Deskrizzjoni tal-bini

Tliet elementi ewlenin

Il-kumpless li jiġbor fih il-bini l-ġdid tal-BĊE huwa magħmul minn tliet elementi ewlenin: il-Grossmarkthalle (li qabel kienet il-pitkalija l-qadima ta’ Frankfurt), bi strutturi interni ġodda; bini għoli magħmul minn żewġ torrijiet tal-uffiċċji li jingħaqdu flimkien permezz ta’ atriju; u l-bini tad-daħla, li joħloq rabta viżiva bejn il-Grossmarkthalle u l-bini tal-uffiċċji, u jifforma d-daħla ewlenija tal-BĊE li tagħti għal fuq Sonnemannstrasse.


Il-Grossmarkthalle

Il-Grossmarkthalle, li ġie rinnovat u restawrat għalkollox, huwa parti integrali mill-bini l-ġdid tal-BĊE. Ritratti

Bini qadim tas-snin 1920

Il-Grossmarkthalle nbena bejn l-1926 u l-1928 skont id-disinn ta’ Martin Elsaesser, li dak iż-żmien kien Direttur tal-Ippjanar Urbanistiku tal-Belt ta’ Frankfurt am Main. Ilu kklassifikat bħala bini skedat mill-1972 u sal-4 ta’ Ġunju 2004 kien għadu jiffunzjona bħala pitkalija tal-frott u l-ħaxix.

Skop ġdid

Wara li sarlu xogħol estensiv ta’ rinnovazzjoni u restawr li tlesta fl-2014, il-Grossmarkthalle llum jiġbor fih il-postijiet fejn jista' jidħol il-pubbliku, bħal-lobby, is-swali tal-wirjiet u l-kafetterija, kif ukoll ċentru tal-viżitaturi, restorant għall-membri tal-istaff u parti maħsuba għall-konferenzi. Dawn tal-aħħar ġew integrati fis-sala bħala bini separat skont il-kunċett ta’ struttura f’oħra. Biex tidħol f'dik li kienet is-sala tal-pitkalija trid tgħaddi mill-bieb ewlieni li jinsab taħt il-bini tad-daħla.

Tagħrif dwar il-Grossmarkthalle
Erja totali tal-art tas-sala madwar 12,500 m²
Għoli tas-sala madwar 23 metru
Tul tas-sala 220 metru
Wisa’ tas-sala 50 metru
Għoli tal-bini tal-ġnub 32.50 metru
Erja tal-art tal-bini tal-ġnub madwar 975 m²

Il-bini tal-uffiċċji

B’għoli ta’ madwar 185 metru, il-bini tal-uffiċċji, bis-siluwett karatteristiku tiegħu, jestendi l-linja tal-profil ta’ Frankfurt lejn il-lvant. Ritratti

Il-bini tal-uffiċċji huwa magħmul minn żewġ torrijiet poligonali li jingħaqdu permezz ta’ atriju. It-torri tat-tramuntana għandu 45 sular filwaqt li t-torri tan-nofsinhar għandu 43 sular.

Belt vertikali

Il-kunċett tal-atriju tal-ħġieġ bejn iż-żewġ torrijiet huwa dak ta’ “belt vertikali”, bi pjattaformi u pontijiet ta’ kollegament li joħolqu l-impressjoni ta’ toroq u pjazez f’belt. Dawn il-pjattaformi jaqsmu l-atriju fi tliet sezzjonijiet b’għoli li jvarja bejn 45 u 60 metru.

Flessibbiltà

Il-bini tal-uffiċċji fih il-biċċa l-kbira tal-postijiet tax-xogħol u s-swali għal-laqgħat interni tal-BĊE. Is-sala l-kbira tal-laqgħat tal-kunsill u l-uffiċċji tal-membri tal-korpi deċiżjonali tal-BĊE jinsabu fis-sulari ta’ fuq. Kull sular joffri livell għoli ta’ flessibbiltà li jippermetti varjetà ta’ arranġamenti għall-uffiċċji.

Tagħrif dwar il-bini tal-uffiċċji
Erja totali tal-art madwar 110,000 m²
Erja tal-art (ta’ sular għal kull torri) bejn 700 m² u 1,200 m²
Għoli tat-torri tat-tramuntana 185 metru (45 sular)
Għoli tat-torri tan-nofsinhar 165 metru (43 sular)

Il-bini tad-daħla

Dan il-bini huwa d-daħla ewlenija tal-BĊE u jinsab f’Sonnemannstrasse. Ritratti

Rabta viżiva

Il-bini tad-daħla joħloq rabta viżiva bejn il-bini tal-uffiċċji u l-Grossmarkthalle. Bid-disinn asimmetriku tiegħu, faċċati inklinati u twieqi ta’ proporzjonijiet kbar, il-bini jifforma d-daħla li twassal għall-bini tal-uffiċċji li jinsab warajha.

Ċentru tal-istampa

Il-bini tad-daħla jiġbor fih iċ-ċentru tal-istampa, minn fejn jixxandru l-konferenzi stampa tal-BĊE. Iċ-ċentru tal-istampa tidħol għalih minn sala li fuqha hemm kmamar mgħammrin biex jintużaw mill-ġurnalisti waqt il-konferenzi stampa. Hemm ukoll awditorju ieħor qrib is-sala l-kbira tal-konferenzi stampa.

Tagħrif dwar il-bini tad-daħla
Erja totali tal-art madwar 3,000 m²
Għoli 27.50 metru