Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Jannar – Frar 2022

18 ta' Frar 2022

Operazzjonijiet tas-suq

Provvediment ta’ kreditu limitat għal jum wieħed lill-kontropartijiet eliġibbli tal-Eurosistema b’aċċess limitat għall-operazzjonijiet tal-politika monetarja

Fis-27 ta’ Jannar 2022 il-Kunsill Governattiv approva approċċ armonizzat għall-aċċess għall-kreditu limitat għal jum wieħed tat-TARGET2 u l-awtokollateralizzazzjoni tat-TARGET2-Securities minn kontropartijiet eliġibbli tal-Eurosistema li l-aċċess tagħhom għall-operazzjonijiet tal-politika monetarja kien limitat għal raġunijiet ta’ prudenza jew wara avveniment ta’ inadempjenza. Barra minn hekk, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jippermetti lill-kontropartijiet eliġibbli tal-Eurosistema li l-aċċess tagħhom kien limitat li jirrikorru għall-faċilità ta’ self marġinali fil-każ ta’ bilanċi ta’ kreditu limitat għal jum wieħed ta’ tmiem il-ġurnata mhux imħallsa lil hinn mil-limiti applikabbli, soġġetti għal imgħax penali. Aktar dettalji ta’ dawn l-emendi se jkunu disponibbli madwar nofs l-2022 fl-aġġornament li jmiss tal-2021/22 tal-linji gwida dwar l-implimentazzjoni tal-politika monetarja.

Infrastruttura tas-swieq u ħlasijiet

Pubblikazzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni komprensiv biex jindirizza rakkomandazzjonijiet wara inċidenti li jaffettwaw is-Servizzi TARGET fl-2020

Fis-16 ta’ Diċembru 2021 il-Kunsill Governattiv approva l-pubblikazzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni komprensiv biex jindirizza r-rakkomandazzjonijiet ta’ reviżjoni indipendenti li ġiet ordnata mill-Kunsill Governattiv f’Novembru 2020, wara l-ħames inċidenti ewlenin li affettwaw it-TARGET2 u t-TARGET2-Securities fl-2020. Miżuri li jindirizzaw diversi rakkomandazzjonijiet diġà ġew miftiehma jew implimentati matul l-2021, filwaqt li ħafna minn dawk li fadal se jiġu implimentati sal-aħħar tal-2022. Il-parteċipanti fis-suq se jinżammu infurmati dwar l-użu tagħhom. Il-pjan ta’ azzjoni u l-istqarrija għall-istampa relatata huma disponibbli fuq il-websajt tal-BĊE.

Eżerċizzju regolari ta' klassifikazzjoni tas-sistemi ta' ħlas taż-żona tal-euro

Fis-17 ta' Diċembru 2021 il-Kunsill Governattiv approva l-eżitu tal-eżerċizzju ta’ klassifikazzjoni regolari għas-sistemi ta’ ħlas ibbażati fuq data tal-2018 u tal-2019. L-għan tar-reviżjoni annwali huwa li jiġu identifikati sistemi ta’ ħlas fiż-żona tal-euro li jkunu kklassifikati bħala sistemi ta’ ħlas ta’ importanza sistemika (SIPS) u għandhom ikunu soġġetti għar-Regolament SIPS, kif ukoll dawk li jkunu kklassifikati bħala sistemi ta’ ħlas ta’ valur kbir mhux sistemiċi u sistemi ta’ ħlas bl-imnut mhux sistemiċi. L-eżitu tal-eżerċizzju ta’ klassifikazzjoni se jiġi ppubblikat fuq il-websajt tal-BĊE fl-ewwel trimestru tal-2022.

Aġġornament regolari tad-dokumentazzjoni tal-Mudell ta’ Banek Ċentrali Korrispondenti (CCBM).

Fis-17 ta’ Diċembru 2021 il-Kunsill Governattiv approva l-verżjoni aġġornata tal-Manwal tal-Proċeduri CCBM kif ukoll verżjoni aġġornata tal-Proċeduri CCBM għall-kontropartijiet tal-Eurosistema u awtorizza l-pubblikazzjoni taghom. Id-dokumentazzjoni tas-CCBM tiġi riveduta u aġġornata perjodikament. Ir-reviżjoni attwali introduċiet bidliet fattwali speċifiċi għall-pajjiż u sensiela ta’ aġġornamenti li jiddeskrivu l-immaniġġjar ta’ penali fi flus kontanti taħt ir-reġim tad-dixxiplina tas-saldu tar-Regolament tad-Depożitorju Ċentrali tat-Titoli. Id-dokumentazzjoni aġġornata dalwaqt se jkunu disponibbli fuq il-websajt tal-BĊE.

Rapport konsultattiv dwar il-ħruġ u d-distribuzzjoni tad-dejn fl-Unjoni Ewropea

Fis-17 ta’ Diċembru 2021 il-Kunsill Governattiv ħa nota tar-rapport konsultattiv dwar il-ħruġ u d-distribuzzjoni tad-dejn fl-Unjoni Ewropea, imħejji mill-Grupp ta’ Kuntatt dwar is-Suq tal-Ħruġ tad-Dejn (DIMCG), u approva l-pubblikazzjoni tiegħu. Id-DIMCG ġie stabbilit mill-Kunsill Governattiv f'April 2020 bħala forum temporanju biex jiġu identifikati kwistjonijiet li pprekludew aktar titjib fl-effiċjenza u l-integrazzjoni fir-rigward tal-ħruġ tad-dejn u d-distribuzzjoni inizjali. Ix-xogħol tiegħu, li jinvolvi l-partijiet interessati ewlenin kollha tal-katina tal-valur tal-ħruġ tad-dejn Ewropea, kien ikkoordinat mill-BĊE. Ir-rapport jidentifika r-riskji potenzjali, l-ispejjeż u l-ineffiċjenzi tas-sitwazzjoni attwali u jesplora modi potenzjali ta’ armonizzazzjoni u titjib tal-effiċjenza tal-ħruġ tad-dejn u d-distribuzzjoni inizjali fl-Ewropa. Ir-rapport u l-istqarrija għall-istampa relatata huma disponibbli fuq il-websajt tal-BĊE.

Opinjonijiet fuq leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar l-għoti ta’ opzjoni ta’ ħlas elettroniku lil konsumaturi fil-Belġju

Fit‑22 ta’ Diċembru 2021 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2021/38 wara talba tal-Gvernatur ta’ Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-parteċipazzjoni tal-Italja fil-programmi tal-Fond Monetarju Internazzjonali: Trust għat-Tnaqqis tal-Faqar u għat-Tkabbir Ekonomiku u ħelsien mid-dejn għas-Sudan

Fit-28 ta’ Diċembru 2021 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2021/39 wara talba mill-Ministeru għall-Ekonomija u l-Finanzi tal-Italja.

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal regolament li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali

Fid-29 ta’ Diċembru 2021 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2021/40 wara talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-aderenza [adeżjoni] tal-Irlanda mal-Arranġamenti Ġodda għal Self mal-Fond Monetarju Internazzjonali

Fil-5 ta’ Jannar 2022 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2022/1 wara talba tal-Ministru tal-Finanzi tal-Irlanda.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-istabbiliment mis-Central Bank of Ireland ta’ bażi tad-data dwar kaxxi ta’ sikurezza għad-depożiti u kontijiet bankarji u tal-ħlas
Fis-7 ta’ Jannar 2022 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2022/2 wara talba tal-Ministru tal-Finanzi tal-Irlanda.

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta biex jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment fir-rigward tar-riżoluzzjoni

Fit-13 ta’ Jannar 2022 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2022/3 wara talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew.

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Awtorità għal-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-flus u Kontra l-Finanzjament tat-Terroriżmu

Fis-16 ta' Frar 2022 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2022/4 ppreparata fuq l-inizjattiva proprija tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal direttiva u regolament fuq il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet ta’ ħasil tal-flus jew kontra l-finanzjament tat-terroriżmu

Fis-16 ta’ Frar 2022 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2022/5 wara talba tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Governanza korporattiva

Tiġdid tal-mandat tal-membri tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq

Fit-22 ta’ Diċembru 2021 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jġedded il-mandat tal-membri attwali tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq (MIB) b’sena, jiġifieri sal-31 ta’ Mejju 2023. Il-MIB jamministra t-tmexxija ta' kuljum tat-TARGET2-Securities (T2S) u s-Servizzi l-oħra tat-TARGET. Huwa jikkollega wkoll mal-partijiet interessati tas-suq permezz tal-istruttura ta' governanza T2S.

Membru ġdid tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Swieq

Fl-20 ta' Jannar 2022 il-Kunsill Governattiv ħatar lis-Sur Salvatore Luigi Alonzo, Kap tad-Direttorat tas-Sistemi ta' Pagament fil-Banca d'Italia, bħala l-membru tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq (MIB) li jirrappreżenta lill-Banca d'Italia, effettiva sal-31 ta' Mejju 2023 biex għalhekk tikkoinċidi mal-mandati tal-membri l-oħra kollha tal-MIB. Is-Sur Alonzo jieħu post is-Sur Giandomenico Scarpelli, li rtira.

Kontijiet Annwali tal-BĊE 2021

Fis-16 ta’ Frar 2022 il-Kunsill Governattiv approva r-rapporti finanzjarji vverifikati tal-BĊE għas-sena finanzjarja 2021. Il-kontijiet annwali, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa, ġew pubblikati fil-websajt tal-BĊE fis-17 ta’ Frar 2022.

Trasparenza msaħħa tal-opinjonijiet tal-Kumitat tal-Etika tal-BĊE

Fis-16 ta’ Frar 2022 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jestendi l-ambitu tal-pubblikazzjoni proattiva ta’ opinjonijiet maħruġa mill-Kumitat tal-Etika tal-BĊE dwar attivitajiet privati previsti ta’ uffiċjali tal-BĊE ta’ livell għoli attwali u futuri, ipprovduti minn Jannar 2022. B’din il-miżura ta’ trasparenza addizzjonali, il-Kunsill Governattiv jissottolinja l-impenn tiegħu għal kondotta tajba u governanza tajba.

Statistika

Emendi għal-Linja Gwida dwar statistika tal-partiti tal-karta tal-bilanċ u statistika dwar ir-rati tal-imgħax ta’ istituzzjonijiet finanzjarji monetarji

Fis-6 ta’ Jannar 2022, il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida (UE) 2022/67 (BĊE/2022/1) li temenda l-Linja Gwida (UE) 2021/830 (BĊE/2021/11) dwar statistika tal-partiti tal-karta tal-bilanċ u statistika dwar ir-rati tal-imgħax ta’ istituzzjonijiet finanzjarji monetarji. L-emendi ġew introdotti biex jipprovdu ċarezza u huma ta' natura teknika. Daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Frar 2022.

Rapport annwali 2020 dwar il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni statistika individwali miġbura mill-BĊE, assistit mill-BĊN

Fl-10 ta’ Frar 2022 il-Kunsill Governattiv approva r-rapport annwali dwar il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni statistika individwali miġbura mill-BĊE, assistit mill-BĊN, u awtorizza l-pubblikazzjoni tas-sommarju tiegħu. Ir-rapport jivvaluta l-implimentazzjoni ta' regoli komuni u standards minimi definiti mill-BĊE biex jipprevjenu l-iżvelar illegali u l-użu mhux awtorizzat ta' informazzjoni statistika kunfidenzjali (CSI). Jikkonkludi li s-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali tkompli tiżgura li CSI tkun protetta b’mod sigur skont il-miżuri meħtieġa, u li ma ġie rreġistrat l-ebda inċident matul l-2020. Is-sommarju ma jdumx ma jidher fil-websajt tal-BĊE.

Karti tal-flus u muniti

Emendi tal-Linja Gwida dwar l-istabbiliment ta’ Sistema ta’ Produzzjoni u Akkwisti tal-Eurosistema

Fis-17 ta’ Diċembru 2021 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida (UE) 2021/2322 (BĊE/2021/56) li temenda l-Linja Gwida (UE) 2015/280 (BĊE/2014/44) dwar l-istabbiliment tas-Sistema ta’ Produzzjoni u Akkwisti tal-Eurosistema. L-emendi għandhom l-għan li jispeċifikaw aktar arranġamenti interni li jiżguraw separazzjoni sħiħa bejn l-istamperija pubblika u l-kontijiet tal-awtorità pubblika tiegħu (il-prinċipju ta’ “arm’s length”) u li jiċċaraw l-għażliet għall-kooperazzjoni orizzontali disponibbli għal BĊN li jagħlaq l-istamperija tiegħu.

Superviżjoni Bankarja tal-BĊE

Konformità mal-Linji Gwida tal-EBA dwar ksur kbir tal-limiti tal-iskoperturi

Fis-17 ta’ Diċembru 2021 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jinnotifika lill-EBA li, għall-istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tiegħu, il-BĊE jikkonforma mal-Linji gwida li jispeċifikaw il-kriterji biex jiġu vvalutati l-każijiet eċċezzjonali meta l-istituzzjonijiet jaqbżu l-limiti ta’ skoperturi kbar tal-Artikolu 395(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u ż-żmien u l-miżuri biex jerġgħu lura għall-konformità skont l-Artikolu 396(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 (EBA/GL/2021/09). Il-Linji Gwida għandhom l-għan li jappoġġaw lill-awtoritajiet kompetenti fil-valutazzjoni tagħhom tal-ksur tal-limiti ta’ skoperturi kbar stabbiliti fir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti Kapitali (CRR), u jiżguraw li tiġi applikata b’mod prudenti u armonizzat, filwaqt li jinżamm l-approċċ sempliċi.

Konformità mal-Linji Gwida konġunti tal-ESMA u l-EBA dwar il-valutazzjoni tal-idoneità tal-membri tal-korp maniġerjali u tad-detenturi ewlenin tal-funzjoni

Fid-29 ta’ Diċembru 2021 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jinnotifika lill-EBA li, għall-istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tiegħu, il-BĊE jikkonforma mal-Linji Gwida konġunti tal-ESMA u l-EBA dwar il-valutazzjoni tal-idoneità tal-membri tal-korp ta’ ġestjoni u tat-titolari ta’ funzjonijiet ewlenin taħt id-Direttiva 2013/36/UE u d-Direttiva 2014/65/UE (ESMA35-36-2319 - EBA/GL/2021/06). Il-Linji Gwida għandhom l-għan li jkomplu jtejbu u jarmonizzaw il-valutazzjonijiet tal-adegwatezza fis-setturi finanzjarji tal-UE sabiex jiżguraw arranġamenti ta' governanza sodi fl-istituzzjonijiet finanzjarji.

Deċiżjoni tal-BĊE dwar it-trażmissjoni ta’ informazzjoni superviżorja

Fid-19 ta’ Jannar 2022 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex japprova d-Deċiżjoni (UE) [2022/134] (BĊE/2022/2) li tistabbilixxi regoli komuni dwar it-trażmissjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew ta’ informazzjoni superviżorja lill-awtoritajiet u l-korpi bil-għan li jwettqu l-kompiti kkonferiti lilu mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013.

Konformità mal-Linji Gwida tal-EBA riveduti dwar it-testijiet tal-istress tal-iskemi ta' garanzija tad-depożiti

Fil-31 ta’ Jannar 2022 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jinnotifika lill-EBA li, għall-istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tiegħu, il-BĊE jikkonforma mal-Linji Gwida tal-EBA riveduti dwar it-testijiet tal-istress tal-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti (DGSs) taħt id-Direttiva 2014/49/UE li tħassar u tissostitwixxi l-Linji Gwida EBA/GL/2016/04 (EBA/GL/2021/10). Il-Linji Gwida riveduti jkomplu jsaħħu l-qafas attwali tal-ittestjar tal-istress tad-DGS u l-kooperazzjoni bejn id-DGS u awtoritajiet differenti.

Konformità mal-Linji Gwida tal-EBA dwar indikaturi ta’ pjan ta’ rikupru

Fit-2 ta' Frar 2022 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jinnotifika lill-EBA li, għall-istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tiegħu, il-BĊE jikkonforma mal-Linji Gwida tal-EBA dwar l-indikaturi tal-pjan ta' rkupru (EBA/GL/2021/11). Il-Linji Gwida l-ġodda jissostitwixxu l-Linji Gwida preċedenti tal-EBA dwar il-lista minima ta’ indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi tal-pjan ta’ rkupru (EBA/GL/2015/02) u jintroduċu gwida addizzjonali dwar ċerti partijiet tal-qafas tal-indikaturi tal-pjan ta’ rkupru.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja