Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)
Diċembru 2018
Operazzjonijiet tas-suq
Aċċettazzjoni tas-sistema riveduta ta’ valutazzjoni tal-kreditu tal-Banco de España għall-użu fi ħdan il-Qafas tal-Valutazzjoni tal-Kreditu tal-Eurosistema
Fis-7 ta’ Diċembru 2013 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jaċċetta s-sistema interna għall- valutazzjoni tal-kreditu (ICAS) tal-Banco de España biex tintuża fil-Qafas għall-Valutazzjoni tal-Kreditu tal-Eurosistema (ECAF). Il-lista sħiħa tal-ICAS flimkien ma’ tagħrif aktar dettaljat dwar l-ECAF jinsabu fil-websajt tal-BĊE.
Infrastruttura tas-swieq u ħlasijiet
Rapport ta’ għeluq fuq l-eżerċizzju ta’ komunikazzjoni ta’ kriżi UNITAS
Fid-29 ta’ Novembru 2018 il-Kunsill Governattiv approva r-rapport ta' għeluq dwar l-eżerċizzju ta’ komunikazzjoni ta’ kriżi madwar is-suq tal-UNITAS li sar fit-28 ta' Ġunju 2018 ma’ infrastrutturi finanzjarji Ewropej u sorveljanti tal-banek ċentrali bbażati fuq xenarju ta' attakk ċibernetiku. Ser jiġi ppubblikat sommarju f’livell għoli tal-eżerċizzju fil-websajt tal-BĊE.
Aspettattivi ta’ Sorveljanza ta’ Reżiljenza Ċibernetika
Fid-29 ta’ Novembru 2018 il-Kunsill Governattiv approva l-aħħar Aspettattivi dwar is-Sorveljanza ta’ Reżiljenza Ċibernetika għall-infrastrutturi tas-suq finanzjarju. Id-dokument li jiddefinixxi l-aspettattivi tal-Eurosistema f'termini ta’ reżiljenza ċibernetika, flimkien mad-dokumentazzjoni rilevanti, ġie ppubblikat fuq il-websajt tal-BĊE fit-3 ta' Diċembru 2018.
Qafas Threat Intelligence-based Ethical Red Teaming (TIBER-EU) White Team Guidance
Fit-13 ta’ Diċembru 2018 il-Kunsill Governattiv approva t-TIBER-EU White Team Guidance. Il-Gwida hija parti integrali mill-Qafas TIBER-UE u tipprovdi aktar gwida dwar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-White Team, li huwa t-tim, fi ħdan l-entità li qed tiġi ttestjata, responsabbli għall-ippjanar u l-ġestjoni ġenerali tat-test. Il-Gwida tinsab fil-websajt tal-BĊE.
Opinjonijiet fuq leġiżlazzjoni
Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u atti legali relatati
Fis-7 ta’ Diċembru 2018 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2018/55 wara talba tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Opinjoni tal-BĊE dwar emendi għar-reġim ta’ responsabbiltà li jikkonċerna l-membri tal-Bord u l-impjegati tal-Banca Naţională a României
Fil-11 ta’ Diċembru 2018 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2018/56 wara talba mis-Senat Rumen.
Statistika
Regolament dwar l-istatistika tas-swieq monetarji
Fis-7 ta’ Diċembru 2018 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2018/33 li temenda r-Regolament BĊE/2014/48 dwar statistika tas-swieq monetarji. Ir-Regolament ser jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.
Governanza korporattiva
Kapital tal-BĊE - aġġustament ta’ kull ħames snin tal-iskema tas-sottoskrizzjoni
Fid-29 ta’ Novembru 2018 il-Kunsill Governattiv adotta (i) id-Deċiżjoni BĊE/2018/27 dwar l-ishma perċentwali tal-banek ċentrali nazzjonali fl-iskema għas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew u li tirrevoka d-Deċiżjoni BĊE/2013/28; (ii) id-Deċiżjoni BĊE/2018/28 dwar il-ħlas fil-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali ta’ Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2014/61 u tirrevoka d-Deċiżjoni BĊE/2013/30; (iii) id-Deċiżjoni BĊE/2018/29 li tistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għal trasferimenti ta’ ishma fil-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew bejn il-banek ċentrali nazzjonali u għall-aġġustament tal-kapital imħallas u li tirrevoka d-Deċiżjoni BĊE/2013/29; (iv) id-Deċiżjoni BĊE/2018/30 li tistabbilixxi l-mizuri meħtieġa għall-kontribuzzjoni għall-valur akkumulat tal-ekwità tal-Bank Ċentrali Ewropew u għall-aġġustament tal-pretensjonijiet tal-banek ċentrali nazzjonali li huma ekwivalenti għall-assi ta’ riżerva barranija ittrasferiti u li tirrevoka d-Deċiżjoni BĊE/2013/26; u (v) id-Deċiżjoni BĊE/2018/31 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2010/29 dwar il-ħruġ ta’ karti tal-flus tal-euro. Fit-30 ta’ Novembru 2018 il-Kunsill Ġenerali adotta d- Deċiżjoni BĊE/2018/32 dwar il-ħlas tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali li mhumiex fiż-żona tal-euro u li tirrevoka d-Deċiżjoni BĊE/2013/31. Id-Deċiżjonijiet, li jirriflettu r-reviżjoni ta’ kull ħames snin tal-iskema kapitali tal-BĊE ġew ippubblikati bl-Ingliż fuq il-websajt tal-BĊE u se jiġu ppubblikati fil-ħin f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Membru ġdid tal-Kumitat tal-Etika tal-BĊE
Fil-5 ta’ Diċembru 2018 il-Kunsill Governattiv ħatar lis-sur Erkki Liikanen bħala membru tal-Kumitat tal-Etika tal-BĊE bħala suċċessur tas-sur Klaus Liebscher mill-1 ta’ Jannar 2019.
Superviżjoni bankarja
Stqarrija dwar l-aptit għar-riskju tal-MSU
Fis-7 ta’ Diċembru 2018 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviorju biex jippubblika l-istqarrija dwar l-aptit għar-riskju tal-MSU. L-istqarrija ġiet ippubblikata fuq il-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE fil-10 ta' Diċembru 2018.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja