Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)
Diċembru 2020
11 ta’ Diċembru 2020
Politika monetarja
Kalibrazzjoni mill-ġdid ta’ strumenti tal-politika monetarja
Fl-10 ta’ Diċembru 2020 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jikkalibra mill-ġdid l-istrumenti tal-politika monetarja tal-BĊE biex jikkontribwixxi għall-preservazzjoni ta’ kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli matul il-perjodu tal-pandemija, u b’hekk jappoġġja l-fluss ta’ kreditu lis-setturi kollha tal-ekonomija, isostni l-attività ekonomika u jissalvagwardja l-istabbiltà tal-prezzijiet fuq żmien medju. Informazzjoni aktar dettaljata dwar id-deċiżjonijiet tista’ tinstab fl-istqarrijiet għall-istampa relatati disponibbli fuq il-websajt tal-BĊE.
Operazzjonijiet tas-suq
Titjib tal-qafas ta’ komunikazzjoni għal-linji ta’ likwidità tal-euro
Fit-3 ta’ Diċembru 2020 il-Kunsill Governattiv approva qafas ta’ komunikazzjoni mtejjeb għal-linji ta’ likwidità tal-euro pprovduti mill-Eurosistema. L-informazzjoni ġenerali eżistenti dwar il-linji ta’ likwidità tal-euro se tkun ikkonsolidata u ppubblikata f’subtaqsima apposta fuq il-websajt tal-BĊE bil-ħsieb li ttejjeb it-trasparenza, il-konsistenza u l-faċilità ta’ aċċess għad-dettalji rilevanti. Is-subtaqsima l-ġdida se jkollha introduzzjoni qasira dwar ir-raġuni għal-linji ta’ likwidità tal-euro u l-qafas li taħtu huma pprovduti. Se tinkludi wkoll elementi operattivi differenti li huma diġà disponibbli għall-pubbliku, kif ukoll il-ġbid pendenti aggregat taħt il-linji kollha, li se jiġu rrilaxxati fuq bażi ta’ kull ġimgħa.
Espansjoni ulterjuri ta’ oqfsa addizzjonali ta' klejms ta’ kreditu b’reazzjoni għall-pandemija tal-koronavirus (COVID-19)
Fis-27 ta’ Novembru 2020, il-Kunsill Governattiv approva talbiet minn żewġ banek ċentrali nazzjonali (BĊN) biex jinħolqu oqfsa addizzjonali temporanji għal kreditu ġodda (ACC) u approva ukoll bidliet fl-oqfsa tal-ACC eżistenti ta’ sitt BĊN oħra. L-oqfsa tal-ACC ġew introdotti fl-2011 biex jippermettu lill-BĊN tal-Eurosistema jaċċettaw bħala kollateral ċerti klejms tal-kreditu li mhumiex konformi mar-regoli tal-eliġibbiltà u/jew mal-istandards tal-kwalità tal-kreditu stabbiliti fil-qafas ta’ implimentazzjoni tal-politika monetarja. Il-pakkett ta’ miżuri ta’ faċilitazzjoni tal-kollateral adottat mill-Kunsill Governattiv fis-7 ta’ April 2020 għamilha possibbli biex dawn l-oqfsa jitwessgħu aktar. L-aċċettazzjoni ta’ oqfsa tal-ACC ġodda jew imwessgħin hija suġġetta għal approvazzjoni minn qabel mill-Kunsill Governattiv. Iżjed tagħrif iddettaljat dwar l-oqfsa tal-ACC hu disponibbli fil-websajt tal-BĊE.
Infrastruttura tas-swieq u ħlasijiet
Konsultazzjoni pubblika fuq reviżjonijiet ta’ atti legali tal-BĊE dwar rekwiżiti ta’ sorveljanza għal sistemi ta’ ħlas sistemikament importanti
Fis-26 ta’ Novembru 2020 il-Kunsill Governattiv approva t-tnedija ta’ konsultazzjoni pubblika ta’ xahar dwar reviżjonijiet ta’ atti legali tal-BĊE relatati mas-sorveljanza ta’ sistemi ta’ ħlas sistemikament importanti (SIPS). L-emendi proposti għandhom l-għan li jiċċaraw il-kriterji għad-determinazzjoni tal-awtorità kompetenti għal SIPSs domestiċi (jiġifieri mhux pan-Ewropej) u SIPSs pan-Ewropej, li jintroduċu perjodu ta’ tneħħija gradwali qabel ma jerġgħu jikklassifikaw SIPS bħala mhux SIPS u jtejbu l-kriterji għad-determinazzjoni tal-importanza sistemika fid-dawl tax-xejriet tat-teknoloġija li tiżviluppa malajr u l-bdil fil-preferenzi tal-konsumatur. Kummenti fuq iI-konsultazzjoni pubblika jistgħu jintbagħtu permezz tal-websajt tal-BĊE sat-8 ta’ Jannar 2021.
Żviluppi relatati mal-istrateġija tal-ħlasijiet bl-imnut tal-Eurosistema
Il-Kunsill Governattiv reċentement approva aġġornament għall-istrateġija tal-ħlasijiet bl-imnut tal-Eurosistema. L-għan huwa biex jiġi żgurat li l-provvista ta’ servizzi ta’ ħlas l-aktar avvanzati tkun imfassla għall-ħtiġijiet tal-partijiet interessati Ewropej u li s-soluzzjonijiet ta’ ħlas bl-imnut Ewropej ikunu siguri u effiċjenti għas-soċjetà kollha kemm hi.
L-għan primarju tal-istrateġija huwa li jissaħħaħ l-iżvilupp ta’ soluzzjoni pan-Ewropea għal ħlasijiet fil-punt ta’ interazzjoni. Timmira wkoll lejn l-użu sħiħ ta’ ħlasijiet immedjati, li għandhom jiġu offruti liċ-ċittadini u n-negozji kollha fl-Ewropa taħt kundizzjonijiet attraenti. Barra minn hekk, l-Eurosistema se testendi l-ħidma tagħha fuq it-titjib tal-ħlasijiet transkonfinali lil hinn miż-żona tal-euro u l-UE, u b’hekk tgħin lin-negozji u ċ-ċittadini Ewropej jagħmlu u jirċievu ħlasijiet barra l-pajjiż. Fl-aħħar nett, l-Eurosistema se testendi l-appoġġ attiv tagħha għall-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u l-istabbiliment ta’ ekosistema Ewropea innovattiva għall-ħlasijiet, inkluż l-appoġġ għall-fintechs Ewropej.
B’mod parallel, l-Eurosistema qed tintensifika l-ħidma tagħha fuq il-ħruġ potenzjali ta’ euro diġitali. Dan, madankollu, ma jimplika l-ebda intenzjoni li jitneħħa r-rwol tas-settur privat fil-provvista ta’ servizzi ta’ ħlas. Barra minn hekk, intermedjarji privati ssorveljati jkunu fl-aħjar pożizzjoni biex jipprovdu soluzzjonijiet front-end u servizzi anċillari u biex jibnu mudelli kummerċjali ġodda bbażati fuq euro diġitali, jekk jiddaħħal tali element.
Opinjonijiet fuq leġiżlazzjoni
Opinjoni tal-BĊE dwar emendi għal-Liġi dwar il-Parlament fl-Isvezja
Fit-30 ta’ Novembru 2020 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2020/30 wara talba tal-Parlament Svediż.
Opinjoni tal-BĊE dwar kwistjonijiet tar-rati tal-kambju relatati mal-frank CFA u l-frank Komorjan
Fl-1 ta’ Diċembru 2020 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2020/31 wara talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Statistika
Rapport dwar il-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni statistika individwali miġbura mis-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali
Fl-20 ta’ Novembru 2020 il-Kunsill Governattiv ħa nota tar-rapport, li jkopri il-perjodu minn Lulju 2018 sa Diċembru 2019, dwar il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni statistika individwali miġbura mill-BĊE, assistit mill-BĊN. Id-dokument jikkonkludi li kien hemm żewġ każijiet fil-perjodu eżaminat li kellhom bżonn aktar investigazzjoni. Għalkemm ma kien hemm l-ebda impatt fiż-żewġ każijiet, bħala segwitu għall-investigazzjoni, il-proċessi ttejbu aktar. Is-sommarju tar-rapport, huwa disponibbli fuq il-websajt tal-BĊE u fuq il-websajts tal-BĊN li għażlu wkoll li jippubblikawh.
Emenda għar-regolament dwar ir-rappurtar statistiku tas-suq tal-flus
Fis-26 ta’ Novembru 2020 il-Kunsill Governattiv adotta r-Regolament BĊE/2020/58 li jemenda r-Regolament (UE) 1333/2014 (BĊE/2014/48) dwar l-istatistika tas-swieq monetarji (ir-Regolament MMSR). L-att legali li jemenda għandu l-għan li jiżgura r-rappurtar kontinwu ta’ informazzjoni statistika ta’ kuljum relatata ma’ strumenti tas-suq tal-flus fir-rigward tal-fergħat tal-aġenti tar-rappurtar li jinsabu fir-Renju Unit wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni fil-31 ta’ Diċembru 2020 previst fil-Ftehim dwar l-irtirar tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika. Ir-regolament emendat huwa disponibbli fuq EUR-Lex.
Emenda għar-regolament dwar l-istatistika tal-ħlasijiet
Fl-1 ta’ Diċembru 2020 il-Kunsill Governattiv adotta r-Regolament BĊE/2020/59 li jemenda r-Regolament (UE) 1409/2013 (BĊE/2013/43) dwar l-istatistika tal-ħlasijiet u awtorizza l-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ rispons relatata li tiġbor fil-qosor ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar dan ir-Regolament li jemenda. L-att legali li jemenda jintroduċi rekwiżiti ġodda ta’ rappurtar statistiku biex jirrifletti żviluppi fil-qasam tal-ħlasijiet li seħħew mill-2013, filwaqt li jindirizza wkoll il-ħtieġa għal statistika ta’ ħlasijiet addizzjonali sabiex jiġi żgurat li l-BĊE jwettaq b’mod effettiv il-kompiti tiegħu ta’ sorveljanza. Iż-żewġ dokumenti dalwaqt se jkunu disponibbli fuq il-websajt tal-BĊE.
Karti tal-flus
Studju fuq l-attitudnijiet dwar il-ħlas tal-konsumaturi fiż-żona tal-euro
Fis-27 ta’ Novembru 2020 l-Kunsill Governattiv ħa nota ta’ rapport imħejji mill-Kumitat tal-Karti tal-Flus (BANCO) u l-Kumitat għall-Infrastruttura u l-Ħlasijiet tas-Suq, (MIPC) tal-Eurosistema/SEBĊ dwar ir-riżultati tal-Istudju fuq l-attitudnijiet dwar il-ħlas tal-konsumaturi fiż-żona tal-euro (SPACE). L-istudju, magħmul fl-2019, jivvaluta l-użu tal-konsumaturi ta’ strumenti ta’ ħlas fi flus kontanti u mhumiex fil-livell ta’ kull pajjiż taż-żona tal-euro parteċipanti u għaż-żona tal-euro kollha u jqabbilhom, sa fejn hu possibbli, ma’ studju preċedenti tal-BĊE magħmul fl-2016 dwar l-użu tal-flus kontanti mill-unitajiet domestiċi fiż-żona tal-euro. SPACE jkopri xiri minn individwi fil-punt fiżiku tal-bejgħ (POS) u ħlasijiet minn persuna għal oħra (P2P), kif ukoll ħlasijiet magħmula mill-bogħod (jiġifieri għal xiri onlajn, ordnijiet bit-telefon u bil-posta, ħlasijiet ta’ kontijiet u ħlasijiet rikorrenti). SPACE jesplora wkoll il-fatturi li jinfluwenzaw l-attitudnijiet u l-imġiba tal-ħlas tal-individwi. Fid-dawl tal-bidliet li għaddejjin fis-settur tal-ħlasijiet u sabiex ikompli jissorvelja l-iżviluppi fl-imġiba tal-ħlas fiż-żona tal-euro, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jagħmel studji dwar l-imġiba tal-ħlas kull sentejn bil-għan li jippubblika r-rapport li jmiss sa tmiem l-2022. L-istudju SPACE tal-BĊE jinsab fil-websajt tal-BĊE.
Superviżjoni bankarja
Gwida dwar ir-riskji relatati mal-klima u ambjentali u rapport dwar l-iżvelar tar-riskji relatat mal-klima u l-ambjent tal-istituzzjonijiet
Fis-26 ta’ Novembru 2020 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jippubblika l-gwida tal-BĊE dwar ir-riskji relatati mal-klima u dawk ambjentali, wara konsultazzjoni pubblika, u rapport tal-BĊE dwar l-iżvelar ta’ istituzzjonijiet relatat mal-klima u r-riskju ambjentali. Il-gwida tispjega kif il-BĊE jistenna li l-banek jiġġestixxu b’mod prudenti u jiżvelaw b’mod trasparenti r-riskji relatati mal-klima u ambjentali taħt ir-regoli prudenzjali attwali. Min-naħa tiegħu, ir-rapport juri li l-banek għadhom lura u għandhom bżonn jagħmlu sforzi sinifikanti biex jappoġġjaw aħjar id-dikjarazzjonijiet ta’ żvelar tagħhom b’informazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva rilevanti. Iż-żewġ dokumenti huma disponibbi fuq il-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja