Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (minbarra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Awwissu–Settembru 2019

27 ta’ Settembru 2019

Komunikazzjoni esterna

Pubblikazzjoni ta’ dejta ta’ interventi fil-kambju barrani tal-BĊE

Fit-23 ta’ Settembru 2019, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jippubblika dejta addizzjonali dwar interventi tal-kambju barrani tal-BĊE (FXI) Minn 'April 2020 il-BĊE ser jibda jippubblika dejta XI kemm f’tabella fuq il-websajt tiegħu kif ukoll fir-Rapport Annwali tal-BĊE. It-tabella, li ser turi id-dejta FXI storika kollha mill-1999 ser, fuq bażi trimestrali, tindika jekk il-BĊE intervjenix matul il-perjodu ta’ rieżami trimestrali u, jekk iva, jispeċifika l-iskeda u n-natura ta’ dawn l-interventi (unilaterali, koordinati jew relatati mal-ERM II), l-ammont totali u d-direzzjoni tagħhom, kif ukoll jipprovdi tqassim għal kull munita. Stqarrija għall-istampa f’dan ir-rigward tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Politika monetarja

Miżuri straordinarji tal-politika monetarja

Fit-12 ta’ Settembru 2019, il-Kunsill Governattiv ħa diversi miżuri ta’ politika monetarja mhux standard jiġifieri biex jerġa jibda x-xiri nett skont il-programm ta’ xiri tal-assi tal-BĊE (APP) b’pass ta’ kull xahar ta’ €20 biljun mill-1 ta’ Novembru 2019; li jitkomplew l-investimenti mill-ġdid, sħaħ, tal-ħlasijiet prinċipali mit-titoli maturi mixtrija taħt l-APP; li tiġi estiża l-possibbiltà li jinxtraw assi b'rendimenti taħt ir-rata tal-imgħax fuq il-faċilità tad-depożitu, safejn meħtieġ, taħt il-partijiet kollha tal-APP; li tiġi introdotta sistema fuq żewġ livelli għar-rimunerazzjoni tar-riżervi li fiha parti mill-parteċipazzjonijiet tal-istituzzjonijiet ta’ likwidità eċċessiva għandhom ikunu eżentati mir-rata negattiva tal-faċilità tad-depożitu; u biex jinbiddlu uħud mill-parametri ewlenin tat-tielet serje ta’ operazzjonijiet ta' rifinanzjament fuq żmien itwal immirati (TLTRO-III), li huma elaborati aktar 'l isfel.

Operazzjonijiet tas-suq

Kalendarju indikattiv tal-operazzjonijiet regolari tal-offerti u l-perjodi ta’ żamma tar-riżervi tal-Eurosistema

Fit-8 ta’ Awwissu 2019 il-Kunsill Governattiv approva l-kalendarju indikattiv tal-operazzjonijiet regolari b’offerta u l-perjodi ta’ żamma tar-riżervi tal-Eurosistema għall-2020. Il-kalendarju, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa dwaru, jinsab fil-websajt tal-BĊE.

Tibdil f’xi parametri ewlieni tat-tielet serje ta’ operazzjonijiet speċifiċi ta’ rifinanzjament għal żmien itwal

Fit-12 ta’ Settembru 2019, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jibdel xi parametri ewlenin tat-TLTRO-III, jiġifieri li tiżdied il-maturità tal-operazzjonijiet kollha minn sentejn għal tliet snin, jintroduċi għażla ta' ħlas lura volontarju u jiġu emendati l-prezzijiet ta’ dawn l-operazzjonijiet. Dawn il-bidliet huma formalizzati fid-Deċiżjoni BĊE/ 2019/28 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2019/1311 dwar it-tielet serje ta’ operazzjonijiet ta' rifinanzjament fuq żmien itwal adottati fit-12 ta’ Settembru 2019 mill-Kunsill Governattiv. Din id-Deċiżjoni u l-istqarrija għall-istampa relatata huma disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Estensjoni ta’ talbiet ta’ kreditu addizzjonali sal-aħħar ta’ Marzu 2024

Fit-12 ta’ Settembru 2019 il-Kunsill Governattiv ħa nota li t-titwil tal-maturità tal-operazzjonijiet TLTRO III implika li l-oqfsa ta' talbiet għal kreditu addizzjonali (ACC) kellhom jiġu estiżi sa tmiem Marzu 2024, fid-dawl tad-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv tas-7 ta’ Ġunju 2019 biex jestendi l-oqfsa tal-ACC sad-data tal-maturità tal-operazzjoni finali TLTRO III.

Estensjoni tal-indiċjar tar-rata tal-imgħax fuq operazzjonijiet ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal ta' tliet xhur lil hinn mit-tmiem tal-aħħar perjodu ta’ manteniment tar-riżerva tal-2019

Fit-12 ta’ Settembru 2019, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li r-rata tal-imgħax fuq operazzjonijiet ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal (LTROs) tkun iffissata bir-rata medja tal-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament matul il-ħajja tal-LTRO rispettivi, għall-inqas sat-tmiem tal-perjodu ta’ żamma tar-riserva li jibda f'Marzu 2021.

Infrastruttura tas-suq u pagamenti

Deċiżjoni tal-BĊE dwar il-proċedura u l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju minn awtorità kompetenti ta’ ċerti setgħat b'rabta mas-sorveljanza ta' sistemi ta’ ħlas sistemikament importanti

Fis-26 ta’ Lulju 2019, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 21(2) tar-Regolament BĊE/2017/32 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 795/2014 dwar ir-rekwiżiti ta' sorveljanza għal sistemi ta' ħlas sistemikament importanti ("Regolament SIPS"), il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni tal-BĊE/2019/25 dwar il-proċedura u l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju minn awtorità kompetenti ta’ ċerti setgħat b'rabta mas-sorveljanza ta' sistemi ta’ pagament sistemikament importanti. Il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li jippubblika flimkien mad-Deċiżjoni sommarju tat-tweġibiet irċevuti fil-kuntest ta’ konsultazzjoni pubblika li saret dwar l-abbozz ta' Deċiżjoni bejn it-8 ta’ Marzu u t-12 ta' April 2019.

Opinjonijiet dwar il-leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar restrizzjonijiet fuq trasferimenti ta’ pretensjonijiet ta’ ipoteki fil-Polonja

Fid-9 ta’ Awwissu 2019 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2019/29 fuq talba tas-Sejm Pollakk (Parlament).

Opinjoni dwar il-bejgħ u x-xiri ta' faċilitajiet tal-kreditu f’Ċipru

Fl-16 ta' Awissu 2019 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2019/30 fuq talba mill-Ministeru tal-Finanzi ta’ Ċipru.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-libertà tal-informazzjoni fil-Pajjżi l-Baxxi

Fl-4 ta’ Settembru 2019 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2019/31 fuq talba tal-Ministru tal-Intern u r-Relazzjonijiet tar-Renju tal-Pajjiżi Baxxi.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-regoli li għandhom jiġu segwiti minn impriżi finanzjarji meta jiddefinixxu politika ta’ remunerazzjoni fissa fil-Pajjiżi l-Baxxi

Fil-5 ta’ Settembru 2019 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2019/32 fuq talba tal-Ministru tal-Finanzi tal-Pajjiżi l-Baxxi.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar u dwar l-awtentikazzjoni tal-muniti tal-euro fil-Lussenburgu

Fl-23 ta’ Settembru 2019 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2019/33 fuq talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Lussemburgu.

Governanza korporattiva

Rakkomandazzjoni tal-BĊE lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Bank Ċentrali ta’ Malta

Fil-25 ta’ Lulju 2019 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2019/24 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Bank Ċentrali ta’ Malta. Ir-Rakkomandazzjoni ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

President tal-Kumitat tal-Etika tal-BĊE

Is-Sur Patrick Honohan, membru tal-Kumitat tal-Etika tal-BĊE mill-2016, assuma l-funzjoni ta’ President tal-Kumitat tal-Etika mill-1 ta' Awwissu 2019. F'dan ir-rwol, is-Sur Honohan jieħu post is-Sur Jean-Claude Trichet li l-mandat tiegħu skada fil-31 ta’ Lulju 2019.

Bank ċentrali ospitanti għall-Uffiċċju tal-Koordinazzjoni tal-Akkwisti tal-Eurosistema mill-2020 sal-2024

Fl-1 ta’ Awwissu 2019, il-Kunsill Governattiv innomina lill-Banque centrale du Luxembourg biex jospita l-Uffiċċju tal-Koordinazzjoni tal-Akkwisti tal-Eurosistema (EPCO) mill-2020 sal-2024, wara valutazzjoni pożittiva tal-proposta kummerċjali tal-Banque centrale du Luxembourg. L-EPCO jidentifika, jivvaluta u jikkoordina l-akkwisti konġunti ta’ oġġetti u servizzi meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tal-Eurosistema, bil-għan li jiġu massimizzati l-effiċjenza fl-infiq u l-effettività.

Deċiżjoni tal-BĊE dwar l-istabbiliment ta' Bord Amministrattiv ta' Rieżami u r-Regoli Operattivi tiegħu

Fid-9 ta’ Awwissu 2019 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2019/27 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2014/16 dwar l-istabbiliment ta' Bord Amministrattiv ta' Rieżami u r-Regoli Operattivi tiegħu. Il-Bord ta’ Sorveljanza ġie kkonsultat ukoll dwar l-emendi proposti li jiċċaraw ċerti aspetti tar-Regoli Operattivi tal-Bord Amministrattiv ta' Reviżjoni fid-dawl tal-esperjenza miksuba minn meta ġie stabbilit fl-2013. Id-Deċiżjoni li temenda tinkludi wkoll metodoloġija għat-tqassim tal-ispejjeż tar-reviżjoni mġarrba mill-applikant u mill-BĊE fil-kuntest ta’ reviżjoni tad-deċiżjonijiet tal-BĊE mill-Bord Amministrattiv ta' Reviżjoni.

Membri tal-Bord Amministrattiv ta' Reviżjoni

Fit-12 ta’ Awwissu 2019, il-Kunsill Governattiv, wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bord ta’ Sorveljanza, iddeċieda li jestendi t-termini tal-kariga tas-Sur Jean-Paul Redouin, is-Sinjura Concetta Brescia Morra, is-Sur Javier Arístegui Yáñez u s-Sur André Camilleri (bħala membri) u tas-Sur René Smits (bħala supplenti) tal-Bord Amministrattiv ta’ Reviżjoni għal ħames snin oħra sas-7 ta' Settembru 2024.

Sħubija tal-Kumitat tas-Sorveljanza tar-rata tal-euro għal żmien qasir

Fit-23 ta’ Awwissu 2019 il-Kunsill Governattiv ħatar lis-Sur Massimo Rostagno, Direttur Ġenerali tal-Politika Monetarja tal-BĊE, lis-Sinjura Cornelia Holthausen, Viċi Direttur Ġenerali tal-BĊE għall-Operazzjonijiet tas-Suq, is-Sinjura Emmanuelle Assouan, Deputat Direttur Ġenerali għall-Istabbiltà Finanzjarja u s-Suq ta’ Banque de France, u lis-Sur Paolo Del Giovane, Banca d'Italia Kap tad-Direttorat għall-Operazzjonijiet tas-Suq, bħala membri tal-Kumitat ta’ Sorveljanza interna tal-BĊE għas-sorveljanza tal-proċess ta' determinazzjoni tar-rata fuq medda qasira ta’ żmien (€STR). Dan il-Kumitat ta’ Sorveljanza, stabbilit bl-applikazzjoni tal-Artikolu 9 tal-Linja Gwida BĊE/2019/19 fuq l-€STR, huwa ppresedut mill-Viċi President tal-BĊE, is-Sur Luis de Guindos. Il-membri kollha huma meħtieġa jissottomettu dikjarazzjonijiet dwar kwalunkwe kunflitt ta' interess li jiġi ppubblikat fuq il-websajt tal-BĊE.

Aġent President tal-Kumitat għall-Ġestjoni tar-Riskji

Fid-29 ta’ Awwissu 2019, il-Kunsill Governattiv ħatar lis-Sur Fernando Monar Lora, Kap tad-Diviżjoni tal-Analiżi tar-Riskju fid-Direttorat għall-Ġestjoni tar-Riskju tal-BĊE, bħala President tal-Kumitat tal-Ġestjoni tar-Riskju (RMC), mill-1 ta’ Settembru 2019.

Superviżjoni bankarja

Riżultati tal-valutazzjoni komprensiva tal-istituzzjonijiet ta' kreditu Bulgari

Fil-25 ta’ Lulju 2019, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex japprova r-riżultati finali tal-valutazzjoni komprensiva ta’ sitt istituzzjonijiet ta' kreditu Bulgari (UniCredit Bulbank AD, DSK Bank EAD, United Bulgarian Bank AD, First Investment Bank AD, Central Cooperative Bank AD u Investbank AD) li s-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE wettqet bejn Novembru 2018 u Ġunju 2019 wara t-talba tal-Bulgarija biex tistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib bejn il-BĊE u l-Българска народна банка (il-Bank Nazzjonali Bulgaru). Stqarrija għall-istampa relatata tinsab fis-sit tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Memorandum ta’ Ftehim bejn il-BĊE u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Fis-26 ta’ Lulju 2019 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jidħol f'Memorandum ta’ Ftehim mal-Qorti Ewropea tal-Awdituri fir-rigward tal-verifiki tal-kompiti superviżorji tal-BĊE. Id-dokument se jiġi ffirmat uffiċjalment fil-Lussemburgu fid-9 ta’ Ottubru 2019 u t-test sħiħ se jiġi ppubblikat fuq il-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE fl-istess jum. Stqarrija għall-istampa relatata tinsab fis-sit tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Deċiżjonijiet tal-BĊE dwar is-sinifikanza ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu taħt superviżjoni

Fis-26 ta’ Lulju 2019 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju biex ibiddel l-istatus tas-sinifikanza ta' ċerti istituzzjonijiet ta' kreditu taħt superviżjoni. Il-lista ta' entitajiet taħt superviżjoni tiġi aġġornata regolarment u hi ppubblikata fis-sit tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Ambitu tal-valutazzjoni komprensiva tal-istituzzjonijiet ta' kreditu Kroati

Fid-29 ta’ Lulju 2019 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord ta' Sorveljanza biex istituzzjonijiet ta’ kreditu Kroati ikunu inklużi fil-valutazzjoni komprensiva li saret mis-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE minn Settembru 2019 fuq talba mill-Kroazja biex tistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib bejn il-BĊE u Hrvatska narodna banka. Stqarrija għall-istampa relatata tinsab fis-sit tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Konformità mar-Rakkomandazzjonijiet emendati tal-ABE dwar l-ekwivalenza ta' reġimi tal-kunfidenzjalità

Fil-5 ta’ Awwissu 2019 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jinnotifika lill-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE), għal istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tiegħu, bl-intenzjoni tal-BĊE li jikkonforma mar-Rakkomandazzjonijiet dwar l-ekwivalenza ta’ reġimi ta' kunfidenzjalità kif emendata l-aħħar fit-8 ta’ Novembru 2018 (ABE/REC/ 2018/03), mid-data tan-notifika.

Aspettattivi ta’ kopertura superviżorja riveduti għal skoperturi mhux produttivi

Fid-9 ta’ Awwissu 2019, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jiġu rreveduti l-aspettattivi superviżorji għall-provvediment prudenzjali ta’ skoperturi ġodda mhux produttivi (NPEs) speċifikati fl-“Addendum għall-Gwida tal-BĊE lil banek fuq self improduttiv”. L-aspettattivi superviżorji għall-istokk ta’ NPEs ma jinbidlux. Ir-reviżjonijiet, li jispjegaw l-adozzjoni ta’ regolament ġdid tal-UE li daħal fis-seħħ fis-26 ta' April 2019, ġew ikkomunikati b'mod proattiv lill-istituzzjonijiet u huma dettaljati fi stqarrija għall-istampa relatata, flimkien ma’ dokument tekniku, it-tnejn disponibbli fuq il-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Piena amministrattiva imposta fuq istituzzjoni ta’ kreditu bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-fondi proprji

Fit-13 ta’ Awwissu 2019 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal deċiżjoni tal-Bord Superviżorju li jimponi piena amministrattiva fl-ammont ta’ €5,150,000 fuq Piraeus Bank SA għal ksur tad-dispożizzjonijiet tal-fondi proprji bejn l-2015 u l-2017. Stqarrija relatata għall-istampa hija disponibbli fuq il-websajt ta’ superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Valutazzjoni ta’ istituzzjoni li tkun se tfalli jew x'aktarx li tfalli

Fil-15 ta’ Awwissu 2019, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għall-valutazzjoni tal-Bord Superviżorju, imħejji skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, li l-AS PNB Banka kien ser ifalli jew x'aktarx ifalli bħala riżultat ta' deterjorament sinifikanti fis-sitwazzjoni tal-likwidità tiegħu. Il-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni ġie debitament kkonsultat u qabel mal-valutazzjoni. Stqarrija għall-istampa relatata tinsab fis-sit tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Konformità mal-Linji gwida tal-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) fuq arranġament ta’ esternalizzazzjoni

Fl-16 ta' Awissu 2019 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jinnotifika lill-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) li, għall-istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tiegħu, il-BĊE biħsiebu jikkonforma mar-Rakkomandazzjonijiet tal-ABE dwar arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni (ABE/GL/2019/02) sal-aħħar ta’ Settembru 2020.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja