Fażijiet tal-kompetizzjoni

Il-kompetizzjoni internazzjonali tal-ippjanar urbanistiku u d-disinn arkitettoniku għall-bini l-ġdid tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għaddiet minn diversi fażijiet. Fil-fażi tal-għażla preliminari, 80 parteċipant intgħażlu biex jieħdu sehem fl-ewwel fażi. Mid-disinji li ntbagħtu, il-ġurija għażlet 12-il parteċipant li ġew mistiedna biex ikomplu jiżviluppaw id-disinji tagħhom fit-tieni fażi. L-aħjar tliet disinji mbagħad intgħażlu minn fost dawn it-12-il disinn. Wara fażi ta' reviżjoni, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE kkonferma d-deċiżjoni tiegħu dwar id-disinn rebbieħ.

Fażi tal-għażla preliminari

In-notifika tal-kompetizzjoni stiednet arkitetti mid-dinja kollha biex japplikaw għall-kompetizzjoni sal-20 ta' Jannar 2003. Daħlu madwar 300 applikazzjoni, li mbagħad ġew iġġudikati minn kumitat tal-għażla preliminari skont il-kriterji stabbiliti fin-notifika tal-kompetizzjoni. Il-kumitat, li kien magħmul minn ħames membri tal-istaff tal-BĊE megħjuna minn arkitetti tal-ġurija internazzjonali, għażel 80 arkitett (70 “stabbiliti” u 10 “żgħażagħ u ġodda fis-settur”) biex jieħdu sehem fl-ewwel fażi tal-kompetizzjoni.

Tagħrif ieħor u materjal li jista' jitniżżel

  • Il-Bank Ċentrali Ewropew iniedi kompetizzjoni arkitettonika internazzjonali Press release
  • 80 arkitett jintgħażlu għall-ewwel fażi tal-kompetizzjoni arkitettonika tal-BĊE Press release

L-ewwel fażi

It-80 arkitett inklużi fil-lista finali fil-fażi tal-għażla preliminari ntalbu jibagħtu kunċett ta' disinn bla ma juru isimhom għall-ewwel fażi tal-kompetizzjoni sas-7 ta' Lulju 2003. Il-kunċetti kellhom jinkludu disinn arkitettoniku inizjali għall-bini l-ġdid tal-BĊE u pjanijiet għall-iżvilupp urbanistiku tas-sit. B'kollox intbagħtu 71 proposta ta' disinn li mbagħad ġew iġġudikati minn ġurija internazzjonali.

 

Kriterji tal-evalwazzjoni

L-evalwazzjoni tal-proposti saret esklużivament skont il-kriterji li ġejjin:

  • ippjanar urbanistiku, arkitettura u pajsaġġ ġenerali;
  • konformità mal-karatteristiċi ewlenin tal-programm funzjonali u tal-ispazju, fosthom il-moduli ta' tkabbir;
  • orjentament fattibbli tal-kunċett tal-enerġija u l-ambjent, u konformità mal-karatteristiċi ewlenin tar-rekwiżiti tekniċi tal-BĊE;
  • konformità mar-regoli rilevanti, b’mod partikolari fil-qasam tal-liġi dwar il-bini u l-liġi dwar il-ħarsien tal-ambjent.

Materjal li jista’ jitniżżel

It-tieni fażi

L-evalwazzjoni tal-proposti li ntbagħtu fl-ewwel fażi tal-kompetizzjoni wasslet għal lista finali ta' 12-il kandidat li ntalbu jippreżentaw kunċetti iżjed dettaljati tad-disinn arkitettoniku għat-tieni fażi.

Kriterji tal-evalwazzjoni

L-evalwazzjoni tal-proposti saret esklużivament skont il-kriterji li ġejjin:

  1. Ippjanar urbanistiku, arkitettura u pajsaġġ ġenerali;
    • disinn arkitettoniku u impatt tal-kumpless tal-ispazju;
    • integrazzjoni fil-kuntest urbanistiku u l-pajsaġġ ġenerali;
    • integrazzjoni ta' monumenti u bini protetti;
    • funzjoni u kwalità tad-disinn tal-pajsaġġ;
    • oriġinalità, ispirazzjoni u innovazzjoni tal-kunċett.
  2. Konformità mal-karatteristiċi ewlenin tal-programm funzjonali u tal-ispazju, fosthom il-moduli ta' tkabbir;
    • twettiq tal-programm tal-ispazju;
    • organizzazzjoni funzjonali;
    • kwalitajiet tal-ispazju u tad-disinn;
    • ippjanar taż-żoni ta' sigurtà;
    • ċirkolazzjoni interna;
    • aċċess estern.
  3. Orjentament fattibbli tal-kunċett tal-enerġija u l-ambjent, u konformità mal-karatteristiċi ewlenin tar-rekwiżiti tekniċi tal-BĊE;
    • spejjeż taċ-ċiklu tal-validità (spejjeż ta' investiment u spejjeż operattivi);
    • kunċett tal-enerġija u teknika;
    • fattibbiltà ekonomika.
  4. Konformità mar-regoli rilevanti, b’mod partikolari fil-qasam tal-liġi dwar il-bini u l-liġi dwar il-ħarsien tal-ambjent.

Proposti tad-disinn

101 Murphy/Jahn, Inc.

Chicago, Stati Uniti Helmut Jahn

Il-kunċett arkitettoniku huwa magħmul minn żewġ torrijiet mibrumin għoljin 35 sular li huma magħqudin biex jiffurmaw binja waħda fil-Grigal tal-Grossmarkthalle. It-torrijiet joħolqu kuntrast vertikali mal-pjan orizzontali tal-Grossmarkthalle. It-torrijiet mibrumin jinfetħu fid-direzzjoni tad-daħla u tax-xmara biex il-veduti kemm lejn it-torrijiet kif ukoll mit-torrijiet ikunu wesgħin kemm jista' jkun. Il-Grossmarkthalle huwa kkonservat tajjeb u jibqa' jidher għalkollox minn Sonnemannstrasse. Il-kunċett tad-disinn tat-tieni fażi kien ivarja sew mill-kunċett ġenerali tal-ewwel fażi, li kien jikkonsisti f'żewġ binjiet paralleli li joħorġu għal fuq il-Grossmarkthalle biex jgħaqqduh max-xmara bla ma jeqirdu l-awtonomija ta' dan il-bini storiku.
107 tp bennett

Londra, Renju Unit Richard Beastall, Christopher Bennie, D. Granville Smith, William Soper

Dan il-kunċett jistrieħ fuq aspetti marbutin mal-kostruzzjoni u fuq soluzzjonijiet għall-enerġija innovattiva biex jinħoloq ambjent tax-xogħol xieraq u komdu. L-ambjent pajsaġġistiku huwa inkorporat fil-kunċett ġenerali tad-disinn: il-binjiet baxxi huma mmudellati u mżerżqin biex joħolqu varjetà ta' spazji interessanti. Il-moduli tat-tkabbir għal xi espansjoni li jista' jkun hemm fil-ġejjieni huma integrati tajjeb f'dan il-kunċett fis-sura ta' żewġ torrijiet oħra ta' għoli differenti li jagħtu fuq il-Lbiċ. Il-Grossmarkthalle huwa kkonservat tajjeb.
120 Barkow Leibinger Architekten

Berlin, Ġermanja Regine Leibinger, Frank Barkow

Il-kunċett ta' binja ta' 29 sular fuq in-Nofsinhar tal-Grossmarkthalle, u parallela miegħu, b'fetħiet jew sky cuts joħolqu xbieha b'saħħitha bla ma joħonqu l-Grossmarkthalle. L-ispazji vojta uniċi bejn il-komponenti differenti tal-bini jippermettu li l-volum kbir jirreaġixxi mal-inħawi ta' madwarhom: dawn l-ispazji miftuħin huma ddisinjati bħala ġonna li jissimbolizzaw l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Il-Grossmarkthalle huwa kkonservat tajjeb. Kollox ma' kollox, il-kunċett jidher li jipprometti f'termini ta' disinn.
124 Schneider + Schumacher Architekturgesellschaft mbH

Frankfurt am Main, Ġermanja Till Schneider, Michael Schumacher

Il-bini l-ġdid, torri ċilindriku ta' 25 sular, joħloq sura ta' djalogu mal-Grossmarkthalle, li kemm jista' jkun għandu jkun ikkonservat fl-istat oriġinali tiegħu. Il-moduli ta' tkabbir għal espansjoni li jista' jkun hemm fil-ġejjieni jinħolqu biż-żieda ta' sulari ġodda 'l fuq mill-bini tal-bidu. Fit-torri nnifsu, spazji interessanti bil-ġonna jippermettu kemm postijiet tax-xogħol tal-aqwa kwalità kif ukoll żoni soċjali. Minħabba li ċ-ċilindru huwa kompatt, il-biċċa l-kbira tas-sit mhijiex żviluppata u medda kbira hija ddedikata għall-ħdura.
133 Estudio Lamela Arquitectos

Madrid, Spanja Carlos Lamela de Vargas

Il-bini l-ġdid jinsab bejn il-Grossmarkthalle u Sonnemannstrasse biex jgħaqqad l-inħawi fil-qrib mal-bini tal-BĊE. Għalkemm il-faċċata tat-Tramuntana ma tidhirx minn Sonnemannstrasse, il-kunċett jirrispetta “l-istorja, il-kultura eżistenti u l-memorja kollettiva tagħha”.
140 ASP Schweger Assoziierte

Berlin, Ġermanja

Il-“pont imdendel fl-arja” joħloq kuntrast mal-Grossmarkthalle mingħajr ma joħnoq dan il-bini storiku. Il-Grossmarkthalle jinsab fi stat tajjeb ta' konservazzjoni, għalkemm is-saqaf tiegħu huwa mibdul b’kostruzzjoni tal-ħġieġ. Dan il-kunċett innovattiv joħloq effett tal-għaġeb, bil-binjiet vertikali magħqudin permezz ta' pjan elevat u l-fetħa tad-daħla ewlenija. Il-modulu ta' tkabbir għal espansjoni li tista' ssir fil-ġejjieni jipprevedi torri ieħor.
145 Coop Himmelb(l)au

Vjenna, Awstrija

Dan il-kunċett jgħaqqad l-antik mal-modern b’mod intelliġenti f’forma skulturali. Il-kumpless jiġbor fih tliet elementi bażiċi: il-Grossmarkthalle, “il-binja orizzontali” u żewġ torrijiet poligonali. Fil-proġett preliminari tal-ewwel fażi, il-“binja orizzontali” kienet testendi għal fuq il-mogħdija ma' xatt ix-xmara u taqsam il-Grossmarkthalle. Issa, fit-tieni fażi, tgħaddi b’mod parallel mal-Grossmarkthalle mingħajr ma tmiss il-bini storiku. Il-Grossmarkthalle jservi ta' daħla ewlenija għall-BĊE u fl-istess ħin jilqa' l-pubbliku, u huwa magħqud maż-żewġ torrijiet bl-uffiċċji permezz taċ-ċentru tal-konferenzi li jinsab fil-“binja orizzontali”. Dan il-kunċett huwa konċiż u funzjonali.
152 Frank O. Gehry Associates

Los Angeles, Stati Uniti Frank O. Gehry

Il-ġurija sabet li l-kunċett oriġinali ta' “villaġġ” bi grupp żgħir ta' binjiet max-xmara Main kien tweġiba oriġinali għall-programm partikolari. Saqaf trasparenti jgħatti parti kbira tas-sit biex jifforma sura ta' “umbrella Ewropea”. Il-binjiet nofs għoli joħolqu profil animat mas-sema 'l fuq mis-saqaf. Il-“Grossmarkthalle jirrappreżenta l-faċċata pubblika tal-BĊE” u huwa trattat bħala “oġġett misjub” fi kwadru ta' bwieqi tal-ilma u soqfa trasparenti kbar imżerżqin ħelu ħelu lejn il-bini storiku.
157 54f architekten/T. R. Hamzah & Yeang

Darmstadt, Ġermanja/Selangor, Malasja

Il-kunċett tad-disinn jestendi l-assi urbanistiċi għal ġewwa s-sit u jużahom biex joħloq ambjenti u elementi arkitettoniċi differenti. Żewġ torrijiet differenti jinsabu fin-Nofsinhar tal-Grossmarkthalle biex “isebbħu l-forma eżistenti tal-belt”. Il-kunċett ta’ spazju miftuħ huwa żviluppat sew. Postijiet tax-xogħol tal-aqwa kwalità jqisu l-aspetti tal-enerġija u l-ambjent. Il-kunċett tad-disinn jagħmel użu tajjeb mis-sit u l-proporzjonijiet tal-binjiet il-ġodda ma joħonqux il-Grossmarkthalle. Il-kunċett jintegra sew mal-inħawi ta' madwaru u jinkorpora ħafna mir-rekwiżiti tal-programm funzjonali.
159 Morphisis

Santa Monica, Stati Uniti Thom Mayne

Il-ħolqa vibranti bejn it-torrijiet u l-Grossmarkthalle jirnexxilha tgħaqqad il-kumpless kollu mal-inħawi ta' madwaru. L-erba' binjiet ta' għoli differenti ddisinjati b'mod skulturali huma magħqudin perpendikolarment man-naħa tan-Nofsinhar tal-Grossmarkthalle, bil-bażi fuq pjattaforma b'ambjent pajsaġġistiku, biex jinħoloq “kampus ta' biċċiet integrati flimkien”. Iż-żoni tal-medda għolja u tal-ilma jisseparaw is-sit mill-inħawi urbanistiċi. Dan il-kunċett għandu idea interessanti ta' disinn u jinkorpora bosta aspetti tal-programm funzjonali.
163 Enric Miralles Benedetta Tagliabue

Barċellona, Spanja Benedetta Tagliabue

It-tliet binjiet b'funzjoni unika f'għamla tal-ittra V, li jinsabu fin-Nofsinhar tal-Grossmarkthalle, jingħaqdu fil-livelli t'isfel. Il-kunċett huwa dak “tal-bank bħala s-suq”. Il-post u d-direzzjoni tal-bini jkomplu mal-mogħdija taż-żona ħadra fis-sit. Il-Grossmarkthalle huwa kkonservat għalkollox fl-istruttura u fid-dehra. Il-kunċett jifforma orjentament komprensiv li jirnexxilu jintegra l-ambjent tal-pajsaġġ, il-Grossmarkthalle u l-inħawi ta' madwarhom.
168 KHR arktekter AS Virum

Danimarka Peter Leuchsenring

Din l-għamla b'saqaf ċatt titqies modesta u sofistikata fl-istess ħin u tgħaqqad flimkien il-bini l-ġdid mal-Grossmarkthalle. L-“envelopp Ewropew” huwa magħmul minn saqaf tal-ħġieġ u faċċata li tgħatti l-Grossmarkthalle u l-binjiet baxxi tal-uffiċċji; il-bini l-ġdid joħloq kuntrast mal-bini għoli tad-distrett finanzjarju ta' Frankfurt. Il-kunċett tal-ambjent pajsaġġistiku jippermetti bosta rabtiet bejn l-ispazji esterni u interni u fl-istess ħin jiftaħ għal fuq ix-xmara. Il-kunċett huwa wieħed ta' trasparenza “mingħajr ostakli bejn in-naħa ta' ġewwa u n-naħa ta' barra”.

Materjal li jista’ jitniżżel

Ir-rebbieħa

Fi Frar 2004 ġurija internazzjonali għażlet tliet disinji rebbieħa fost id-disinji mibgħuta fit-tieni fażi tal-kompetizzjoni.

It-tliet disinji rebbieħa

Fit-13 ta' Frar 2004 ġurija internazzjonali, ippreseduta mill-Viċi President tal-BĊE Lucas Papademos, għażlet it-tliet disinji rebbieħa tal-kompetizzjoni internazzjonali tal-ippjanar urbanistiku u d-disinn arkitettoniku għall-bini l-ġdid tal-BĊE fi Frankfurt am Main, il-Ġermanja. B'hekk intemmet it-tieni u l-aħħar fażi tal-kompetizzjoni tad-disinn. Il-premjijiet ingħataw hekk:

L-ewwel premju: Coop Himmelb(l)au, Vjenna, Awstrija

Coop Himmelblau

Dan il-kunċett jgħaqqad l-antik mal-modern b’mod intelliġenti f’forma skulturali. Il-kumpless jiġbor fih tliet elementi bażiċi: il-Grossmarkthalle, “il-binja orizzontali” u żewġ torrijiet poligonali. Fil-proġett preliminari tal-ewwel fażi, il-“binja orizzontali” kienet testendi għal fuq il-mogħdija ma' xatt ix-xmara u taqsam il-Grossmarkthalle. Issa, fit-tieni fażi, tgħaddi b’mod parallel mal-Grossmarkthalle mingħajr ma tmiss il-bini storiku. Il-Grossmarkthalle jservi ta' daħla ewlenija għall-BĊE u fl-istess ħin jilqa' l-pubbliku, u huwa magħqud maż-żewġ torrijiet bl-uffiċċji permezz taċ-ċentru tal-konferenzi li jinsab fil-“binja orizzontali”. Dan il-kunċett huwa konċiż u funzjonali.

It-tieni premju: ASP Schweger Assoziierte, Berlin, Ġermanja;

ASP Schweger Assoziierte

Il-“pont imdendel fl-arja” joħloq kuntrast mal-Grossmarkthalle mingħajr ma joħnoq dan il-bini storiku. Il-Grossmarkthalle jinsab fi stat tajjeb ta' konservazzjoni, għalkemm is-saqaf irid jiġi mibdul b’kostruzzjoni tal-ħġieġ. Dan il-kunċett innovattiv joħloq effett tal-għaġeb, bil-binjiet vertikali magħqudin permezz ta' pjan elevat u l-fetħa tad-daħla ewlenija. Il-modulu ta' tkabbir għal espansjoni li tista' ssir fil-ġejjieni jipprevedi torri ieħor.

It-tielet premju: 54f architekten/T. R. Hamzah & Yeang, Darmstadt, Ġermanja/Selangor, Malasja.

54f architekten

Il-kunċett tad-disinn jestendi l-assi urbanistiċi għal ġewwa s-sit, u jużahom biex joħloq il-pajsaġġ u l-elementi arkitettoniċi differenti. Żewġ torrijiet b'għoli differenti jinsabu fin-Nofsinhar tal-Grossmarkthalle biex “isebbħu l-għamla eżistenti tal-belt”. Il-kunċett ta’ spazju miftuħ huwa żviluppat sew. Postijiet tax-xogħol tal-aqwa kwalità jqisu l-aspetti tal-enerġija u l-ambjent. Il-kunċett tad-disinn jagħmel użu tajjeb mis-sit u l-proporzjonijiet tal-binjiet ġodda ma joħonqux il-Grossmarkthalle. Il-kunċett jintegra sew mal-inħawi ta' madwaru u jinkorpora ħafna mir-rekwiżiti tal-programm funzjonali.

Tagħrif ieħor u materjal li jista' jitniżżel

Fażi ta' reviżjoni u deċiżjoni finali

Fit-18 ta' Marzu 2004 il-Kunsill Governattiv tal-BĊE ddeċieda li jistieden lit-tliet rebbieħa tal-kompetizzjoni biex jieħdu sehem f'fażi ta' reviżjoni, li tathom l-opportunità jirrevedu l-proposti tad-disinn tagħhom u jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet u r-rekwiżiti tal-ġurija, tal-BĊE u tal-Belt ta' Frankfurt am Main. Għalhekk din il-fażi tmexxiet b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Belt ta' Frankfurt.

Fit-13 ta' Jannar 2005 il-Kunsill Governattiv ħa deċiżjoni dwar l-għażla tad-disinn għall-bini l-ġdid tal-BĊE. Wara diskussjonijiet twal u evalwazzjoni bir-reqqa, skont il-kriterji tal-għażla, tal-preġji u n-nuqqasijiet tat-tliet disinji rebbieħa, il-Kunsill Governattiv ikkonkluda li l-kunċett tad-disinn rivedut ta' COOP HIMMELB(L)AU kien dak li jissodisfa bl-aħjar mod ir-rekwiżiti funzjonali u tekniċi tal-BĊE, u kellu l-karatteristiċi li jirriflettu l-valuri tal-BĊE tradotti f’lingwa arkitettonika. Din id-deċiżjoni kkonfermat il-ġudizzju tal-ġurija internazzjonali li kienet tat l-ewwel premju lil dan id-disinn.

Tagħrif ieħor

  • Il-BĊE jagħżel il-parteċipanti tal-fażi ta' reviżjoni tal-proġett “Il-Bini l-Ġdid tal-BĊE” Press release
  • Il-Kunsill Governattiv jiddeċiedi dwar id-disinn għall-bini l-ġdid tal-BĊE Press release