Kooperazzjoni internazzjonali tal-banek ċentrali
Il-kooperazzjoni internazzjonali tal-BĊE ma' banek ċentrali tirrifletti r-rwol tiegħu bħala bank ċentrali ewlieni fis-sistema ekonomika u finanzjarja globali, u bħala istituzzjoni tal-UE. Il-kooperazzjoni tiffoka fuq:
L-għan ewlieni ta' din il-kooperazzjoni hu li jitjieb l-għarfien reċiproku tal-politika tal-BĊE u tal-banek ċentrali sħab u l-motivazzjoni u l-analiżi sottostanti. Dan jirrifletti r-rwol dejjem jikber tal-ekonomiji tas-swieq ġodda tal-G20 fis-sistema ekonomika u finanzjarja globali.
Il-BĊE jiżviluppa l-kooperazzjoni tiegħu mal-ekonomiji tas-swieq ġodda tal-G20 abbażi ta' Memoranda ta' Ftehim (MoUs). MoUs li jipprevedu djalogu ta' politika ta' livell għoli u programmi annwali ta' ħidma jeżistu mal-banek ċentrali ta' Ċina (2008), Turkija (2012), Russja (2012), Indja (2015) u Brażil (2016).
Kooperazzjoni ma' istituzzjonijiet globali u reġjonali involuti f'kooperazzjoni internazzjonali tgħin biex ixxerred il-messaġġi tal-politika u l-kompetenza teknika tal-BĊE fid-diversi reġjuni kollha tad-dinja.
Il-BĊE jżomm relazzjonijiet strutturati ma' fornituri ewlenin oħra fil-qasam tal-kooperazzjoni bejn il-banek ċentrali, kemm fil-livell globali (FMI) kif ukoll reġjonali, bħall-Fond Monetarju Għarbi (AMF), iċ-Ċentru għall-Istudji Monetarji tal-Amerika Latina (CEMLA), iċ-Ċentru tar-Riċerka u t-Taħriġ tal-Banek Ċentrali tax-Xlokk tal-Asja (SEACEN) u l-Kunsill Monetarju tal-Golf (GMC).
Il-BĊE jsostni t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u l-aqwa prattika fil-banek ċentrali ta' pajjiżi li għandhom perspettivi ta' adeżjoni mal-UE. Jgħin lil dawn l-istituzzjonijiet fit-tħejjijiet tagħhom biex jissieħbu mas-SEBĊ (ħaġa li sseħħ meta l-pajjiżi tagħhom isiru membri tal-UE).
Il-kooperazzjoni internazzjonali tal-banek ċentrali hi strument importanti biex issaħħaħ il-kapaċità istituzzjonali tal-banek ċentrali, b'mod partikolari fil-Balkani tal-Punent, bil-ħsieb li tintlaħaq konformità mal-istandards tal-attività bankarja tal-UE u mal-istandards internazzjonali.
Barra dan, il-BĊE jwieġeb talbiet ad hoc għal kooperazzjoni internazzjonali mingħand banek ċentrali fid-dinja kollha.
Il-kooperazzjoni internazzjonali tal-banek ċentrali tinkludi l-iskambju ta' kompetenza, il-qsim tal-aqwa prattika u t-tisħiħ tal-kapaċità. Din tinkludi firxa wiesgħa ta' attivitajiet, bħal gruppi ta' ħidma u seminars, sekondar ta’ staff, żjarat ta' esperti u programmi ta' taħriġ.
L-għan ta' din il-kooperazzjoni hu t-tisħiħ tar-relazzjonijiet ma' banek ċentrali barra l-UE u l-promozzjoni ta' prattika soda fl-attività tal-banek ċentrali, li b'hekk jikkontribwixxu għall-istabbiltà tal-prezzijiet u l-istabbiltà finanzjarja fid-dinja kollha. Il-kooperazzjoni tgħin ukoll lill-BĊE jfisser il-politika tiegħu f'kuntest internazzjonali.
Il-Grupp ta' Ħidma dwar il-Kooperazzjoni tal-Banek Ċentrali tikkoordina l-attivitajiet tal-kooperazzjoni internazzjonali fi ħdan is-SEBĊ. Din tinkludi esperti mill-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali u topera taħt il-patroċinju tal-Kumitat għar-Relazzjonijiet Internazzjonali tas-SEBĊ.
F'Diċembru 2017 il-grupp ta' ħidma ippubblika dokument tal-aħjar prattika li jiddeskrivi l-bażi loġika u l-prinċipji li jsostnu l-attivitajiet ta' kooperazzjoni internazzjonali tal-banek ċentrali tas-SEBĊ, kif ukoll eżempji tal-format tagħhom.
Fi Frar 2020 il-grupp ta' ħidma pprovda aktar dettalji dwar l-orjentament tiegħu għall-valutazzjoni tal-attivitajiet tal-kooperazzjoni internazzjonali. Dawn id-dettalji huma r-riżultat ta' diskussjonijiet fis-SEBĊ kollha fost il-membri tal-persunal involuti f'dawn l-attivitajiet.
- Orjentamenti għall-Valutazzjoni tal-Attivitajiet tal-Kooperazzjoni Internazzjonali tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ)