Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)
Novembru 2021
12 ta’ Novembru 2021
Politika makroprudenzjali u stabbiltà finanzjarja
Il-Financial Stability Review – Novembru 2021
Fl-10 ta’ Novembru 2021 il-Kunsill Governattiv kellu skambju ta’ fehmiet dwar kwistjonijiet ta’ stabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro fuq il-bażi tal-edizzjoni ta’ Novembru 2021 tal-Financial Stability Review (Rapport tal-Istabbiltà Finanzjarja) u awtorizza l-pubblikazzjoni tiegħu fuq il-websajt tal-BĊE. Ir-rapport jivvaluta l-vulnerabbiltajiet tal-istabbiltà finanzjarja u l-implikazzjonijiet tagħhom għall-funzjonament tas-suq finanzjarju, is-sostenibbiltà tad-dejn, il-profittabbiltà tal-banek u s-settur finanzjarju mhux bankarju. Huwa jistabbilixxi wkoll konsiderazzjonijiet ta’ politika kemm għall-perijodu qasir kif ukoll għall-perijodu medju. Ir-Rapport huwa skedat li jiġi ppubblikat fil-websajt tal-BĊE fis-17 ta’ Novembru 2021.
Opinjonijiet fuq leġiżlazzjoni
Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal regolament dwar il-bonds ekoloġiċi Ewropej
Fil-5 ta’ Novembru 2021 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2021/30 wara talba mill-Parlament Ewropew.
Karti tal-flus u muniti
Deċiżjoni ta’ emenda dwar il-volum tal-ħruġ ta’ muniti fl-2021
Fit-2 ta’ Novembru 2021 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2021/48 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2020/1997 dwar l-approvazzjoni tal-volum tal-ħruġ ta’ muniti fl-2021. Id-Deċiżjoni li temenda taħseb għal volumi akbar ta’ ħruġ ta’ muniti milli kien ippjanat inizjalment kif mitlub minn De Nederlandsche Bank, Latvijas Banka u Národná banka Slovenska u dalwaqt se tkun disponibbli fuq EUR-Lex.
Superviżjoni Bankarja tal-BĊE
Konsultazzjoni pubblika fuq l-abbozz tal-Gwida tal-BĊE dwar in-notifikazzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni
Fil-5 ta’ Novembru 2021 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju biex titnieda konsultazzjoni pubblika fuq l-abbozz ta’ Gwida tal-BĊE fuq in-notifika ta’ tranżazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni. Il-Gwida mhux vinkolanti għandha l-għan li tistabbilixxi l-prattiki ta’ notifika li istituzzjonijiet sinifikanti (SIs) li jaġixxu bħala oriġinaturi jew sponsors ta’ tranżazzjoni ta’ titolizzazzjoni huma avżati li jsegwu sabiex jipprovdu lill-BĊE bl-informazzjoni meħtieġa biex jissorveljaw il-konformità mal-Artikoli 6 sa 8 tar-Regolament dwar it-Titolizzazzjoni (ir-Regolament (UE) 2017/2402), kif speċifikat fl-Artikolu 7 ta’ dak ir-Regolament. Id-dokumentazzjoni sottostanti se tkun disponibbli għall-konsultazzjoni fil-15 ta’ Novembru 2021 fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.
Ħatra ta' żewġ supplenti u membru wieħed għall-Bord Amministrattiv ta' Reviżjoni
Fl-10 ta’ Novembru 2021 il-Kunsill Governattiv ħatar lis-Sur Pentti Hakkarainen bħala membru tal-Bord Amministrattiv ta’ Reviżjoni (ABoR) għal terminu ta’ ħames snin, li jibda mill-1 ta’ Frar 2022, bil-kundizzjoni ċara li ma jistax jipparteċipa fit-talbiet tal-ABoR għal reviżjoni fir-rigward tad-deċiżjonijiet superviżorji tal-BĊE li fihom kien involut bħala membru tal-Bord Superviżorju u jkun jeħtieġ li jiġi ssostitwit minn sostitut f’każ bħal dan. Ħatar ukoll lis-Sa Christiane Campill u lis-Sur Damir Odak bħala sostituti tal-ABoR għal terminu ta’ ħames snin, li jibda mill-aktar fis possibbli. L-ABoR iwettaq reviżjonijiet amministrattivi interni tad-deċiżjonijiet superviżorji tal-BĊE, fuq talba ta’ kwalunkwe persuna jew entità legali affettwata direttament minn deċiżjoni superviżorja tal-BĊE, u jiżgura li tali deċiżjonijiet ikunu konformi mar-regoli u l-proċeduri. Aktar informazzjoni fuq l-ABoR tinsab fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja