Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Diċembru 2022

16 ta’ Diċembru 2022

Il-politika monetarja

Emenda għar-Regolament BĊE/2021/1 dwar l-applikazzjoni ta' riżervi minimi

Fis-6 ta’ Diċembru 2022 il-Kunsill Governattiv adotta r-Regolament BĊE/2022/43 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2021/378 dwar l-applikazzjoni ta’ riżervi minimi (BĊE/2021/1). L-att legali li jemenda jimplimenta d-Deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv tas-27 ta’ Ottubru 2022, li jistabbilixxi r-remunerazzjoni tar-riżervi minimi bir-rata tal-faċilità ta’ depożitu tal-Eurosistema mill-bidu tal-perijodu ta’ żamma tar-riżervi li jibda fil-21 ta’ Diċembru 2022. Barra minn hekk, biex tiġi żgurata ċ-ċarezza legali u t-trasparenza, l-att legali li jemenda jiddefinixxi wkoll it-trattament ta’ remunerazzjoni ta’ fondi li, wara li inizjalment ġew inklużi f’holdings ta’ riżervi minimi, huma sussegwentement ikkunsidrati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1)(d) tar-Regolament BĊE/2021/1 u għalhekk huma esklużi minn holdings ta' riżerva ta' istituzzjoni taħt dak l-att. L-att legali li jemenda se jidħol fis-seħħ mill-21 ta' Diċembru 2022.

Operazzjonijiet tas-suq

Estensjoni ta' linji ta' likwidità ma' banek ċentrali mhux taż-żona tal-euro

Fil-15 ta’ Diċembru 2022, il-BĊE ħabbar estensjoni ta’ linji repo temporanji eżistenti (l-Albanija, Andorra, l-Ungerija, il-Maċedonja ta’ Fuq, ir-Rumanija u San Marino) u linji swap (il-Polonja) ma’ banek ċentrali mhux fiż-żona tal-euro sal-15 ta’ Jannar 2024. Id-daqs u l-parametri operattivi tal-ftehimiet individwali se jibqgħu l-istess. Stqarrija għall-istampa relatata hija disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE.

Reviżjoni annwali tal-lista ta’ swieq mhux regolati aċċettabbli u l-lista ta' aġenziji rikonoxxuti fil-qafas kollaterali tal-Eurosistema

Fis-6 ta’ Diċembru 2022 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li ma jagħmilx bidliet fil-lista ta’ swieq mhux regolati aċċettati mill-BĊE jew fil-lista ta’ aġenziji rikonoxxuti mill-BĊE bħala eliġibbli għall-parteċipazzjoni fil-qafas kollaterali tal-Eurosistema. Se ssir reviżjoni ad hoc kmieni fl-2023, wara li l-Kroazja tingħaqad fiż-żona tal-euro fl-1 ta’ Jannar 2023. Il-listi attwali huma disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE.

Infrastruttura tas-swieq u ħlasijiet

Bidliet relatati mat-tnedija tas-Sistema l-ġdida tal-Ġestjoni tal-Kollaterali tal-Eurosistema (ECMS)

Fit-28 ta’ Novembru 2022 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jerġa’ jisskeda t-tnedija tal-ECMS mill-20 ta’ Novembru 2023 għat-8 ta’ April 2024. Din id-deċiżjoni ttieħdet biex ittaffi l-impatt tat-tnedija skedata mill-ġdid ta’ T2, is-sistema l-ġdida ta’ saldu gross f’ħin reali u l-mudell ta’ ġestjoni tal-likwidità ċentrali tal-Eurosistema, li ġiet posposta b’erba’ xhur fl-20 ta’ Ottubru 2022. L-istqarrija għall-istampa relatata tinsab fis-sit web tal-BĊE.

Reviżjoni tal-Grupp Konsultattiv tal-Eurosistema dwar l-Infrastrutturi tas-Suq għat-Titoli u l-Kollateral (AMI-SeCo)

Fit-8 ta' Diċembru 2022 il-Kunsill Governattiv ħa nota tar-riżultat tar-reviżjoni tal-funzjonament u l-governanza tal-AMI-SeCo u approva l-mandat u l-kompożizzjoni riveduti tiegħu. L-AMI-SeCo huwa grupp konsultattiv tas-suq għall-Eurosistema li twaqqaf fl-2017 biex jiffaċilita djalogu attiv dwar kwistjonijiet relatati mal-ikklerjar u s-saldu tat-titoli, il-ġestjoni tal-kollateral u l-operazzjoni u l-iżvilupp tat-TARGET2-Securities (T2S). Bħala riżultat tar-reviżjoni, l-AMI-SeCo se taqleb minn kompożizzjoni waħda għal żewġ kompożizzjonijiet, biex tippermetti distinzjoni ċara bejn ir-rwol konsultattiv formali tagħha fil-governanza T2S u r-rwol tagħha fid-diskussjonijiet dwar l-armonizzazzjoni u l-integrazzjoni madwar l-Ewropa. Barra minn hekk, l-ambitu ġeografiku u kummerċjali tal-kompożizzjoni tal-armonizzazzjoni tiegħu se jiġi estiż biex jinkludi reġjuni ġeografiċi sottorappreżentati u emittenti li huma partijiet interessati ewlenin fi kwistjonijiet ta’ wara n-negozjar tat-titoli u l-ġestjoni tal-kollateral. L-informazzjoni relatata dalwaqt tiġi aġġornata fis-sit web tal-BĊE.

Opinjonijiet fuq il-leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar abbozz ta' liġi dwar l-ikklerjar u s-saldu ta' pagamenti

Fit-2 ta’ Diċembru 2022 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2022/42 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi tal-Isvezja.

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi mekkaniżmu ta' korrezzjoni tas-suq biex jipproteġi liċ-ċittadini u lill-ekonomija minn prezzijiet eċċessivament għoljin

Fit-2 ta’ Diċembru 2022 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2022/44 wara talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-projbizzjoni ta' pagamenti fi flus fi tranżazzjonijiet ta' proprjetà immobbli u dwar il-preżunzjoni ta' nuqqas ta' affidabilità ta' persuni affettwati mir-reġim ta' miżuri restrittivi tal-Unjoni

Fil-5 ta’ Diċembru 2022 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2022/43 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi Ġermaniż.

Governanza korporattiva

Emendi għar-regoli tal-etika applikabbli għal uffiċjali ta' livell għoli tal-BĊE

Fl-aħħar ta’ Novembru 2022, il-Kunsill Governattiv adotta verżjoni mtejba tal-Kodiċi ta’ Kondotta għal uffiċjali ta’ livell għoli tal-BĊE (Kodiċi Uniku) billi impona restrizzjonijiet addizzjonali fuq ir-regoli li jikkonċernaw it-tranżazzjonijiet finanzjarji privati. Il-qafas rivedut jissostitwixxi l-Kodiċi Uniku tal-2019 b’effett mill-1 ta’ Jannar 2023. L-istqarrija għall-istampa dwar dan tinsab fis-sit web tal-BĊE.

Reviżjoni ta’ kull tliet snin tal-kumitati tal-Eurosistema/SEBĊ

Fit-2 ta’ Diċembru 2022, bħala parti mir-reviżjoni triennali tal-mandati tal-kumitati, il-Kunsill Governattiv estenda l-mandati tal-kumitati tal-Eurosistema/SEBĊ stabbiliti skont l-Artikolu 9.1 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-BĊE (RoP) għal terminu addizzjonali ta’ tliet snin; issa se jispiċċaw fil-31 ta’ Diċembru 2025. Il-Kunsill Governattiv estenda wkoll il-mandati tal-Konferenza tal-Etika u l-Konformità (ECC) u l-Konferenza tar-Riżorsi Umani (HRC), it-tnejn stabbiliti skont l-Artikolu 9a tal-RoP. Dawn il-konferenzi ser jissejħu l-Kumitat tal-Etika u l-Konformità u l-Kumitat tar-Riżorsi Umani, rispettivament. Barra minn hekk, il-Kunsill Governattiv ħatar, għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2025, lil Denis Beau, l-Ewwel Viċi Gvernatur tal-Banque de France, bħala President tal-Kumitat tal-Baġit (BUCOM); lil Olaf Sleijpen, Membru tal-Bord Eżekuttiv tad-De Nederlandsche Bank, bħala President tal-Kumitat għall-Kontroll (COMCO); u lil Pedro Raposo, Direttur tar-Riżorsi Umani fil-Banco de Portugal, bħala Ko-President tal-BĊN tal-Kumitat tar-Riżorsi Umani (HRC). Il-Kunsill Governattiv ikkonferma wkoll il-ħatra mill-ġdid tal-presidenti l-oħra kollha tal-kumitati sal-31 ta’ Diċembru 2025.

Rakkomandazzjoni tal-BĊE dwar l-awdituri esterni tal-Oesterreichische Nationalbank

Fit-13 ta’ Diċembru 2022 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2022/44 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Oesterreichische Nationalbank.

Karti tal-flus u muniti

It-tieni studju fuq l-attitudnijiet dwar il-ħlas tal-konsumaturi fiż-żona tal-euro

Fit-8 ta’ Diċembru 2022 il-Kunsill Governattiv ħa nota ta’ rapport imħejji mill-Kumitat tal-Karti tal-Flus (BANCO) u l-Kumitat għall-Infrastruttura tas-Suq u l-Pagamenti (MIPC) tal-Eurosistema/SEBĊ fuq ir-riżultati tat-tieni studju dwar l-attitudnijiet ta’ ħlas tal-konsumaturi fiż-żona tal-euro (SPACE). L-istħarriġ relatat sar bejn Ottubru 2021 u Ġunju 2022 fi 17-il pajjiż taż-żona tal-euro. Id-Deutsche Bundesbank u De Nederlandsche Bank, flimkien mal-Assoċjazzjoni tal-Pagamenti Olandiża, ilhom jagħmlu l-istħarriġ tagħhom stess dwar l-attitudnijiet tal-ħlas għal aktar minn għaxar snin, u d-data tagħhom mill-2021-22 ġiet integrata ma’ dik tal-bqija taż-żona tal-euro. Filwaqt li l-mixja lejn ħlasijiet mingħajr flus kontanti tkompli, kif juri r-rapport, il-flus kontanti xorta għandhom rwol importanti. Jibqa’ l-metodu ta' ħlas l-aktar użat ta' spiss kemm fil-punt tal-bejgħ kif ukoll għal ħlasijiet minn persuna lil oħra. Madankollu, il-ħlasijiet mingħajr flus kontanti qed jiżdiedu, appoġġjati minn bidla minn xiri fil-punt tal-bejgħ għal xiri onlajn. Ir-riżultati mit-tieni studju SPACE dalwaqt se jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-BĊE.

Superviżjoni Bankarja tal-BĊE

Prijoritajiet Superviżorji tal-MSU għall-2023–2025

Fil-5 ta’ Diċembru 2022 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jiġi ppubblikat id-dokument bit-titlu “Superviżjoni Bankarja tal-BĊE: prijoritajiet superviżorji tal-MSU għall-2023-2025”. Il-dokument jinsab fis-sit web tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Konformità mal-Linji Gwida tal-EBA dwar proċeduri u metodoloġiji komuni għall-Proċess ta’ Reviżjoni u Valutazzjoni Superviżorja (SREP) u l-ittestjar tal-istress superviżorju

Fis-7 ta’ Diċembru 2022 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jinnotifika lill-EBA li, għall-istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tiegħu, il-BĊE għandu l-ħsieb li jikkonforma, sal-1 ta’ Jannar 2023, mal-Linji Gwida tal-EBA dwar proċeduri komuni u metodoloġiji għall-SREP u l-ittestjar tal-istress superviżorju skont id-Direttiva 2013/36/UE (EBA/GL/2022/03).

Rapport ta’ superviżjoni ta’ istituzzjonijiet inqas sinifikanti (LSIs) 2022

Fit-8 ta’ Diċembru 2022 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jiġi ppubblikat id-dokument bit-titlu “Rapport ta’ superviżjoni tal-LSI tal-2022”. Ir-rapport huwa disponibbli fuq is-sit web tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Rapport tal-BĊE dwar prattiki tajba għall-ittestjar tal-istress fil-klima

Fl-14 ta’ Diċembru 2022 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jiġi ppubblikat id-dokument bit-titlu “Rapport tal-BĊE dwar prattiki tajba għall-ittestjar tal-istress fil-klima”. Ir-rapport dalwaqt se jsir disponibbli fuq is-sit web tas-superviżjoni Bankarja tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja