Il-kunċett tal-enerġija

Il-kunċett tal-enerġija

© Robert Metsch

Mill-bidu nett tal-kompetizzjoni tad-disinn, l-għan dikjarat tal-BĊE kien li l-kwartieri l-ġodda tiegħu kellhom ikunu 30% iżjed effiċjenti mil-livell stipulat fl-Energieeinsparverordnung 2007 (id-direttiva Ġermaniża dwar il-konservazzjoni tal-enerġija). Biex dan jitwettaq, ġew esplorati u analizzati l-possibbiltajiet kollha, b'mod partikolari fir-rigward tal-faċċati u s-sistemi tekniċi. Il-kunċett tal-enerġija li rriżulta għandu l-karatteristiċi li ġejjin.

Ġbir tal-ilma tax-xita

© Robert Metsch

Il-Grossmarkthalle nnifsu għandu medda ta' bejt ta' madwar 10,000 metru kwadru. Se tiġi installata sistema għall-ġbir tal-ilma tax-xita, li mbagħad jista' jintuża kemm għat-tisqija tal-ġonna meta ma tagħmilx biżżejjed xita, kif ukoll għall-ifflaxxjar tat-tojlits fil-Grossmarkthalle.

Sħana riċiklata

Is-sħana żejda ġġenerata miċ-ċentru tal-kompjuters se tiġi inkanalata għal ġewwa sistema tas-sħana li tgħaddi fis-soqfa biex issaħħan l-uffiċċji. Il-kwartieri l-ġodda tal-BĊE se jkunu konnessi mas-sistema ta' sħana u kurrent kombinati tal-Belt ta' Frankfurt am Main, li hi sistema li tiffranka l-enerġija.

Iżolazzjoni termika effiċjenti

L-uċuħ tal-Grossmarkthalle, p.e. is-saqaf u t-twieqi, se jkunu iżolati termikament biex jinħoloq spazju termiku bejn l-ispazji ta' barra u ta' ġewwa, bħal ma huma r-restorant u s-swali għall-laqgħat tal-istaff. Dawn l-ispazji se jkollhom il-mikroklima tagħhom, billi se jkunu integrati fis-sala tas-suq bħala sistema separata ta' dar f'dar.

Ventilazzjoni naturali tal-uffiċċji

Minbarra s-sistemi ċentrali tal-ventilazzjoni, se jkun hemm elementi motorizzati għall-ventilazzjoni li jkunu inkorporati fil-faċċati tal-bini biex jippermettu l-ventilazzjoni naturali diretta tal-uffiċċji. Għalhekk, il-ħtiġijiet ta' arja friska għal kull persuna jistgħu jiġu sodisfatti mingħajr l-użu ta' ventilazzjoni mekkanika, fejn l-utent jixtieq dan. B'hekk il-persuni jkollhom ukoll idea ta' x'qed jiġri barra. Inbena mudell tal-bini biex jiġu ttestjati l-attwazzjoni u l-funzjonalità tad-disinn tal-faċċata. Ir-riżultati ta' dawn it-testijiet urew li dan id-disinn tal-faċċata jkun tabilħaqq attwabbli u funzjonali.

Ħarsien solari effiċjenti u dawl li juża ftit enerġija

Biex il-bini ma jassorbix wisq sħana tax-xemx, fil-faċċati se jiġu integrati paraventi effiċjenti ħafna kontra x-xemx u d-dawl qawwi.

Mod ieħor biex tiġi ffrankata l-enerġija hu dak tal-użu tad-dawl naturali. Fl-uffiċċji se jitwaħħlu sensors tad-dawl, biex id-dwal jintfew awtomatikament meta jkun hemm biżżejjed dawl naturali. Għal dak li għandu x'jaqsam mad-dawl artifiċjali għall-uffiċċji, kif ukoll għall-atriju u s-sala tas-suq, saret ħafna riċerka biex jiġi żgurat li jiġu mdawwla biżżejjed u b'mod effiċjenti fi kwalunkwe ħin tal-jum.

Użu tal-enerġija ġeotermali għat-tisħin u t-tkessiħ

Biex jitnaqqsu iżjed l-ispejjeż tal-enerġija tal-bini, fil-pedamenti bil-pilastri ġew inkorporati ċirkuwiti ġeotermali, li jinżlu sa fond ta' madwar 30 metru sakemm imissu mal-blata ta' taħt Frankfurt. Dawn iċ-ċirkuwiti jistgħu jiġu konnessi maċ-ċirkuwitu tal-ilma u mal-pompi tat-tisħin fiċ-ċentru tat-tisħin biex mill-art jiġbdu s-sħana fix-xitwa u l-frisk fis-sajf.

Biex jitnaqqas kemm jista' jkun l-għadd ta' sistemi tekniċi u l-ammont ta' enerġija meħtieġa, ċerti spazji, bħalma huma l-atriju jew l-ispazji miftuħa ġewwa s-sala tas-suq mhux se jkollhom arja kondizzjonata. Minflok, dawn l-ispazji se jiffunzjonaw bħala spazju klimatiku u żona ta' transizzjoni bejn barra u ġewwa.

Fl-4 ta' Jannar 2003, daħlet fis-seħħ id-Direttiva 2002/91/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar il-prestazzjoni tal-enerġija fil-bini. Fl-1 ta' Ottubru 2007, il-Gvern Ġermaniż implimenta l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikun konformi ma' din id-Direttiva. Il-proġett tal-Kwartieri l-Ġodda tal-BĊE hu l-ewwel proġett kbir ta' bini fil-Ġermanja li jissodisfa l-istandards meħtieġa.