Kompetizzjoni tad-disinn arkitettoniku

Fl-2002 il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) nieda kompetizzjoni internazzjonali ta’ ppjanar urbanistiku u disinn arkitettoniku għall-bini l-ġdid tiegħu. L-għan tal-kompetizzjoni kien l-identifikazzjoni tal-aħjar kunċetti ta' disinn għall-bini futur tal-BĊE u l-għażla ta' arkitett għall-ippjanar dettaljat tal-bini l-ġdid u, possibilment, għall-implimentazzjoni tal-proġett.

Il-bini l-ġdid kellu jinbena fuq is-sit tal-Grossmarkthalle (dik li qabel kienet il-pitkalija ta' Frankfurt), medda ta' 120,000 m2 qrib ix-xmara fil-Lvant ta’ Frankfurt am Main. Il-BĊE xtara s-sit mingħand il-Belt ta' Frankfurt f'Marzu 2002 bil-ħsieb li jibni kwartieri li mhux biss kellhom jissodisfaw il-ħtiġijiet funzjonali tiegħu, iżda li kellhom ukoll jużaw b'mod innovattiv is-sala tal-pitkalija l-qadima li kienet parti integrali mis-sit. Il-kunċetti tad-disinn għall-bini l-ġdid kellhom ikunu bbażati fuq medda utilizzabbli ta' madwar 100,000 m2 li setgħet takkomoda 2,500 post tax-xogħol, faċilitajiet speċjali, wisa' għall-parkeġġ u postijiet tekniċi.

Il-kompetizzjoni kellha diversi fażijiet. Fil-bidu waslu applikazzjonijiet mingħand aktar minn 300 arkitett minn 31 pajjiż u erba' kontinenti. Wara l-fażi tal-għażla preliminari, 80 arkitett u disinjatur ingħataw id-dokumenti u l-linji gwida tal-kompetizzjoni u ntalbu jissottomettu kunċett ta' disinn għall-ewwel fażi tal-kompetizzjoni bla ma juru isimhom. Id-disinji li ntbagħtu ġew iġġudikati minn ġurija internazzjonali, li qablet fuq lista finali ta' 12-il kandidat għat-tieni fażi tal-kompetizzjoni.

Fl-aħħar laqgħa l-ġurija għażlet tliet disinji rebbieħa:

L-ewwel premju: Coop Himmelb(l)au, Vjenna, Awstrija It-tieni premju: ASP Schweger Assoziierte, Berlin, Ġermanja It-tielet premju: 54f architekten/T. R. Hamzah & Yeang, Darmstadt, Ġermanja/Selangor, Malasja
Coop Himmelblau ASP Schweger Assoziierte 54f architekten

It-tliet rebbieħa ġew mistiedna mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE jieħdu sehem f'fażi ta' reviżjoni, li fiha kellhom l-opportunità jirfinaw id-disinji tagħhom. Fit-13 ta' Jannar 2005 il-Kunsill Governattiv ikkonkluda li l-kunċett tad-disinn rivedut ta' Coop Himmelb(l)au kien dak li jissodisfa bl-aħjar mod ir-rekwiżiti funzjonali u tekniċi tal-BĊE, u li kellu l-karatteristiċi li jirriflettu l-valuri tal-BĊE tradotti f’lingwa arkitettonika. Fl-istess ħin, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jniedi fażi ta' titjib biex ir-rekwiżiti funzjonali, tekniċi u ta' spazju jiġu eżaminati mill-ġdid sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż u jiġi żgurat li r-riżorsi jintużaw bl-aħjar mod.