Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Jannar 2021

22 ta’ Jannar 2021

Operazzjonijiet tas-suq

Kalendarju indikattiv rivedut għat-tielet sensiela ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament immirati fuq żmien itwal

Fit-12 ta’ Jannar 2021 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jestendi b’ġimagħtejn (jiġifieri sal-21 ta' Jannar 2021) l-iskadenza sa meta l-kontropartijiet li kienu ħadu sehem f'waħda mill-ewwel tliet operazzjonijiet fit-tielet sensiela ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament immirati fuq żmien itwal (TLTRO III) kellhom jissottomettu valutazzjoni tal-awditur tal-ewwel rapport tagħhom u approvaw il-kalendarju indikattiv emendat għat-TLTRO III. Il-kalendarju rivedut jinsab fil-websajt tal-BĊE.

Opinjonijiet fuq leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar l-aderenza tal-Greċja mal-Arranġamenti Ġodda għal Self mal-Fond Monetarju Internazzjonali

Fil-11 ta’ Diċembru 2020 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2020/32 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi Grieg.

Opinjoni tal-BĊE dwar limitazzjonijiet fuq ħlasijiet bi flus kontanti fid-Danimarka

Fil-11 ta’ Diċembru 2020 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2020/33 wara talba tal-Finanstilsynet Daniża (l-Awtorità Daniża tas-Superviżjoni Finanzjarja).

Opinjoni tal-BĊE dwar ftehim ta’ self bilaterali bejn il-Bank Ċentrali ta’ Malta u l-Fond Monetarju Internazzjonali

Fid-18 ta’ Diċembru 2020 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2020/34 wara talba mill-Bank Ċentrali ta’ Malta.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-applikazzjoni ta’ rekwiżiti ta’ ħasil ta’ flus u finanzjament tat-terroriżmu għal fornituri ta’ servizzi ta’ muniti virtwali fi Spanja

Fit-18 ta’ Diċembru 2020 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2020/35 fuq talba tal-Ministerio de Asuntos Economicos y Transformación Digital (Ministeru Spanjol għall-Affarijiet Ekonomiċi u t-Trasformazzjoni Diġitali).

Opinjoni tal-BĊE dwar l-interazzjoni bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u Българска народна банка (il-Bank Nazzjonali Bulgaru) fi ħdan il-qafas ta’ kooperazzjoni mill-qrib fil-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku

Fit-22 ta’ Diċembru 2020 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2020/36 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi Bulgaru.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-parteċipazzjoni tal-bank ċentrali nazzjonali f’arranġamenti ta’ self mal-Fond Monetarju Internazzjonali fl-Italja

Fit-28 ta’ Diċembru 2020 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2020/37 wara talba mill-Ministeru tal-Affarijiet Ekonomiċi u l-Finanzi tal-Italja.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-infurzar ta’ ftehimiet tal-innettjar ta’ għeluq fil-Latvja

Fis-7 ta’ Jannar 2021 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2021/1 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika tal-Latvija.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tar-rapporti ta’ konverġenza fil-Liġi dwar Българска народна банка (il-Bank Nazzjonali Bulgaru)

Fil-11 ta’ Jannar 2021 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2021/2 wara talba tal-Ministru tal-Finanzi Bulgaru.

Governanza korporattiva

Presidenza tal-Kumitat għall-Komunikazzjonijiet tal-Eurosistema/SEBĊ

Fl-20 ta’ Jannar 2021 il-Kunsill Governattiv ħatar lis-Sur Wolfgang Proissl (id-Direttur Ġenerali l-ġdid tal-Komunikazzjonijiet tal-BĊE) President tal-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet tal-Eurosistema/SEBĊ (ECCO) b’effett immedjat. Il-mandat tiegħu jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2022, f’konformità mad-dati tat-tmiem tal-presidenti kollha tal-kumitat tas-SEBĊ/Eurosistema li nħatru jew nħatru mill-ġdid f’Diċembru 2019.

Statistika

Kwalità tad-Database Ċentralizzata tat-Titoli u tad-Dejtasett tal-Istatistika tal-Investimenti f’Titoli

Fit-22 ta’ Diċembru 2020 il-Kunsill Governattiv ħa nota ta’ reviżjoni tal-kwalità tad-Database Ċentralizzata tat-Titoli (CSDB) u d-Dejtasett tal-Istatistika tal-Investimenti f’Titoli (SHS). Is-sistema CSDB kompliet topera bla xkiel fl-2019, bil-kopertura u l-kwalità tad-dejta tagħha jkunu kkunsidrati xierqa. Ix-xogħol għadu għaddej bil-ħsieb li tinżamm u tittejjeb aktar il-kwalità tad-database, sabiex tiġi żgurata konformità mar-rekwiżiti kollha attwali u futuri. Id-dejtasett SHS tkopri l-investimenti tal-investituri finanzjarji u mhux finanzjarji kollha fil-pajjiżi taż-żona tal-euro (flimkien ma’ xi pajjiżi parteċipanti mhux fiż-żona tal-euro), maqsuma skont il-pajjiż investitur u s-settur. Grazzi għall-kooperazzjoni eċċellenti bejn il-banek ċentrali nazzjonali u t-tim SHS, kien possibbli, mill-ewwel trimestru tal-2020, li titqassam dejta preliminari aktar minn xahar qabel l-iskeda regolari. Id-disponibbiltà preċedenti ta’ dik id-dejta fi ħdan is-SEBĊ appoġġat lill-utenti fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom u l-monitoraġġ tagħhom ta’ swieq finanzjarji li jiċċaqilqu malajr. Fost żviluppi oħra, sar ukoll progress sinifikanti fil-ġbir ta’ dejta SHS dwar l-ishma ta’ gruppi bankarji individwali. Id-dejtasett hi granulari ħafna, bid-dejta tkun disponibbli anki fil-livell ta’ membri individwali ta’ gruppi bankarji (investituri) u titoli individwali (holdings). Fost affarijiet oħra, dan jikkontribwixxi għall-identifikazzjoni effettiva tar-riskji u t-tixrid fis-swieq finanzjarji.

Superviżjoni bankarja

Rakkomandazzjoni tal-BĊE dwar id-distribuzzjoni ta’ dividendi waqt il-pandemija tal-COVID-19 u ittra ta’ akkumpanjament dwar il-politiki ta’ remunerazzjoni

Fil-15 ta’ Diċembru 2020, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju biex jadotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2020/62 dwar id-distribuzzjonijiet ta’ dividendi waqt il-pandemija tal-COVID-19 u biex japprova l-ittra ta’ akkumpanjament dwar il-politiki ta’ remunerazzjoni. L-att legali l-ġdid (li jħassar ir-Rakkomandazzjoni BĊE/2020/35) u l-ittra ta’ akkumpanjament huma disponibbli fuq il-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Konformità mal-linji gwida tal-ABE dwar it-trattament tal-pożizzjonijiet tal-kambju barrani strutturali

Fit-18 ta’ Diċembru 2020 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju li jinnotifika lill-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) li, fir-rigward ta’ istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tiegħu, il-BĊE se jikkonforma mal-Linji Gwida tal-ABE dwar it-trattament tal-pożizzjonijiet tal-kambju barrani strutturali skont l-Artikolu 352(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 (EBA GL/2020/09) mill-1 ta’ Jannar 2022 (id-data li fiha dawn daħlu fis-seħħ). Dawk il-linji gwida jintroduċu kriterji mmirati lejn l-armonizzazzjoni tal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti tar-rinunzja tal-awtoritajiet kompetenti li jippermettu li l-pożizzjonijiet strutturali tal-kambju barrani jiġu esklużi mill-kalkolu tar-rekwiżiti tal-fondi proprji.

Gwida li tistabbilixxi l-approċċ superviżorju tal-BĊE għall-konsolidazzjoni fis-settur bankarju

Fis-6 ta’ Jannar 2021 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għall-proposta tal-Bord Superviżorju li jippubblika gwida li tistabbilixxi l-approċċ superviżorju tal-BĊE għall-konsolidazzjoni fis-settur bankarju wara konsultazzjoni pubblika reċenti. Il-BĊE jittama li din il-gwida tiċċara l-prinċipji li huma applikati taħt l-approċċ prudenzjali superviżorju tiegħu sabiex jiġi ddeterminat jekk l-arranġamenti li istituzzjoni ta’ kreditu timplimenta bħala riżultat ta’ konsolidazzjoni jiżgurawx il-ġestjoni tajba u l-kopertura tar-riskji. Minbarra l-gwida nnifisha, il-BĊE ppubblika wkoll dikjarazzjoni ta’ rispons li tipprovdi valutazzjoni ġenerali tal-kummenti li waslu fil-konsultazzjoni pubblika. Iż-żewġ dokumenti huma disponibbi fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja