosistema sakemm il-liġi nazzjonali ta’ implimentazzjoni ssir applikabbli; (iii) l-eliġibilità tal-multicédulas u bonds garantiti leġiżlattivi tal-G10 mhux taż-ŻEE bħala kollateral tal-Eurosistema tibqa' l-istess; (iv) bonds garantiti flimkien fi ħdan il-grupp huma aċċettati bħala kollateral tal-Eurosistema għalkemm huma esklużi mill-użu proprju bħala kollateral u għalhekk mix-xiri taħt is-CBPP3, suġġetti għal monitoraġġ mill-qrib mill-Eurosistema (li jista’ jwassal għal reviżjoni tal-eliġibilità tagħhom kif ikun xieraq); u (v) ir-rekwiżiti eżistenti għal bonds garantiti leġiżlattivi taż-ŻEE sostnuti minn ABSs se japplikaw biss għal bonds garantiti maħruġa qabel it-8 ta’ Lulju 2022. L-adattamenti se jkunu riflessi fil-linji gwida tal-implimentazzjoni tal-politika monetarja tal-Eurosistema fi żmien debitu.

Reviżjoni tar-rimunerazzjoni tad-depożiti tal-politika mhux monetarja fil-livell tal-Eurosistema

Fis-17 ta' Frar 2022 il-Kunsill Governattiv approva l-allinjament bejn ir-remunerazzjoni tad-depożiti tal-gvern taħt: (i) Linja Gwida BĊE/2019/7 dwar operazzjonijiet ta' ġestjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet domestiċi mill-banek ċentrali nazzjonali (Linja Gwida DALM); (ii) Linja Gwida BĊE/2012/27 dwar is-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET2); (iii) Deċiżjoni BĊE/2010/4 dwar il-ġestjoni ta’ self bilaterali kollettiv għall-benefiċċju tar-Repubblika Ellenika u li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2007/7; (iv) ftehimiet bilaterali bejn il-BĊE u l-MES/EFSF; u adotta l-atti legali korrispondenti, b'mod partikolari: (i) Linja Gwida BĊE/2022/4 li temenda l-Linja Gwida TARGET2; u (ii) Deċiżjoni BĊE/2022/5 dwar ir-remunerazzjoni ta' holdings ta’ eċċess ta’ riżervi u ta’ ċerti depożiti.

Emenda għad-Deċiżjoni BĊE/2010/17 fuq dispożizzjonijiet dwar ir-rimunerazzjoni

Fis-17 ta’ Marzu 2022 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2022/11 tal-Bank Ċentrali Ewropew li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2010/17 dwar l-amministrazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ self lil u mill-Unjoni taħt il-mekkaniżmu Ewropew għall-istabbilizzazzjoni finanzjarja.Id-Deċiżjoni BĊE/2010/17 kellha tiġi emendata fl-interess taċ-ċertezza legali biex jitneħħew dispożizzjonijiet ta’ rimunerazzjoni skaduti u biex issir referenza diretta għar-regoli ta’ rimunerazzjoni applikabbli bħalissa stabbiliti fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni BĊE/2019/31 kif emendata mid-Deċiżjoni BĊE/2022/5.

Politika makroprudenzjali u stabbiltà finanzjarja

Tweġiba tal-BĊE għas-Sejħa għall-Parir tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-reviżjoni tal-qafas makroprudenzjali tal-UE

Fit-23 ta’ Marzu 2022 il-Kunsill Governattivi approva t-tweġiba tal-BĊE għas-Sejħa għall-Parir (CfA) tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-reviżjoni tal-qafas makroprudenzjali tal-UE. Il-BĊE, fil-kapaċità tiegħu bħala awtorità nominata, huwa wieħed mid-destinatarji tas-CfA. Il-Kummissjoni Ewropea hija meħtieġa tlesti reviżjoni tad-dispożizzjonijiet makroprudenzjali fir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti Kapitali u d-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti Kapitali sa Ġunju 2022 u, jekk ikun xieraq, tissottometti proposta leġiżlattiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa Diċembru 2022. It-tweġiba tal-BĊE tinkludi diversi proposti ta’ politika għat-titjib tal-qafas makroprudenzjali li jkopru l-erba’ oqsma wesgħin li ġejjin: a) Id-disinn ġenerali u l-funzjonament tal-qafas tal-bafer, b) Strumenti neqsin jew skaduti, c) Kunsiderazzjonijiet tas-suq intern, u d) Riskji globali. It-tweġiba se tiġi sottomessa lill-Kummissjoni Ewropea u ssir disponibbli fuq il-websajt tal-BĊE sa tmiem Marzu 2022.

Infrastruttura tas-swieq u ħlasijiet

Linja Gwida tal-BĊE dwar il-ġenerazzjoni ġdida tas-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET)

Fl-24 ta’ Frar 2022 il-Kunsill Governattiv adotta Linja Gwida BĊE/2022/8 dwar il-ġenerazzjoni ġdida tas-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET) u li tħassar il-Linja Gwida BĊE/2012/27. TARGET ġiet introdotta bħala riżultat tal-proġett ta' konsolidazzjoni ta' TARGET2 u TARGET2-Securities approvat mill-Kunsill Governattiv f'Diċembru 2017. Il-pjattaforma kkonsolidata se tippermetti tnaqqis fl-ispejjeż operazzjonali kkombinati u ttejjeb il-ġestjoni tal-likwidità fis-servizzi varji. TARGET se tieħu post TARGET2 mill-21 ta' Novembru 2022.

Opinjonijiet fuq leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar il-bonds garantiti fil-Bulgarija

Fit-22 ta’ Diċembru 2022 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2020/6 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi Bulgaru.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-istabbiliment u t-tħaddim ta' reġistru tal-kreditu ċentrali ta’ kontijiet fis-Slovakkja

Fl-1 ta’ Marzu 2022 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2022/7 wara talba mill-Ministru tal-Finanzi tar-Repubblika Slovakka.

Opinjoni tal-BĊE dwar miżuri makroprudenzjali fil-Finlandja

Fl-4 ta’ Marzu 2022 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2022/8 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Finlandja.

Opinjoni tal-BĊE dwar limitazzjonijiet fuq ħlasijiet fi flus kontanti fi Spanja

Fil-15 ta’ Marzu 2022 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2022/9 mħejjija b’inizjattiva proprja tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar emendi għall-Istatut tal-Banca d’Italia

Fit-18 ta’ Marzu 2022 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2022/10 wara talba mill-Banca d’Italia.

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta biex jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar ir-rekwiżiti għal riskju tal-kreditu, riskju tal-aġġustament tal-valutazzjoni tal-kreditu, riskju operazzjonali, riskju tas-suq, u l-limitu minimu tal-output

Fit-23 ta' Marzu 2022 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2022/11 wara talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew.

Governanza korporattiva

Rakkomandazzjoni tal-BĊE dwar l-awdituri esterni tal-Bank of Greece

Fis-17 ta’ Diċembru 2022 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2022/3 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Bank of Greece.

Estensjoni tas-sħubija fil-Kumitati tal-Etika u tal-Verifika tal-BĊE

Fit-18 ta’ Frar 2022 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jestendi s-sħubija tas-Sur Patrick Honohan fil-Kumitati tal-Etika u tal-Verifika tal-BĊE sal-31 ta’ Diċembru 2022.

Statistika

Aġġornament annwali tal-lista ta' titoli li jirrappurtaw id-dejta tal-gruppi ta' titoli li jżommu l-istatistika

Fit-18 ta' Marzu 2022 il-Kunsill Governattiv approva l-lista aġġornata ta' aġenti ta' rappurtar tad-dejta tal-gruppi li tikkonċerna l-istatistika dwar investimenti f’titoli. Mill-2016 il-lista ġiet aġġornata mill-inqas darba fis-sena fuq il-bażi tal-kriterji kwantitattivi u kwalitattivi stabbiliti fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament BĊE/2012/24. L-entitajiet affettwati mill-bidliet se jiġu nnotifikati mill-bank ċentrali nazzjonali rilevanti skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament BĊE/2012/24.

Superviżjoni Bankarja tal-BĊE

Deċiżjoni tal-BĊE dwar il-proċedura biex jiġu esklużi membri tal-persunal mis-suppożizzjoni li kellhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju ta’ istituzzjoni tal-kreditu taħt superviżjoni

Fit-18 ta’ Frar 2022 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex tiġi adottata d-Deċiżjoni BĊE/2022/6 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2015/38 dwar il-proċedura biex jiġu esklużi membri tal-persunal mis-suppożizzjoni li kellhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju ta' istituzzjoni tal-kreditu taħt superviżjoni.

Rapport Annwali tal-BĊE dwar l-attivitajiet superviżorji 2021

Fl-1 ta’ Marzu 2022 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rapport Annwali tal-BĊE dwar l-attivitajiet superviżorji 2021 u awtorizza l-pubblikazzjoni u t-trażmissjoni tiegħu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Eurogrupp u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti. Ir-rapport se jiġi ppubblikat fuq il-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE fil-31 ta’ Marzu 2022, id-data li fiha se jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew mill-President tal-Bord ta’ Sorveljanza.

Deċiżjoni tal-BĊE fuq l-ammont totali ta' tariffi superviżorji annwali għall-2021

Fl-1 ta’ Marzu 2022 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex tiġi adottata d-Deċiżjoni (UE) 2022/7 dwar l-ammont totali ta’ tariffi superviżorji annwali għall-2021. Id-deċiżjoni se tkun disponibbli fuq il-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE sa tmiem Marzu 2022, mal-pubblikazzjoni tar-Rapport Annwali tal-BĊE dwar l-attivitajiet superviżorji 2021.

Gwida tal-BĊE dwar in-notifika ta' tranżazzjonijiet ta' titolizzazzjoni

Fit-2 ta’ Marzu 2022 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju li jippubblika l-Gwida tal-BĊE dwar in-notifika ta’ tranżazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni. Din il-gwida mhux vinkolanti tistabbilixxi l-prattiki ta’ notifika li istituzzjonijiet sinifikanti li jaġixxu bħala oriġinaturi jew sponsors ta’ tranżazzjoni ta’ titolizzazzjoni huma avżati biex isegwu sabiex jipprovdu lill-BĊE bl-informazzjoni meħtieġa għas-superviżjoni tal-konformità mal-Artikoli 6 sa 8 tar-Regolament dwar it-Titolizzazzjoni. Il-Gwida tinsab fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Ir-rapport tal-BĊE dwar il-progress tal-banek lejn l-iżvelar trasparenti tal-profili tar-riskju ambjentali u relatati mal-klima tagħhom

Fis-7 ta’ Marzu 2022 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jiġi ppubblikat rapport li jipprovdi t-tieni stampa tal-livell ta’ żvelar ta’ riskji relatati mal-klima u ambjentali fost istituzzjonijiet sinifikanti. Il-valutazzjoni tikkunsidra wkoll sa liema punt l-iżvelar tal-banek huwa sostanzjat tajjeb u tipprovdi indikazzjoni preliminari tat-tħejjija tagħhom għar-rekwiżiti li ġejjin. Ir-Rapport u l-istqarrija għall-istampa relatata huma disponibbli fuq il-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

***

Minħabba l-vaganzi tal-Għid l-edizzjoni li jmiss ta’ dan id-dokument se toħroġ fit-3 pm nhar it-Tlieta, 19 ta’ April 2022.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja