Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Mejju 2022

20 ta' Mejju 2022

Komunikazzjoni esterna

Tiġdid tal-linja repo mal-Banca Naţională a României

Fis-27 ta' April 2022 il-BĊE ħabbar it-tiġdid tal-linja repo bejn il-BĊE u Banca Naţională a României sal-15 ta' Jannar 2023. Dan l-arranġament, li jieħu post il-linja repo stabbilita fl-2020 li skadiet fil-31 ta’ Marzu 2022, huwa mmirat biex jindirizza inċertezza akbar u riskji ta’ tixrid reġjonali minħabba l-gwerra fl-Ukraina. Stqarrija għall-istampa dwar dan tinsab fis-sit web tal-BĊE.

Laqgħa ad hoc mal-Gvernatur tal-Bank Nazzjonali tal-Ukraina

Fl-4 ta’ Mejju 2022 il-BĊE ħareġ stqarrija għall-istampa wara laqgħa ad hoc tal-Kunsill Ġenerali tal-BĊE li għaliha attenda s-Sur Kyrylo Shevchenko, Gvernatur tal-Bank Nazzjonali tal-Ukraina, bħala mistieden speċjali. Waqt il-laqgħa l-parteċipanti ddiskutew l-impatt ekonomiku tal-gwerra fl-Ukraina. Il-BĊE, l-Eurosistema u s-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) b'mod ġenerali huma magħqudin fl-appoġġ tagħhom għall-poplu tal-Ukraina.

Operazzjonijiet tas-suq

Emendi għal-linji gwida tal-implimentazzjoni tal-politika monetarja tal-BĊE

Fit-2 ta’ Mejju 2022 il-Kunsill Governattiv adotta: (i) il-Linja Gwida ECB/2022/17 li temenda l-Linja Gwida (UE) 2015/510 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (Linja Gwida dwar id-Dokumentazzjoni Ġenerali); (ii) il-Linja Gwida ECB/2022/18 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2016/65 dwar il-haircuts fil-valutazzjoni applikati fl-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema; u (iii) il-Linja Gwida ECB/2022/19 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2014/31 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral. Il-linji gwida emendati jirrappreżentaw l-ewwel pass biex jitneħħew gradwalment il-miżuri ta’ tnaqqis tal-kollateral pandemiku introdotti f’April 2020, jiċċaraw aktar il-kriterji ta’ eliġibilità ta’ bonds marbuta mas-sostenibbiltà u titoli sostnuti minn assi u jadattaw il-qafas kollaterali tal-Eurosistema fid-dawl tad-Direttiva dwar Bonds Koperti. L-atti legali kollha jinsabu fis-sit web tal-BĊE, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa relatata.

Politika makroprudenzjali u stabbiltà finanzjarja

Rapport dwar l-Istabbiltà Finanzjarja – Mejju 2022

Fit-18 ta’ Mejju 2022 il-Kunsill Governattiv kellu skambju ta’ fehmiet dwar kwistjonijiet ta’ stabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro fuq il-bażi tal-edizzjoni ta’ Mejju 2022 tar-Rapport dwar l-Istabbiltà Finanzjarja u awtorizza l-pubblikazzjoni tiegħu fuq is-sit web tal-BĊE. Din l-edizzjoni tħejjiet fl-isfond tal-invażjoni tal-Ukraina u ż-żieda relatata fil-prezzijiet tal-enerġija, l-inċertezza ekonomika u l-volatilità tas-suq finanzjarju. Tivvaluta l-implikazzjonijiet ta’ stabbiltà finanzjarja ta’ dawn l-iżviluppi għas-swieq finanzjarji, is-sostenibbiltà tad-dejn, ir-reżiljenza tal-banek, is-settur finanzjarju mhux bankarju u l-politiki makroprudenzjali u tistabbilixxi kunsiderazzjonijiet ta’ politika kemm għal żmien qrib kif ukoll għal żmien medju. Ir-rapport jinkludi wkoll żewġ karatteristiċi speċjali: l-ewwel jiffoka fuq avvanzi reċenti fil-monitoraġġ tar-riskji tal-istabbiltà finanzjarja li joħorġu mit-tibdil fil-klima, filwaqt li t-tieni jesplora riskji li jirriżultaw minn kriptoassi. Ir-Rapport huwa skedat li jiġi ppubblikat fis-sit web tal-BĊE fil-25 ta’ Mejju 2022.

Infrastruttura tas-swieq u ħlasijiet

Emenda għal-Linja Gwida tat-TARGET2

Fit-22 ta’ April 2022 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2022/20 li temenda l-Linja Gwida 2013/47/UE dwar is-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET2). Il-linja gwida l-ġdida tiddiferixxi bi tliet ġimgħat l-applikazzjoni tal-emendi introdotti mil-Linja Gwida BĊE/2021/30 fir-rigward ta’ kuntratti konklużi mal-fornituri tas-servizz tan-netwerk TARGET2-Securities (T2S) minħabba l-implimentazzjoni tal-Proġett ta’ Konsolidazzjoni T2-T2S.

Deċiżjoni tal-BĊE dwar l-identifikazzjoni ta' CORE(FR) bħala sistema ta’ ħlas sistemikament importanti (SIPS)

Fit-22 ta' April 2022 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2022/21 dwar l-identifikazzjoni ta' CORE(FR) bħala sistema ta' ħlas sistemikament importanti (SIPS) skont ir-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28) dwar ir-rekwiżiti ta' sorveljanza għal sistemi ta’ ħlas sistemikament importanti li jħassar id-Deċiżjoni BĊE/2014/37. Id-deċiżjoni l-ġdida ġiet ippreparata biex tirrifletti l-bidla fil-bażi legali sottostanti għall-identifikazzjoni tal-CORE(FR) bħala SIPS.

Opinjonijiet fuq leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar l-introduzzjoni tal-euro fir-Repubblika tal-Kroazja

Fl-14 ta' April 2022 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2022/15 fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika tal-Kroazja.

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar emenda lid-Direttiva 2013/36/UE fir-rigward ta’ poteri superviżorji, sanzjonijiet, fergħat f’pajjiżi terzi, riskju ambjentali, soċjali u ta’ governanza

Fis-27 ta’ April 2022 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2022/16 wara talba tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-projbizzjoni ta’ finanzjament ta’ kumpaniji li jipproduċu mini kontra l-persunal, munizzjon dispersiv u sottomunizzjon

Fit-28 ta’ April 2022 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2022/17 b’inizjattiva proprja.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-istrateġija ta’ żvestiment, struttura governattiva u drittijiet speċjali tal-Fond Elleniku għall-Istabbiltà Finanzjarja

Fil-11 ta' Mejju 2022 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2022/18 fuq talba tal-Ministru tal-Finanzi Grieg.

Governanza korporattiva

Skedi għal-laqgħat tal-Kunsill Governattiv u l-Kunsill Ġenerali tal-BĊE fl-2023

Fil-2 ta' Mejju 2022 il-Kunsill Governattiv approva l-iskeda tiegħu tal-laqgħat għall-2023. Il-Kunsill Ġenerali approva wkoll l-iskeda tiegħu tal-laqgħat għal dik is-sena. Iż-żewġ skedi ta’ dati dalwaqt se jkunu disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE.

Rakkomandazzjoni tal-BĊE dwar l-awdituri esterni tal-Banco de Portugal

Fis-17 ta’ Mejju 2022 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2022/24 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Banco de Portugal.

Statistika

Rapport tal-Kwalità tal-2021 dwar iż-żona tal-euro u l-bilanċ nazzjonali tal-pagamenti u l-istatistika tal-pożizzjoni tal-investiment internazzjonali

Fis-26 ta’ April 2022 il-Kunsill Governattiv approva l-valutazzjoni inkluża fir-Rapport ta’ Kwalità tal-2021 dwar iż-żona tal-euro u l-bilanċ nazzjonali tal-pagamenti u l-istatistika tal-pożizzjoni tal-investiment internazzjonali u awtorizza l-pubblikazzjoni tagħha. Dan ir-rapport biennali jipprovdi analiżi ta’ kwalità tal-output statistiku li jkopri l-elementi ta’: (i) solidità metodoloġika; (ii) il-puntwalità; (iii) l-affidabbiltà u l-istabbiltà; (iv) il-konsistenza interna; (v) il-konsistenza/koerenza esterna ma’ oqsma oħra tal-istatistika komparabbli; u (vi) l-asimetriji (intra-żona tal-euro u asimetriji bilaterali). Ir-rapport jinsab fis-sit web tal-BĊE.

Emendi għal-Linja Gwida BĊE/2011/23 dwar ir-rekwiżiti ta’ rappurtar statistiku tal-BĊE fil-qasam tal-istatistika esterna

Fil-5 ta’ Mejju 2022 il-Kunsill Governattiv adotta Linja Gwida BĊE/2022/23 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2011/23 dwar ir-rekwiżiti tal-Bank Ċentrali Ewropew għar-rappurtar tal-istatistika fil-qasam tal-istatistika esterna. L-għan tal-emenda kien li tinkludi informazzjoni statistika dwar Entitajiet għal Għan Speċjali fl-ambitu tal-linja gwida minħabba r-rilevanza akbar tagħhom fl-istatistika esterna fis-snin li għaddew.

Superviżjoni Bankarja tal-BĊE

Konformità mal-Linji Gwida tal-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) fuq il-kooperazzjoni kontra l-ħasil tal-flus

Fl-20 ta’ April 2022 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju li jinnotifika lill-EBA li, fir-rigward ta' istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tiegħu, il-BĊE se jikkonforma sal-1 ta' Ġunju 2022 mal-Linji Gwida EBA dwar il-kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni bejn superviżuri prudenzjali, superviżuri AML/CFT u unitajiet ta’ intelligence finanzjarja taħt id-Direttiva 2013/36/UE (EBA/GL/2021/15).

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja