Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Ottubru 2021

29 ta’ Ottubru 2021

Operazzjonijiet tas-suq

Proċeduri għal istituzzjonijiet ta’ kreditu għan-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżit biex jinżammu riżervi minimi u rekwiżiti relatati tar-riżervi minimi

Fis-7 ta’ Ottubru 2021 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2021/45 dwar il-metodoloġija applikata għall-kalkolu ta’ sanzjonijiet għan-nuqqas ta' konformità mar-rekwiżit biex jinżammu riżervi minimi u rekwiżiti relatati tar-riżervi minimi u r-Regolament BĊE/2021/46 li jemenda r-Regolament Nru 2157/1999 (KE) dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet. Iż-żewġ atti legali daħlu fis-seħħ fit-3 ta’ Novembru 2021. Bil-ħsieb li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u t-trasparenza, l-atti legali jinfurmaw lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu bil-formula u l-metodu applikat mill-BĊE (Anness II tad-Deċiżjoni BĊE/2021/45) meta jikkalkola s-sanzjonijiet imposti bis-saħħa tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 2531/98 għal nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżit li jiġi nnotifikat il-bank ċentrali nazzjonali rilevanti dwar kwalunkwe restrizzjoni li tipprevjeni istituzzjoni milli tillikwida, tittrasferixxi, tassenja jew tiddisponi mill-fondi tagħha miżmuma f’riżerva minima. Il-formula għall-kalkolu tas-sanzjonijiet għan-nuqqas li jinżamm il-livell meħtieġ ta’ riżervi minimi (issa fl-Anness I tad-Deċiżjoni BĊE/2021/45) kienet oriġinarjament speċifikata fl-Avviż 2000/C 39/04 dwar l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet għal ksur tal-obbligu li jinżammu riżervi minimi. Bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni u r-Regolament, l-Avviż ta’ hawn fuq ġie rtirat bl-Avviż 2021/C 418/04 u l-kontenut tiegħu u l-bidliet korrispondenti ġew introdotti fid-Deċiżjoni BĊE/2021/45.

Infrastruttura tas-swieq u ħlasijiet

Emendi tekniċi għall-qafas legali tat-TARGET2-Securities (T2S).

Fit-30 ta’ Settembru 2021 il-Kunsill Governattiv ħa nota tar-reviżjonijiet relatati mal-Iskedi 6 tal-Ftehim Qafas T2S u l-Ftehim tal-Parteċipazzjoni fil-Munita T2S. L-Iskedi 6 ta’ dawn id-dokumenti jistabbilixxu l-ftehim dwar il-livell ta’ servizz (SLA), li jiddefinixxi b’mod partikolari (i) il-livelli ta’ servizz li taħthom l-Eurosistema għandha tipprovdi s-servizzi T2S lid-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli parteċipanti u lill-banek ċentrali konnessi barra ż-żona tal-euro, u (ii) l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni. L-emendi ġew attivati bħala parti mill-proċess ta’ reviżjoni regolari SLA.

Ir-rapport dwar il-frodi bil-kards 2015-2019

Fl-14 ta’ Ottubru 2021 il-Kunsill Governattiv ħa nota tas-seba’ rapport dwar il-frodi bil-kards u awtorizza l-pubblikazzjoni tiegħu fis-sit web tal-BĊE. Ir-rapport janalizza x-xejriet fil-frodi bil-kard, u jiffoka fuq id-dejta tal-2019 fil-kuntest ġenerali ta’ perjodu ta’ ħames snin mill-2015 sal-2019, maqsum skont il-pajjiż taż-Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro (SEPA). Ir-rapport juri li, filwaqt li l-valur totali tat-tranżazzjonijiet frawdolenti li jużaw kards maħruġa fi ħdan is-SEPA żdied bejn l-2018 u l-2019, f’termini relattivi l-frodi bħala sehem mill-valur totali tat-tranżazzjonijiet bil-kards naqset u baqgħet qrib il-livell baxx osservat fl-2017. Bħas-snin ta’ qabel, il-maġġoranza tat-tranżazzjonijiet ta’ kards frawdolenti fl-2019 twettqu mill-bogħod, bil-posta, bit-telefown jew onlajn. Ir-rapport jinsab fis-sit web tal-BĊE.

Opinjonijiet fuq leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar liġi li tippromulga mill-ġdid il-Liġi Federali dwar l-istabbiliment ta’ Kunsill Konsultattiv Fiskali u li tistabbilixxi Bord tal-Produttività fl-Awstrija

Fis-6 ta’ Ottubru 2021 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2021/29 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi Federali tal-Awstrija.

Governanza korporattiva

Aġġornament tal-politika tal-pubblikazzjoni tal-opinjonijiet tal-Kumitat tal-Etika dwar attivitajiet ta’ wara l-impjieg ta’ uffiċjali għoljin tal-BĊE

Fis-27 ta’ Settembru 2021 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jestendi l-ambitu tal-pubblikazzjoni proattiva tal-BĊE, mibdija f’Lulju 2020, ta’ opinjonijiet maħruġa mill-Kumitat tal-Etika bl-applikazzjoni tal-Artikolu 17 (regoli ta’ wara l-impjieg) tal-Kodiċi ta’ Kondotta għal Uffiċjali għoljin tal-BĊE 2019/C 89/03, biex jinkludu wkoll opinjonijiet dwar eks uffiċjali għoljin tal-BĊE li l-mandat tagħhom kien intemm qabel Lulju 2020.

Rakkomandazzjoni lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni ta’ Central Bank of Ireland

Fit-29 ta’ Settembru 2021 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2021/44 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fuq l-awdituri esterni tal-Bank Ċentrali tal-Irlanda.

Statistika

Linja Gwida BĊE/2021/47 li temenda l-proċeduri għall-ġbir tal-mikrodejta u tar-riskju tal-kreditu

Fis-7 ta' Ottubru 2021 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2021/47 li temenda l-Linja Gwida (UE) 2017/2335 dwar il-proċeduri għall-ġbir ta' mikrodejta dwar il-kreditu u r-riskju tal-kreditu . L-emendi jipprovdu lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema b’aktar dettalji dwar it-tipi u l-frekwenzi ta’ reviżjonijiet tad-dejta tal-kreditu u d-dejta ta’ referenza tal-kontroparti li għandhom jiġu trażmessi lill-BĊE u jiċċaraw l-informazzjoni dwar il-format ta’ trażmissjoni elettronika armonizzata tal-informazzjoni statistika rrappurtata lill-BĊE.

Superviżjoni Bankarja tal-BĊE

Konformità mal-Linji Gwida tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) dwar il-kriterji għall-użu tad-dħul tad-dejta fil-mudell tal-kejl tar-riskju

Fis-6 ta’ Ottubru 2021 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jinnotifika lill-EBA li għall-istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tiegħu, il-BĊE se jikkonforma mal-Linji Gwida tal-EBA dwar kriterji għall-użu ta’ dħul ta’ dejta fil-mudell tal-kejl ta’ riskju msemmi fl-Artikolu 325bc tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 (EBA/GL/2021/07). Il-Linji Gwida tal-EBA huma parti mill-implimentazzjoni tal-UE tal-Approċċ tal-Mudell Intern fir-rigward tar-riskju tas-suq, kif żviluppat fir-reviżjoni fundamentali tal-ktieb tan-negozju tal-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja. Huma għandhom l-għan li jiżguraw li d-dejta tkun preċiża, xierqa, aġġornata ta’ spiss u kompluta. Il-Linji Gwida tal-EBA japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2022.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja