Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)
April 2022
19 ta’ April 2022
Operazzjonijiet tas-suq
Linji ta' likwidità tal-euro ma' banek ċentrali mhux taż-żona tal-euro
Fit-28 ta’ Marzu 2022 il-BĊE ħabbar estensjoni ta’ linji repo temporanji eżistenti ma’ banek ċentrali mhux fiż-żona tal-euro sal-15 ta’ Jannar 2023 wara talbiet li waslu mill-banek ċentrali tal-Ungerija, l-Albanija, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq u r-Repubblika ta’ San Marino. Ħabbar ukoll it-twaqqif ta’ linja swap ġdida bejn il-BĊE u Narodowy Bank Polsk. Stqarrija għall-istampa dwar dan tinsab fil-websajt tal-BĊE.
Aġġustamenti fid-distribuzzjoni tal-limitu aggregat tal-Eurosistema għas-self tat-titoli kontra kollateral fi flus kontanti bejn il-banek ċentrali nazzjonali (BĊN) u l-BĊE
Fil-31 ta’ Marzu 2022 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jalloka mill-ġdid il-limitu aggregat tal-Eurosistema ta’ €150 biljun għal self ta’ titoli kontra kollateral fi flus bejn il-BĊN u l-BĊE, abbażi ta’ taħlita ta’ użu fil-passat ta’ faċilitajiet ta’ self ta’ titoli u ishma tal-membri tal-Eurosistema f’investimenti akkwistati taħt il-programm ta' xiri ta' assi/programm ta' xiri tal-emerġenza pandemika. Informazzjoni relatata hija aġġornata kif xieraq fuq il-paġni tas-self tat-titoli tal-websajt tal-BĊE.
Politika makroprudenzjali u stabbiltà finanzjarja
Rapport dwar l-integrazzjoni u l-istruttura finanzjarja fiż-żona tal-euro
Fl-1 ta’ April 2022 il-Kunsill Governattiv approva rapport bit-titlu “Integrazzjoni u Struttura Finanzjarja fiż-Żona tal-Euro” u awtorizza l-pubblikazzjoni tiegħu. Din hija t-tieni edizzjoni ta’ din il-pubblikazzjoni biennali, li tiffoka fuq l-integrazzjoni finanzjarja, il-bidliet fl-istruttura finanzjarja u l-proċess ta’ żvilupp u modernizzazzjoni finanzjarja. Jiddiskuti wkoll politiki magħżula tas-settur finanzjarju, notevolment dawk relatati mal-unjoni bankarja Ewropea u l-unjoni tas-swieq kapitali. Ir-rapport u l-istqarrija għall-istampa relatata huma disponibbli fuq il-websajt tal-BĊE.
Opinjonijiet fuq leġiżlazzjoni
Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal regolament li jemenda r-Regolament (UE) Nru 549/2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea
Fil-25 ta’ Marzu 2022 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2022/12 wara talba tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Opinjoni tal-BĊE dwar awtorizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu sabiex jipprovdu servizzi ta’ finanzjament kollettiv fil-Bulgarija
Fit-28 ta’ Marzu 2022 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2022/13 wara talba tal-Ministru tal-Finanzi Bulgaru.
Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà fl-Unjoni Ewropea, li tħassar id-Direttiva (UE) 2016/1148
Fl-11 ta' April 2022 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2022/14.
Governanza korporattiva
Rakkomandazzjoni lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Lietuvos bankas
Fid-29 ta’ Marzu 2022 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2022/15 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni ta’ Lietuvos bankas.
Rakkomandazzjoni lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni ta’ Národná banka Slovenska
Fil-5 ta’ April 2022 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2022/16 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni ta’ Národná banka Slovenska.
Superviżjoni Bankarja tal-BĊE
Politika aġġornata tal-BĊE dwar opzjonijiet u diskrezzjonijiet superviżorji
Fil-25 ta’ Marzu 2022 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jiġu adottati aġġornamenti għall-politiki li jiddeskrivu kif il-BĊE jeżerċita l-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet meta jissorvelja l-banek. Ir-reviżjonijiet isegwu konsultazzjoni pubblika li ntemmet fit-30 ta’ Awwissu 2021. Il-politiki aġġornati huma stabbiliti f'erba' strumenti: (i) Gwida tal-BĊE li jkun fiha gwida ta' politika għal Timijiet Superviżorji Konġunti meta jeżerċitaw opjonijiet u diskrezzjonijiet fuq bażi ta' każ b'każ fir-rigward ta' istituzzjonijiet sinifikanti; (ii) ir-Regolament BĊE/2022/14 li jemenda r-Regolament BĊE/2016/4 dwar l-eżerċizzju ta’ opzjonijiet u diskrezzjonijiet disponibbli fil-liġi tal-Unjoni; (iii) ir-Rakkomandazzjoni BĊE/2022/13 li temenda r-Rakkomandazzjoni BĊE/2017/10 dwar speċifikazzjonijiet komuni għall-mod kif għandhom jiġu eżerċitati ċerti opzjonijiet u diskrezzjonijiet disponibbli fil-liġi tal-Unjoni Ewropea mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fir-rigward ta’ istituzzjonijiet inqas sinifikanti; u (iv) il-Linja Gwida BĊE/2022/12 li temenda l-Linja Gwida (UE) 2017/9 tal-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-mod kif jiġu eżerċitati l-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet disponibbli fil-liġi tal-Unjoni Ewropea minn awtoritajiet nazzjonali kompetenti fir-rigward ta’ istituzzjonijiet inqas sinifikanti. L-istqarrija għall-istampa relatata tinsab fis-sit tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.
Ittra lill-banek dwar finanzi ingranati
Fit-28 ta’ Marzu 2022 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex tiġi indirizzata ittra lis-CEOs ta’ istituzzjonijiet sinifikanti bit-titlu “Tranżazzjonijiet ingranati – aspettattivi superviżorji rigward it-tfassil u l-funzjonament tal-oqfsa tal-aptit għar-riskju u livelli għoljin ta’ teħid ta’ riskju” u għall-pubblikazzjoni tagħha. L-ittra tinsab fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.
Konformità mal-Linji Gwida tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) dwar metodoloġija ta' valutazzjoni komuni għall-għoti ta' awtorizzazzjoni bħala istituzzjoni ta' kreditu taħt l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 2013/36/UE (EBA/GL/2021/12)
Fis-6 ta’ April 2022 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jinnotifika lill-EBA li l-BĊE se jikkonforma mal-Linji Gwida tal-EBA dwar metodoloġija ta’ valutazzjoni komuni għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni bħala istituzzjoni ta’ kreditu skont l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 2013/36/UE (EBA/GL/2021/12). Il-konformità tal-BĊE hija ddikjarata fil-limitu ta', u mingħajr preġudizzju għal, dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2013/36/UE, u fil-konfini tal-mandat superviżorju prudenzjali tal-BĊE, kif iddefinit fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 Ottubru 2013 li tagħti kompiti speċifiċi lill-BĊE dwar politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Fejn il-proċeduri previsti f’dawn il-Linji Gwida jirrelataw ma’ kompiti superviżorji mhux ikkonferiti lill-BĊE, id-deċiżjonijiet tal-BĊE jista’ jkollhom bżonn jiddependu fuq konstatazzjonijiet u valutazzjonijiet ipprovduti lill-BĊE minn awtoritajiet oħra.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja