Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Marzu 2021

26 ta’ Marzu 2021

Komunikazzjoni esterna

Kontijiet Annwali tal-BĊE 2020

Fl-24 ta’ Marzu 2021 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rapport Annwali tal-BĊE 2020, li se jiġi ppreżentat lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament Ewropew u li hu disponibbli fil-websajt tal-BĊE fit-22 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-14 ta’ April 2021.

Politika monetarja

Konformità tal-banek ċentrali mal-projbizzjonijiet dwar il-finanzjament monetarju u l-aċċess privileġġat

Fl-24 ta’ Marzu 2021, skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFEU), li jassenja lill-BĊE l-kompitu tas-sorveljanza tal-konformità tal-banek ċentrali tal-UE mal-projbizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 123 u 124 tat-TFEU u r-Regolamenti relatati, il-Kunsill Governattiv approva r-rapport dwar il-konformità li jkopri s-sena 2020. Tagħrif ieħor dwar dan se jkun disponibbli f’taqsima speċifika tar-Rapport Annwali tal-BĊE 2020 li se jiġi pubblikat fil-websajt tal-BĊE fl-14 ta’ April 2021.

Operazzjonijiet tas-suq

Kjarifika tal-kriterji ta' eliġibbiltà tal-kollateral applikati għal bonds marbuta mas-sostenibbiltà

Fis-17 ta’ Frar 2021 il-Kunsill Governattiv iċċara li l-Eurosistema tapplika approċċ ta’ grupp ta’ emittenti u tippermetti li jintlaħqu l-miri ta’ sostenibbiltà minn entità waħda jew entitajiet multipli sakemm l-entitajiet kollha jappartjenu għal grupp wieħed ta’ emittenti ta’ bonds marbuta mas-sostenibbiltà. Din il-kjarifika hija riflessa fil-Mistoqsijiet komuni dwar il-bonds marbuta mas-sostenibbiltà fil-websajt tal-BĊE.

Riformulazzjoni tal-Linja Gwida dwar il-forniment ta' servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi f'euro mill-Eurosistema

Fis-17 ta’ Marzu 2021 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2021/9 dwar il-forniment ta' servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi f'euro mill-Eurosistema lill-banek ċentrali u pajjiżi li jinsabu barra ż-żona tal-euro u lil organizzazzjonijiet internazzjonali u li tħassar il-Linja Gwida (UE) 2020/1284 tal-Bank Ċentrali Ewropew. Il-Linja Gwida mħassra (UE) 2020/1284 (BĊE/2020/34) ipprovdiet li l-banek ċentrali tal-Eurosistema kellhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tagħha li kellhom l-għan li jżidu aktar it-trasparenza fir-rappurtar u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni fl-Eurosistema mill-1 ta’ April 2021. Il-Linja Gwida riformulata tistabbilixxi skadenza ġdida għall-konformità b'effett mill-1 ta’ Lulju 2021 u għandha l-għan li tiżgura, inter alia, li s-servizzi tal-ġestjoni tar-riżervi tal-Eurosistema jiġu pprovduti fuq bażi standardizzata taħt termini u kundizzjonijiet armonizzati.

Opinjonijiet fuq leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal Regolament dwar is-Swieq għal Kriptoassi, u li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937

Fid-19 ta’ Frar 2021 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2021/4 wara talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-protezzjoni tal-euro kontra l-kontrafazzjoni fl-Irlanda

Fid-23 ta’ Frar 2021 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2015/5 wara talba tal-Ministru tal-Finanzi tal-Irlanda.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-parteċipazzjoni tal-Fond Elleniku għall-Istabbiltà Finanzjarja f’żidiet fil-kapital tal-istituzzjonijiet tal-kreditu għal finijiet minbarra r-rikapitalizzazzjoni prekawzjonarja jew riżoluzzjoni

Fil-25 ta’ Frar 2021 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2021/6 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi Grieg.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-obligazzjoni u l-awditjar tal-awtorità nazzjonali superviżorja, l-istabbiliment ta’ istituzzjonijiet żgħar tal-kreditu, u rekwiżiti dwar detenturi ta’ funzjonijiet ewlenin ta’ istituzzjonijiet tal-kreditu fl-Estonja

Fit-26 ta’ Frar 2021 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2021/7 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika tal-Estonja.

Opinjoni tal-BĊE dwar is-superviżjoni tal-arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni konklużi ma’ istituzzjonijiet tal-kreditu fil-Ġermanja

Fis-26 ta’ Frar 2021 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2021/8 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi Ġermaniż.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-riforma tal-Latvijas Banka

Fis-26 ta’ Frar 2021 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2021/9 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi tal-Latvja.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-awditjar ta’ data minn gruppi ta’ intrapriżi multinazzjonali biex tiġi żgurata l-kwalità tal-kontijiet nazzjonali u l-istatistika ekonomika fil-Ġermanja

Fit-12 ta' Marzu 2021 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2021/10 wara talba tal-Ministeru Federali tal-Ekonomija u t-Teknoloġija tal-Ġermanja.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-rekwiżiti operattivi u tekniċi u t-termini u kundizzjonijiet ġenerali għal operaturi ta’ sistemi ta’ ħlas fl-Ungerija

Fis-17 ta’ Marzu 2021, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2021/11 wara talba minn Magyar Nemzeti Bank.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-mandat u l-kompiti tal-Magyar Nemzeti Bank relatati mas-sostenibbiltà ambjentali

Fid-19 ta’ Marzu 2021 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2021/12 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi Ungeriż.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-ħolqien ta’ qasam ta’ trasparenza għal kuntratti u dokumenti relatati li jinvolvu l-użu ta’ fondi pubbliċi fil-Portugall

Fit-23 ta’ Lulju 2021 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2021/13 wara talba mill-Assemblea tar-Repubblika Portugiża.

Governanza korporattiva

Trasferiment tas-segretarjat tal-grupp ta’ ħidma dwar ir-rati mingħajr riskju tal-euro

Fl-4 ta’ Marzu 2021 il-Kunsill Governattiv ħa nota tat-trasferiment tas-segretarjat tal-grupp ta’ ħidma dwar ir-rati mingħajr riskju tal-euro lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA). Il-BĊE li pprovda sa issa s-segretarjat, għandu jibqa’ bħala osservatur. Il-grupp ta’ ħidma ġie stabbilit fl-2018 mill-BĊE, l- ESMA, il-Kummissjoni Ewropea u l-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji u s-Swieq Belġjani biex imexxu l-isforzi ta’ riforma tal-parametri referenzjarji f’konformità mar-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji tal-UE u r-rakkomandazzjonijiet tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja. Fid-dawl tat-tlestija tal-mandat tal-grupp ta’ ħidma u fir-rigward tal-kompetenzi tal-ESMA skont ir-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji tal-UE u r-rwol tagħha bħala superviżur tal-EURIBOR mill-1 ta’ Jannar 2022, l- ESMA se tmexxi s-segretarjat matul it-tieni trimestru tal-2021.

Membru ġdid tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Swieq

Fit-12 ta’ Marzu 2021 il-Kunsill Governattiv ħatar lis-Sinjura Petia Niederländer, Direttur tal-Ħlasijiet, il-Ġestjoni tar-Riskju u l-Litteriżmu Finanzjarju fl-Oesterreichische Nationalbank (OeNB), bħala membru tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq, b'effett immedjat sal-31 ta' Mejju 2022. Is-Sinjura Niederländer tieħu post is-Sur Stefan Augustin, li qed jirtira mill-OeNB.

Statistika

Pubblikazzjoni ta’ rati komposti u indiċi bbażati fuq valuri storiċi tar-rata ta' euro għal żmien qasir

Fis-17 ta’ Marzu 2021 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja ta’ Gwida BĊE/2021/10 li temenda l-Linja Gwida (UE) 2019/1265 dwar ir-rata tal-euro għal żmien qasir (€STR) u approva l-pubblikazzjoni ta’ kuljum tar-rati u indiċi medji tal-€SRT f’kull jum ta’ negozju TARGET2 fid-9:15am CET mill-15 ta’ April 2021. Barra minn hekk, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jippubblika r-regoli tal-kalkolu u l-pubblikazzjoni tar-rati u l-indiċi medji komposti tal-€STR, u l-emenda relatata tal-metodoloġija u l-politiki ta’ €STR. Il-pubblikazzjoni ta’ rati komposti bbażati fuq valuri storiċi ta’ €STR tikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tar-riskju sistemiku f’xenarji ta’ waqfien tal-parametru referenzjarju, filwaqt li tippromwovi użu aktar wiesa’ tal-€STR u trawwem konsistenza fost l-oqsma tal-munita maġġuri fl-għażliet alternattivi disponibbli għall-parteċipanti fis-suq. L-istqarrija għall-istampa dwar din id-deċiżjoni tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Superviżjoni bankarja

Gwida pubblika għall-metodu ta’ kif jiġu stabbiliti penali pekunarji amministrattivi

Fit-22 ta’ Frar 2021 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju li jippubblika gwida dwar il-metodu tat-twaqqif ta’ pieni pekunarji amministrattivi. Id-dokument jiddeskrivi l-prinċipji u l-metodi għall-kalkolu tal-penali użati biex jissanzjonaw il-banek għal ksur tar-rekwiżiti prudenzjali u jimmarka pass ieħor 'il quddiem fit-trasparenza tal-politiki u l-prattiki superviżorji tal-BĊE. Il-gwida u l-istqarrija għall-istampa relatata huma disponibbli fuq il-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Deċiżjoni tal-BĊE dwar ir-rappurtar ta’ pjanijiet ta' finanzjament ta’ istituzzjonijiet ta' kreditu

Fl-1 ta’ Marzu 2021 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex tiġi adottata d-Deċiżjoni (UE) 2021/432 (BĊE/2021/7) li temenda d-Deċiżjoni UE/2017/1198 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-27 ta’ Ġunju 2017 dwar ir-rappurtar ta’ pjanijiet ta’ finanzjament ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali lill-Bank Ċentrali Ewropew. L-emendi jallinjaw ir-rappurtar lill-BĊE mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u jiżguraw konformità mad-definizzjonijiet armonizzati l-aktar reċenti u mudelli inklużi fil-linji gwida relatati tal-Awtorità Bankarja Ewropea.

Rapport Annwali tal-BĊE dwar l-attivitajiet superviżorji 2020

Fid-9 ta’ Marzu 2015 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rapport Annwali tal-BĊE dwar l-attivitajiet superviżorji 2020 u awtorizza l-pubblikazzjoni u t-trażmissjoni tiegħu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Eurogrupp u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti. Ir-rapport ġie ppubblikat fuq il-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE fit-23 ta’ Marzu 2021, il-jum li fih ġie ppreżentat lill-Parlament Ewropew mill-President tal-BordSuperviżorju.

Deċiżjoni tal-BĊE fuq l-ammont totali ta' tariffi superviżorji annwali li għandhom jinġabru għall-2020

Fit-12 ta’ Marzu 2021 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex tiġi adottata d-Deċiżjoni (UE) 2021/490 (BĊE/2021/8) dwar l-ammont totali ta’ tariffi superviżorji annwali għall-2020. Bil-bidu jkun il-perjodu tariffarju tal-2020, il-BĊE m’għadux jeħtieġ ħlas bil-quddiem tat-tariffi superviżorji annwali. Dawn jinġabru biss wara t-tmiem tal-perjodu tariffarju rilevanti meta jkunu ġew iddeterminati l-ispejjeż annwali attwali. L-ammont totali tat-tariffi superviżorji annwali għall-2020 kien ta’ EUR 514 314 706. Id-deċiżjoni u l-istqarrija għall-istampa relatata huma disponibbli fuq il-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja