Relazzjonijiet Internazzjonali u analiżi

Il-BĊE jikkoopera internazzjonalment meta jwettaq il-kompiti fdati lill-Eurosistema u l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku. Din il-kooperazzjoni tinkludi:

  • il-formulazzjoni u r-rappreżentazzjoni ta' pożizzjonijiet tal-politika fl-oqsma tal-kompetenza tiegħu
  • l-iskambju ta' informazzjoni u fehmiet u l-valutazzjoni ta' żviluppi ekonomiċi flimkien ma' leġiżlaturi oħra f'organizzazzjonijiet u fora multilaterali, kif ukoll b'mod bilaterali
  • involviment ma' istituzzjonijiet internazzjonali fis-sorveljanza li jwettqu taż-żona tal-euro u l-politika monetarja tal-BĊE, bħall-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD)
  • il-parteċipazzjoni fi sforzi internazzjonali għall-iżvilupp ta' regoli u tal-aqwa prattika għat-titjib tal-istabbiltà finanzjarja u l-effiċjenza u trasparenza fit-tfassil tal-politika

Il-kooperazzjoni internazzjonali hi volontarja u mhijiex vinkolanti, għalhekk ma taffettwax il-mandat domestiku u l-indipendenza tal-BĊE. F'ċirkostanzi eċċezzjonali, il-BĊE jista' jikkoordina l-azzjonijiet tiegħu ma' dawk ta' banek ċentrali barra ż-żona tal-euro, bħalma ġara waqt il-kriżi finanzjarja dinjija.

Involviment f'istituzzjonijiet u fora internazzjonali

Fond Monetarju Internazzjonali (FMI)

Il-BĊE għandu status ta' osservatur permanenti fil-FMI. Jista' jipparteċipa fil-laqgħat tal-Bord Eżekuttiv tal-FMI dwar suġġetti speċifiċi u suġġetti li jkunu rilevanti għall-mandat tal-BĊE.

Grupp tal-Għoxrin (G20)

Bħala parti mid-delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea, il-BĊE jipparteċipa fil-laqgħat tal-ministri tal-finanzi tal-G20 u tal-gvernaturi tal-banek ċentrali kif ukoll is-substrutturi tagħhom. Jieħu sehem ukoll f'laqgħat tal-ministri tal-finanzi tal-G7 u tal-gvernaturi tal-banek ċentrali.

Bank għas-Saldi Internazzjonali (BSI)

Il-BĊE hu membru u azzjonist tal-BSI. Jieħu sehem fil-korpi ta' governanza u ta' sorveljanza tal-BSI u fil-kumitati u l-gruppi ta' ħidma kollha bażati f'din l-istituzzjoni, fosthom:

  • il-Kumitat ta’ Basel għas-Sorveljanza Bankarja
  • il-Kumitat għall-Pagamenti u l-Infrastrutturi tas-suq
  • il-Kumitat għas-Sistema Finanzjarja Dinjija
  • Il-Kumitat għas-Swieq
l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD)

Il-BĊE jipparteċipa f'għadd ta' kumitati u gruppi ta' ħidma tal-OECD, fejn jaġixxi bħala membru separat tad-delegazzjoni tal-Komunità Ewropea flimkien mal-Kummissjoni Ewropea.

Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja (FSB)

Il-BĊE jipparteċipa fil-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja u f'għadd ta' substrutturi tiegħu.

Relazzjonijiet ma' banek ċentrali mhux fl-UE

Il-BĊE jżomm relazzjonijiet ma' banek ċentrali ta' ekonomiji tas-suq avvanzati u ġodda barra l-UE. L-iskambju ta' fehmiet u informazzjoni jippermetti lill-BĊE jifhem aħjar l-ambjent estern taż-żona tal-euro u jfiehem il-politika tiegħu.

Il-BĊE hu involut ukoll fil-kooperazzjoni teknika tal-banek ċentrali.

Analiżi ta' kwistjonijiet internazzjonali

Il-BĊE jissorvelja u janalizza firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet internazzjonali ekonomiċi, finanzjarji u monetarji li jkunu rilevanti għat-twettiq tal-mandat tiegħu. Dawn jinkludu:

  • is-sorveljanza u l-analiżi tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u l-iżviluppi ċikliċi fl-ekonomija globali u linji ta' politika rilevanti f'pajjiżi terzi (tagħrif ieħor)
  • it-tħejjija ta' projezzjonijiet makroekonomiċi tal-ambjent estern taż-żona tal-euro u t-tmexxija ta' analiżi ta' simulazzjonijiet u xenarji relatati mal-ambjent estern
  • is-sorveljanza tar-rwol internazzjonali tal-euro
  • l-analiżi ta' kwistjonijiet relatati mal-arkitettura finanzjarja internazzjonali u suġġetti oħra li jkunu rilevanti għall-politika