Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)
Marzu 2023
Komunikazzjoni esterna
Rapporti dwar divulgazzjonijiet relatati mal-klima tal-portafolli tal-politika mhux monetarja tal-BĊE u l-investimenti ta’ bonds korporattivi tal-Eurosistema għal skopijiet ta’ politika monetarja
Fit-23 ta’ Marzu 2023 il-BĊE ippubblika l-ewwel divulgazzjonijiet finanzjarji tiegħu relatati mal-klima, ippreżentat f’żewġ rapporti, li jipprovdu informazzjoni dwar l-impronta tal-karbonju tal-portafolli tiegħu u l-espożizzjoni għar-riskji klimatiċi, kif ukoll dwar il-governanza, l-istrateġija u l-ġestjoni tar-riskju relatati mal-klima. Id-divulgazzjonijiet ikopru l-investimenti ta’ titoli korporattivi tal-Eurosistema taħt il-programm ta’ xiri tas-settur korporattiv u l-programm ta’ xiri ta’ emerġenza pandemika, kif ukoll il-portafolli ta’ politika mhux monetarja tal-BĊE denominati f’euro, inklużi l-portafoll ta’ fondi proprji u l-fond tal-pensjoni tal-persunal tiegħu. Minn issa 'l quddiem, il-BĊE se jiddivulga informazzjoni relatata mal-klima dwar dawn il-portafolli kull sena, filwaqt li jtejjeb kontinwament id-divulgazzjonijiet hekk kif jiżviluppaw il-kwalità u d-disponibbiltà tad-data. L-istqarrija għall-istampa relatata hi disponibbli fis-sit web tal-BĊE.
Il-politika monetarja
Konformità tal-banek ċentrali mal-projbizzjonijiet dwar il-finanzjament monetarju u l-aċċess privileġġat
Fid-29 ta’ Marzu 2023, skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFEU), li jassenja lill-BĊE l-kompitu tas-sorveljanza tal-konformità tal-banek ċentrali tal-UE mal-projbizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 123 u 124 tat-TFEU u r-Regolamenti relatati, il-Kunsill Governattiv approva r-rapport ta’ monitoraġġ li jkopri s-sena 2022. Tagħrif ieħor dwar dan se jkun disponibbli f’taqsima speċifika tar-Rapport Annwali tal-BĊE 2022 li se jiġi ppubblikat fis-sit web tal-BĊE fil-25 ta’ Mejju 2023.
Operazzjonijiet tas-suq
Dikjarazzjoni konġunta dwar id-divulgazzjoni dwar it-tibdil fil-klima għal prodotti finanzjarji strutturati
Fit-13 ta’ Marzu 2023 l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) u l-BĊE ħarġu dikjarazzjoni konġunta biex jenfasizzaw l-importanza li prodotti finanzjarji strutturati jiddivulgaw ukoll informazzjoni relatata mal-klima dwar l-assi sottostanti. L-istqarrija kkonfermat li l-ASE u l-BĊE qed jaħdmu biex itejbu l-istandards ta’ divulgazzjoni għall-assi titolizzati billi jinkludu informazzjoni ġdida, proporzjonata u mmirata relatata mat-tibdil fil-klima. L-istqarrija konġunta tinsab fis-sit web tal-BĊE.
Bidla fil-ħin tal-komputazzjoni tar-rati ta' referenza tal-kambju tal-euro
Fis-17 ta' Marzu 2023 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jibdel il-ħin tal-komputazzjoni tar-rati ta' referenza tal-kambju tal-euro (magħrufa wkoll bħala r-rati ta' referenza tal-BĊE) għal ħabta tas-14:10 CET, effettivi mit-3 ta' April 2023, biex jiġu evitati duplikazzjonijiet mal-ħin tal-pubblikazzjoni (14:15 CET) tad-deċiżjonijiet tal-politika monetarja tal-BĊE. Barra minn hekk, il-Kunsill Governattiv ħa nota tat-tneħħija tal-kuna Kroata minn Jannar 2023 mil-lista ta’ muniti li għalihom il-BĊE jippubblika kuljum ir-rati ta’ referenza tal-kambju tal-euro minħabba l-adeżjoni tal-Kroazja fiż-żona tal-euro. Il-qafas aġġornat għar-rati ta’ referenza tal-kambju tal-euro dalwaqt se jkun disponibbli fit-taqsima rilevanti tas-sit web tal-BĊE.
Infrastruttura tas-swieq u ħlasijiet
Deċijoni tal-BĊE dwar l-aċċess għal u l-użu ta’ ċerta data TARGET2
Fis-6 ta' Marzu 2023, il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2023/3 dwar l-aċċess għal u l-użu ta' ċerta data tat-TARGET u li tħassar id-Deċiżjoni BĊE/2010/9. L-att legali l-ġdid jirregola l-aċċess għal u l-użu tad-data fil-livell tat-tranżazzjonijiet għall-Ambjent Analitiku TARGET mill-banek ċentrali tal-Eurosistema, partikolarment fir-rigward tal-iżgurar tal-kunfidenzjalità.
Opinjonijiet fuq il-leġiżlazzjoni
Opinjoni tal-BĊE dwar il-proporzjon tar-riżerva
Fit-2 ta' Marzu 2023 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2023/6 fuq talba tal-Magyar Nemzeti Bank.
Opinjoni tal-BĊE dwar il-limitazzjoni ta' ħlasijiet fi flus kontanti għal kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni soċjali pubbliċi
Fis-7 ta’ Marzu 2023 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2023/7 mħejjija b’inizjattiva proprja tal-BĊE.
Opinjoni tal-BĊE dwar is-sospensjoni tal-ħlas lura ta’ self ipotekarju
Fl-20 ta’ Marzu 2023 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2023/8 dwar il-Polonja, imħejjija b’inizjattiva proprja tal-BĊE.
Governanza korporattiva
Rakkomandazzjoni tal-BĊE dwar l-awdituri esterni tal-Hrvatska narodna banka
Fis-7 ta’ Marzu 2023 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2023/4 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Hrvatska narodna banka.
Membru ġdid tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Swieq
Fis-17 ta' Marzu 2023 il-Kunsill Governattiv ħatar lil Alexandre Gautier, il-Viċi Direttur Ġenerali għall-Istabbiltà Finanzjarja u l-Operazzjonijiet fil-Banque de France, bħala membru tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq (MIB) li jirrappreżenta lill-Banque de France, mit-3 ta’ April 2023 sal-31 ta’ Mejju 2023, sabiex dan jikkoinċidi mal-mandati tal-membri l-oħra kollha tal-MIB. Is-Sur Gautier jieħu post Ivan Odonnat, li assuma rwol differenti u ssejjaħ lura bħala membru tal-MIB.
Statistika
Aġġornament annwali tal-lista tal-aġenti ta’ rappurtar tad-data tal-istatistika tal-grupp tal-investimenti f’titoli
Fit-23 ta' Marzu 2023 il-Kunsill Governattiv approva l-lista aġġornata ta' aġenti ta' rappurtar tad-data tal-gruppi li tikkonċerna l-istatistika dwar investimenti f’titoli. Mill-2016 il-lista ġiet aġġornata mill-inqas darba fis-sena fuq il-bażi tal-kriterji kwantitattivi u kwalitattivi stabbiliti fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament BĊE/2012/24. L-entitajiet affettwati mill-bidliet se jiġu nnotifikati mill-bank ċentrali nazzjonali rilevanti skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament BĊE/2012/24.
Superviżjoni Bankarja tal-BĊE
Rapport Annwali tal-BĊE dwar l-attivitajiet superviżorji 2022
Fit-28 ta’ Frar 2023 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rapport Annwali tal-BĊE dwar l-attivitajiet superviżorji tal-2022, approva t-trażmissjoni tiegħu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill tal-UE, lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Eurogroup u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti, u awtorizza l-pubblikazzjoni tiegħu. Ir-rapport ġie ppubblikat fuq is-sit web tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE fil-21 ta’ Marzu 2023, il-jum li fih ġie ppreżentat lill-Parlament Ewropew mill-President tal-Bord Superviżorju.
Deċiżjoni tal-BĊE fuq l-ammont totali ta' tariffi superviżorji annwali għall-2022
Fit-28 ta’ Frar 2023 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2023/2 fuq l-ammont totali ta’ tariffi superviżorji annwali għall-2022.
Deċiżjoni tal-BĊE dwar id-delega tas-setgħa li jiġu adottati deċiżjonijiet relatati ma’ spezzjonijiet fuq il-post u investigazzjonijiet ta’ mudelli interni
Fl-10 ta’ Marzu 2023 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2023/5 dwar id-delega tas-setgħa li jiġu adottati deċiżjonijiet relatati ma’ spezzjonijiet fuq il-post u investigazzjonijiet ta’ mudelli interni. Id-Deċiżjoni tispeċifika l-kriterji għad-delega tas-setgħat tat-teħid ta’ deċiżjonijiet lill-kapijiet tal-unitajiet tax-xogħol tal-BĊE għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar spezzjonijiet fuq il-post u deċiżjonijiet dwar investigazzjonijiet ta’ mudelli interni. Id-delega tas-setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet hija mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni superviżorja li għandha titwettaq għall-finijiet tat-teħid ta’ deċiżjonijiet superviżorji tal-BĊE wara l-ispezzjoni fuq il-post u l-investigazzjoni tal-mudell intern.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja