Sit

Tfittxija għal sit xieraq

Pjanta tas-sit tal-Bank Ċentrali Ewropew

Pjanta tas-sit tal-Bank Ċentrali Ewropew

© Bank Ċentrali Ewropew

Fl-1998 il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) beda jfittex sit xieraq biex jibni l-uffiċċji l-ġodda tiegħu fi Frankfurt. B'kollox ġew eżaminati 35 sit; wieħed minnhom kien il-Grossmarkthalle (il-pitkalija tal-frott u ħxejjex tal-belt) fid-distrett tal-Ostend.

Studju dwar jekk setax jiġi attwat il-proġett

Studju dwar jekk setax jiġi attwat il-proġett, li sar fl-1999 flimkien mal-periti ta' Frankfurt, Jourdan & Müller, wasal għall-konklużjoni li s-sit tal-Grossmarkthalle kien eċċellenti għall-bini tal-kwartieri l-ġodda tal-BĊE u li s-sala tal-pitkalija nnifisha kienet tista' tiġi inkorporata bla diffikultà fil-kwartieri l-ġodda tal-BĊE. Kmieni fl-2002 il-Belt ta' Frankfurt u l-BĊE ffirmaw il-ftehim tax-xiri.

Il-"knisja tal-ħxejjex"

Grossmarkthalle, 2002

Grossmarkthalle, 2002

© BĊE/KingAir Luftfoto

Il-Grossmarkthalle – jew “Gemieskirch” (‘il-knisja tal-ħxejjex’) kif isejħulha n-nies tal-post – kien il-post fejn il-kummerċjanti tal-frott u l-ħxejjex kienu jixtru u jbiegħu il-merkanzija tagħhom sa Ġunju tal-2004. Il-prodotti tas-suq bl-ingrossa kienu jiġu kunsinnati f'medda ta' 200 km madwar Frankfurt. Illum is-suq bl-ingrossa qiegħed fi Frischezentrum, kumpless ġdid fid-distrett ta' Kalbach.

Faxxinu post-industrijali

Is-sit tal-Grossmarkthalle bejn il-baċir tal-Osthafen u ċ-ċentru tal-belt diġà għandu rabtiet sodi mal-infrastruttura, minħabba l-ħtiġijiet funzjonali ta' dak li qabel kien suq bl-ingrossa. Għalkemm il-ħafna depows u mħażen, mollijiet u linji għall-ġarr tal-merkanzija li ma baqgħux jintużaw ħallew xejra industrijali fuq il-post, iż-żona ilha fi stat ta' transizzjoni mill-industrija, għas-servizzi, minn meta ngħalqet il-pitkalija. Mill-aħħar għaxar snin tas-seklu li għadda, ġara l-istess ħaġa fl-inħawi ta' madwar il-belt. Per eżempju, it-triq fin-naħa tal-punent tal-Grossmarkthalle (Oskar-von-Miller-Strasse) ġiet żviluppata mill-ġdid b'bini għal residenza u uffiċċji. It-trasferiment tal-BĊE għas-sit tal-Grossmarkthalle jikkostitwixxi wieħed mill-komponenti ewlenin tal-iżvilupp urban tad-distrett tal-Ostend.