X’inhi t-TLTRO-II?

24 ta' Ġunju 2016

L-operazzjonijiet speċifiċi ta’ rifinanzjament għal żmien itwal (TLTROs) huma waħda mill-miżuri straordinarji tal-politika monetarja tal-BĊE. Permezz tat-TLTROs aħna nipprovdu self fit-tul lill-banek u noffrulhom inċentivi biex iżidu s-self tagħhom lin-negozji u l-konsumaturi fiż-żona tal-euro. Dan jgħin biex ir-rati tal-inflazzjoni jerġgħu lura għal livelli li jkunu taħt iżda qrib 2% għal żmien medju. L-ewwel sensiela ta’ TLTROs ħarġet fl-2014. It-tieni sensiela, li tħabbret f’Marzu 2016, hija magħrufa bħala TLTRO-II.

Il-banek li jieħdu sehem fit-TLTRO-II jistgħu jissellfu ammont sa 30% tas-self pendenti li għandhom man-negozji u l-konsumaturi. Dan ifisser li l-banek li jisilfu aktar lill-ekonomija reali jkunu jistgħu jissellfu aktar u b’rata iżjed baxxa milli joffri normalment il-BĊE. Se jsiru erba’ operazzjonijiet fit-tnax-il xahar li ġejjin, u l-ewwel waħda ħarġet fid-29 ta’ Ġunju 2016.

Fiex hija differenti t-TLTRO-II mill-operazzjonijiet normali tal-politika monetarja?

Meta jaġixxi ta’ bank għall-banek, bank ċentrali jipprovdi lill-banek kummerċjali b’likwidità permezz ta’ self. Normalment il-banek iridu jroddu dan is-self fi żmien ġimgħa jew tliet xhur. U hawn tinsab id-differenza ewlenija: is-self bit-TLTRO-II għandu maturità ħafna itwal ta’ erba’ snin. Hekk il-banek ikollhom finanzjament stabbli u affidabbli fi żminijiet ta’ inċertezza fis-swieq.

Barra minn hekk, b’differenza mill-operazzjonijiet normali tal-politika monetarja, l-ammont ta’ flus li l-banek jistgħu jiksbu permezz tat-TLTRO-II u l-ispiża tas-self jiddependu mill-ammont ta’ self li jipprovdu lill-ekonomija reali.

Dan kif jgħin lill-konsumaturi, in-negozji u l-ekonomija?

Bis-saħħa tal-inċentivi li tipprovdi biex il-banek jisilfu aktar, it-TLTRO-II tħeġġeġ is-self lin-negozji u l-konsumaturi fiż-żona tal-euro, u dan jagħti spinta lill-attività ekonomika. Il-banek normalment iħallsu r-rata tal-imgħax ewlenija tal-BĊE fuq l-ammont li jissellfu. Dan jgħodd hawnhekk ukoll, iżda fit-TLTRO-II l-ispiża tas-self hija marbuta ma’ kemm jisilfu l-banek parteċipanti: jekk bank iżid is-self tiegħu lill-ekonomija reali b’mod suffiċjenti, minflok ma jħallas l-imgħax jista’ jirċievi l-imgħax billi ‘jħallas’ rata negattiva. Din ir-rata tista’ tkun baxxa daqs ir-rata tal-faċilità tad-depożitu, li bħalissa qiegħda -0.4%.

It-TLTRO-II taħdem flimkien mal-bqija tal-politika rikonċiljatorja tal-BĊE u tgħinha tgħaddi fl-ekonomija reali. B’hekk nistgħu naslu għall-għan ewlieni tagħna li nżommu l-prezzijiet stabbli.