Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (minbarra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

April 2020

4 ta’ Mejju 2020

Politika monetarja

Żmien estiż għall-verifika tal-istrateġija tal-politika monetarja

Fit-2 ta’ April il-BĊE kkomunika deċiżjoni meħuda mill-Kunsill Governattiv biex jestendi ż-żmien għall-verifika tal-istrateġija tal-politika monetarja tiegħu minħabba li l-Eurosistema kollha trid tagħti prijorità lill-isforzi meħtieġa biex tiġi indirizzata l-pandemija tal-coronavirus (COVID-19). Għalhekk il-konklużjoni tal-verifika tal-istrateġija se tiġi posposta minn tmiem l-2020 għal nofs l-2021. Stqarrija għall-istampa relatata hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Konformità tal-banek ċentrali mal-projbizzjonijiet ta’ finanzjament monetarju u aċċess privileġġat

Fid-9 ta’ April 2020, skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFEU), li jassenja lill-BĊE l-kompitu tas-sorveljanza tal-konformità tal-banek ċentrali tal-UE mal-projbizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 123 u 124 tat-TFEU u r-Regolamenti relatati, il-Kunsill Governattiv approva r-rapport dwar il-konformità li jkopri s-sena 2019. Aktar tagħrif dwar dan jinsab f’taqsima speċifika tar-Rapport Annwali tal-BĊE 2019, li se jiġi pubblikat fil-websajt tal-BĊE fis-7 ta’ Mejju 2020.

Komunikazzjoni esterna

Rapport Annwali tal-BĊE 2019

Fis-17 ta’ April 2020, il-Kunsill Governattiv adotta r-Rapport Annwali tal-BĊE 2019 li se jiġi ppreżentat lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament Ewropew u se jkun disponibbli fil-websajt tal-BĊE fit-22 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis-7 ta’ Mejju 2020.

Operazzjonijiet tas-suq

Deċiżjonijiet li jemendaw id-Deċiżjoni (UE) 2019/1311 dwar it-tielet sensiela ta’ operazzjonijiet speċifiċi ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal

Fis-16 ta’ Marzu 2020 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni (UE) 2020/407 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2019/1311 dwar it-tielet sensiela ta’ operazzjonijiet speċifiċi ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal (TLTRO III) (BĊE/2020/13). Id-Deċiżjoni emendatorja tapplika bidliet fil-parametri tat-TLTRO III li kienu ġew deċiżi mill-Kunsill Governattiv fit-12 ta’ Marzu 2020 biex jappoġġa s-self bankarju lil dawk l-iżjed milquta mill-imxija tal-COVID-19, b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. Id-Deċiżjoni hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Fit-30 ta’ April 2020 il-Kunsill Governattiv adotta t-tieni Deċiżjoni, id-Deċiżjoni BĊE/2020/25 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2019/1311 dwar it-tielet serje ta’ operazzjonijiet speċifiċi ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal. Id-Deċiżjoni emendatorja l-ġdida tipprovdi għal aktar bidliet tekniċi fil-parametri tat-TLTRO III fir-rigward tal-limitu tas-self, ir-rata tal-imgħax applikabbli u d-data tal-bidu tal-perijodu tal-valutazzjoni tal-effiċjenza tas-self, kif speċifikat fi stqarrija għall-istampa relatata li hi disponibbli, flimkien mad-Deċiżjoni, fil-websajt tal-BĊE. Barra minn hekk il-Kunsill Governattiv approva l-pubblikazzjoni tal-kalendarju indikattiv għat-tielet serje ta’ operazzjonijiet speċifiċi ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal li dalwaqt se tkun disponibbli wkoll fil-websajt tal-BĊE.

Tnedija ta’ programm temporanju ta’ xiri waqt l-emerġenza pandemika, li jimplimenta atti legali u deċiżjonijiet dwar il-parametri operazzjonali tiegħu

Fit-18 ta’ Marzu 2020 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jniedi programm temporanju ġdid għax-xiri ta’ assi relatat ma’ titoli tas-settur privat u pubbliku f’ammont totali ta’ €750 biljun biex jilqa’ għar-riskji serji fil-konfront tal-mekkaniżmu tat-trażmissjoni tal-politika monetarja u l-prospetti għaż-żona tal-euro minħabba li faqqa’ u xtered malajr il-COVID-19. Aktar dettalji dwar dan il-programm ġdid ta’ xiri waqt l-emerġenza pandemika (PEPP) ġew komunikati sussegwentement permezz ta’ stqarrija għall-istampa li tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Fl-24 ta’ Marzu 2020, il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni (UE) 2020/440 dwar programm temporanju ta’ xiri waqt l-emerġenza pandemika (BĊE/2020/17), li jistabbilixxi l-parametri tekniċi tal-programm, u d-Deċiżjoni (UE) 2020/441 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2016/948 dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta’ xiri tas-settur korporattiv (CSPP) (BĊE/2020/18), li jespandi l-firxa ta’ assi eliġibbli taħt is-CSPP għal karti kummerċjali mhux finanzjarji, u li jirrendi l-karti kummerċjali kollha ta’ kwalità ta’ kreditu suffiċjenti biex ikunu eliġibbli għax-xiri taħt is-CSPP. Iż-żewġ Deċiżjonijiet huma disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Ri-attivazzjoni tal-ftehim swap ma’ Danmarks Nationalbank

Fl-20 ta’ Marzu 2020, il-Kunsill Governattiv approva r-ri-attivazzjoni tal-ftehim swap ma’ Danmarks Nationalbank u żieda fl-ammont pendenti massimu tiegħu minn €12-il biljun għal €24 biljun. Stqarrija għall-istampa relatata hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Frekwenza ogħla tal-operazzjonijiet ta’ sebat ijiem fid-dollaru Amerikan

Fl-20 ta’ Marzu 2020, il-Kunsill Governattiv approva t-twettiq ta’ operazzjonijiet għall-provvista ta’ likwidità f'dollari Amerikani b'maturità ta’ sebat ijiem bi frekwenza ta’ kuljum (minflok kull ġimgħa), li tibda fit-23 ta’ Marzu 2020 u tkompli sakemm ikun xieraq biex issostni l-funzjonament bla xkiel tas-swieq tal-finanzjament f'dollari Amerikani. Stqarrija għall-istampa relatata ma’ din id-deċiżjoni, koordinata mal-Bank of Canada, il-Bank of England, il-Bank of Japan, il-Federal Reserve System u s-Swiss National Bank, hi disponibbli fuq il-websajts rispettivi.

Valutazzjoni ad hoc tas-suq tal-kambjali tat-Teżor tal-Estonja

Fit-30 ta’ Marzu 2020 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jżid is-suq mhux regolat tal-kambjali tat-Teżor tal-Estonja mal-lista ta’ swieq mhux regolati aċċettati għal assi eliġibbli bħala kollateral għall-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema. Il-lista kompluta tas-swieq mhux regolati aċċettati tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Arranġament prekawzjonarju ta’ linja swap euro-kuna ma’ Hrvatska narodna banka

Fl-1 ta’ April 2020, il-Kunsill Governattiv approva l-konklużjoni ta’ arranġament prekawzjonarju ta’ linja swap euro-kuna ma’ Hrvatska narodna banka. Stqarrija għall-istampa relatata hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Miżuri temporanji għat-taffija tal-kollateral bħala rispons għall-pandemija tal-coronavirus

Fis-7 ta’ April 2020, il-Kunsill Governattiv approva pakkett komprensiv maħsub biex itaffi temporanjament ir-restrizzjonijiet tal-kollateral biex jiffaċilita d-disponibbiltà ta' kollateral eliġibbli għall-kontropartijiet tal-Eurosistema li jipparteċipaw f'operazzjonijiet għall-provvista ta’ likwidità. L-aspetti tekniċi preċiżi ta’ dan is-sett ta’ miżuri huma elenkati fid-dettall fi stqarrija għall-istampa relatata ppubblikata fil-websajt tal-BĊE. Fl-istess jum, l-atti legali ta’ implimentazzjoni ġew adottati mill-Kunsill Governattiv, jiġifieri, l-ewwel id-Deċiżjoni (UE) 2020/506 li temenda l-Linja Gwida (UE) 2015/510 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema, u l-Linja Gwida (UE) 2016/65 dwar il-haircuts applikati fl-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema, (BĊE/2020/20) u, it-tieni, il-Linja Gwida (UE) 2020/515 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2014/31dwar miżuri temporanji addizzjonali relatati ma’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral (BĊE/2020/21). Iż-żewġ atti legali jinsabu fil-websajt tal-BĊE.

Fit-22 ta’ April 2020, il-Kunsill Governattiv iddeċieda dwar aktar miżuri komplementari biex jittaffa l-impatt ta' tnaqqis possibbli tal-klassifikazzjoni fuq id-disponibbiltà tal-kollateral. Speċifikament, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jżomm, sa Settembru 2021, l-eliġibbiltà ta’ assi negozjabbli u tal-emittenti tal-assi li jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi tal-kwalità tal-kreditu fis-7 ta’ April 2020 fil-każ ta' deterjorazzjoni fil-klassifikazzjoni tal-kreditu deċiża mill-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u aċċettati fl-Eurosistema, sakemm il-klassifikazzjonijiet jibqgħu ogħla minn ċertu livell tal-kwalità tal-kreditu. Tagħrif iżjed dettaljat dwar dawn il-miżuri jinsab fi stqarrija għall-istampa relatata li hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Arranġament prekawzjonali ta’ linja swap euro-lev ma’ Българска народна банка (Bulgarian National Bank)

Fl-20 ta’ April il-Kunsill Governattiv approva l-konklużjoni ta’ arranġament prekawzjonali ta’ linja swap euro-lev ma’ Българска народна банка (Bulgarian National Bank). Stqarrija għall-istampa relatata tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Operazzjonijiet ta' rifinanzjament fuq żmien itwal waqt l-emerġenza pandemika

Fit-30 ta’ April 2020 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jmexxi serje ġdida ta’ seba’ operazzjonijiet addizzjonali ta’ rifinazjament fuq żmien itwal, imsejħa operazzjonijiet ta' rifinanzjament fuq żmien itwal waqt l-emerġenza pandemika (PELTROs). Tagħrif aktar dettaljat dwar il-modalitajiet u l-kalendarju għal dawn l-operazzjonijiet jinsab fi stqarrija għall-istampa li hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Infrastruttura tas-swieq u ħlasijiet

Ftehim bejn l-Eurosistema u Sveriges Riksbank għall-provvista ta’ servizzi tat-TARGET Instant Payment Settlement (TIPS) fi krona Svediża

Fit-2 ta 'April 2020, il-Kunsill Governattiv approva ftehim ta’ kooperazzjoni bejn l-Eurosistema u Sveriges Riksbank li joffri lill-Isvezja aċċess għas-servizz TIPS tal-Eurosistema biex tappoġġa s-servizz ta’ ħlas istantanju Svediż, RIX-INST. Tagħrif iżjed dettaljat jinsab fi stqarrija għall-istampa relatata fil-websajt tal-BĊE.

Tweġiba tas-SEBĊ għall-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni Ewropea dwar qafas tal-UE għas-swieq tal-kripto-assi

Fid-9 ta’ April 2020, il-Kunsill Governattiv approva t-tweġiba tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) għall-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni Ewropea dwar qafas tal-UE għas-swieq tal-kripto-assi, li sussegwentement ġiet sottomessa lill-Kummissjoni Ewropea, u awtorizza l-pubblikazzjoni tagħha.

Ħolqien ta’ Grupp temporanju ta' Kuntatt tas-Suq tal-Ħruġ ta' Dejn

Fil-15 ta’ April 2020, il-Kunsill Governattiv approva l-ħolqien ta’ grupp temporanju ta’ kuntatt tas-suq, il-Grupp ta’ Kuntatt tas-Suq tal-Ħruġ ta’ Dejn (DIMCG), inkarigat biex jinvestiga kwistjonijiet dwar il-ħruġ ta’ dejn u d-distribuzzjoni inizjali u l-aspetti tal-armonizzazzjoni tiegħu. Id-DIMCG se jkun grupp b’diversi partijiet interessati ma’ emittenti Ewropej (eż. il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà u l-Bank Ewropew tal-Investiment), investituri, banek ċentrali, intermedjarji u infrastrutturi tas-suq. Ir-riżultat tal-investigazzjonijiet tad-DIMCG se jiġi ppreżentat f'rapport konsultattiv lill-Eurosistema madwar 12-il xahar wara l-ewwel laqgħa tiegħu. It-Termini ta’ Referenza tad-DIMCG, li ġew approvati wkoll mill-Kunsill Governattiv, huma disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar Hrvatska narodna banka

Fit-18 ta’ Marzu 2020 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2020/8 wara talba minn Hrvatska narodna banka.

Opinjoni tal-BĊE dwar is-sorveljanza ta’ sistemi ta' ħlas u operaturi ta’ sistemi ta’ ħlas f'Ċipru

Fid-19 ta’ Marzu 2020 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2020/9 wara talba tal-Gvernatur tas-Central Bank of Cyprus.

Opinjoni tal-BĊE dwar kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u Hrvatska narodna banka (HNB) fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, u l-mandat u l-istrumenti makroprudenzjali ta’ HNB

Fil-25 ta’ Marzu 2020 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2020/10 wara talba minn Hrvatska narodna banka.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-provvista ta’ assistenza ta’ likwidtà emerġenzjali minn Lietuvos bankas

Fit-30 ta’ Marzu 2020 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2020/11 wara talba minn Lietuvos bankas.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-identifikazzjoni u r-rappurtar minn istituzzjonijiet finanzjarji tal-allokazzjoni ta' somom depożitati f'kontijiet tat-tfaddil fil-Belġju

Fis-17 ta’ April 2020 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2020/12 wara talba tas-Segretarjat tal-Kummissjoni għall-Ekonomija tal-Parlament Belġjan.

Opinjoni tal-BĊE dwar riforma ta’ Sveriges Riksbank

Fl-20 ta’ April 2020 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2020/13 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi tal-Isvezja.

Governanza korporattiva

Rakkomandazzjoni lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni ta’ Latvijas Banka

Fid-19 ta’ Marzu 2020 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2020/14 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni ta’ Latvijas Banka. Ir-Rakkomandazzjoni ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Presidenza tal-Kumitat tal-Ġestjoni tar-Riskju

Fl-1 ta’ April 2020, il-Kunsill Governattiv ħatar lis-Sur Fernando Monar Lora, Direttur tal-Ġestjoni tar-Riskju, bħala President tal-Kumitat tal-Ġestjoni tar-Riskju (RMC) b'effett immedjat u sal-31 ta’ Diċembru 2022 biex iż-żmien ikun jaqbel mat-termini tal-presidenti l-oħra kollha tal-kumitati tas-SEBĊ/Eurosistema maħtura jew maħtura mill-ġdid f’Diċembru 2019.

Sħubija fil-Kumitat tal-Verifika

Fid-29 ta’ April 2020, il-Kunsill Governattiv ħatar lis-Sur Jens Weidmann, President tad-Deutsche Bundesbank, bħala membru tal-Kumitat tal-Verifika għal terminu inizjali ta’ tliet snin, i.e. sat-30 ta’ April 2023.

Statistika

Linja Gwida li temenda l-Linja Gwida (UE) 2019/1265 dwar ir-rata tal-euro fuq żmien qasir (€STR)

Fid-19 ta’ Marzu, il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida (UE) 2020/496 li temenda l-Linja Gwida (UE) 2019/1265 dwar ir-rata tal-euro fuq żmien qasir (€STR)(BĊE/2020/15). Fl-interess tal-allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi, il-Linja Gwida emendatorja tipprovdi li l-BĊE jista’ jwettaq kompiti fir-rigward tal-proċess ta’ determinazzjoni u l-proċeduri ta’ wara l-produzzjoni f'isem il-banek ċentrali nazzjonali li għandhom biss aġent wieħed li jirrapporta li jkun residenti fl-Istat Membru tagħhom u ma joperawx pjattaforma ta’ ġbir lokali. Din tintroduċi wkoll il-possibbiltà li jintbagħtu lmenti b'mod elettroniku. Il-Linja Gwida emendatorja tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Linja Gwida dwar ir-reġistrazzjoni ta’ ċerta dejta mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali fir-Registru tad-Dejta tal-Istituzzjonijiet u l-Affiljati

Fl-20 ta’ Marzu 2020, il-Kunsill Governattiv adotta, skont l-Artikolu 6(1), (2) u (7) tar-Regolament MSU u b’konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali (NCAs), il-Linja Gwida (UE) 2020/497 dwar ir-reġistrazzjoni ta’ ċerta dejta mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali fir-Registru tad-Dejta tal-Istituzzjonijiet u l-Affiljati (RIAD) (BĊE/2020/16). L-att legali jistabbilixxi l-obbligi tal-NCAs fir-rigward tar-reġistrazzjoni, il-manutenzjoni u l-ġestjoni tal-kwalità tad-dejta referenzjali fir-RIAD, li hi s-sett ta’ dejta kondiviża tad-dejta referenzjali dwar l-unitajiet istituzzjonali legali u unitajiet oħrajn statistiċi, għall-finijiet tal-kompiti superviżorji. Il-Linja Gwida tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Rapporti tal-2019 dwar il-kwalità tad-dejta statistika

Fit-2 ta’ April 2020, il-Kunsill Governattiv approva l-pubblikazzjoni tar-rapporti tal-2019 dwar il-kwalità tal-kontijiet finanzjarji trimestrali taż-żona tal-euro u dawk nazzjonali, u dwar il-pożizzjoni tal-istatistika tal-investimenti internazzjonali. Dawn ir-rapporti, imħejjija f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kumitat tal-Istatistika tal-Eurosistema/SEBĊ, jipprovdu informazzjoni dwar il-kwalità tal-istatistika Ewropea miġbura, ikkumpilata u mxandra mill-BĊE bl-għajnuna tal-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro u huma parti mill-Qafas tal-Kwalità tal-Istatistika tal-BĊE. Ir-rapporti jinsabu fil-websajt tal-BĊE.

Komunikazzjoni tal-BĊE dwar il-ġbir ta’ informazzjoni statistika fil-kuntest tal-COVID-19

Fit-8 ta’ April 2020, il-Kunsill Governattiv approva l-pubblikazzjoni fil-websajt tal-BĊE ta’ komunikazzjoni lill-aġenti li jirrappurtaw, relatata mal-ġbir ta’ informazzjoni statistika fil-kuntest tal-COVID-19. Din il-komunikazzjoni, waqt li tisħaq fuq il-ħtieġa li dejta ta’ kwalità għolja tkun disponibbli fil-ħin, tagħmel enfasi fuq il-prontezza tal-Eurosistema li tadotta soluzzjonijiet pragmatiċi biex tappoġġa lill-aġenti li jirrappurtaw, minħabba l-isfidi konsiderevoli u diversi li l-pandemija tal-coronavirus toħloq għall-aġenti li jirrappurtaw fiż-żona tal-euro u l-Unjoni Ewropea kollha, bħall-indisponibbiltà ta’ staff, restrizzjonijiet fuq il-moviment u l-għeluq ta’ xi setturi tal-ekonomija.

Regolament dwar l-estensjoni ta’ skadenzi għar-rappurtar ta’ informazzjoni statistika

Fil-15 ta’ April 2020 il-Kunsill Governattiv adotta r-Regolament (UE) 2020/533 dwar l-estensjoni ta’ skadenzi għar-rappurtar ta’ informazzjoni statistika (BĊE/2020/23). Ir-Regolament jippermetti estensjoni tal-iskadenzi għal ċertu rappurtar ta’ informazzjoni statistika għal perijodu limitat ta’ żmien minħabba l-isfida sinifikanti li l-pandemija preżenti tal-coronavirus toħloq għall-aġenti li jirrappurtaw. Ir-Regolament hu disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Karti tal-flus

Deċiżjoni dwar proċeduri u rekwiżiti għall-akkreditazzjoni tal-manifatturi tal-karti tal-flus tal-euro

Fis-27 ta’ April 2020 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2020/24 dwar proċeduri ta’ akkreditazzjoni għal manifatturi ta’ elementi ta’ sigurtà tal-euro u elementi tal-euro (riformulazzjoni). Ir-riformulazzjoni hi fl-interessi taċ-ċertezza u ċ-ċarezza legali u tirrevoka d-Deċiżjoni BĊE/2013/54, li ġiet emendata sostanzjalment diversi drabi minn żmien l-adozzjoni tagħha fl-2013. Id-Deċiżjoni hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Superviżjoni bankarja

Aktar miżuri ta’ mitigazzjoni tas-superviżjoni biex jiġi indirizzat l-impatt negattiv tal-pandemija tal-coronavirus

Minbarra l-miżuri superviżorji meħuda fit-12 ta’ Marzu 2020 biex jiġi provdut kapital temporanju u eżenzjoni operazzjonali b’risposta għall-pandemija tal-coronavirus għall-banek taħt is-superviżjoni diretta tal-BĊE biex ikunu jistgħu jibqgħu jwettqu r-rwol tagħhom fil-finanzjament tal-ekonomija reali, tħabbret flessibbiltà addizzjonali permezz ta’ stqarrija għall-istampa pubblikata fl-20 ta’ Marzu 2020 fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE flimkien ma’ dokument ta’ Mistoqsijiet Komuni.

Wara dan, fis-26 ta’ Marzu 2020, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju biex jadotta deċiżjonijiet li jimplimentaw aktar miżuri ta’ mitigazzjoni, b'mod partikolari dawk li jipposponu b'sitt xhur għadd ta’ skadenzi għat-twettiq ta’ obbligi, rekwiżiti u/jew kundizzjonijiet elenkati fid-deċiżjonijiet tal-BĊE indirizzati lil istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tal-BĊE, li tingħata aktar flessibbiltà għal skadenzi proċedurali u jitnaqqsu jew jiġu posposti talbiet għal dejta.

Barra minn hekk, fl-1 ta’ April 2020, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju biex jibgħat ittra lill-istituzzjonijiet sinifikanti kollha b’rakkomandazzjonijiet mill-BĊE dwar kif għandu jiġi applikat l-IFRS 9 bil-għan li tittaffa l-proċikliċità potenzjali tiegħu. L-ittra tinsab fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Barra dan, fl-14 ta’ April 2020, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju biex joħroġ komunikazzjoni lill-banek dwar miżuri ta’ rappurtar superviżorju fil-kuntest tal-pandemija tal-coronavirus. Din il-komunikazzjoni, li qed issir b’appoġġ għad-dikjarazzjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea dwar ir-rappurtar superviżorju u l-pubblikazzjonijiet tal-Pilastru 3, telenka fid-dettall għadd ta’ miżuri biex jittaffa l-piż operazzjonali fuq il-banek fir-rigward tar-rappurtar. Il-komunikazzjoni tinsab fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Fl-aħħar nett, fil-15 ta’ April 2020, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju biex jipprovdi eżenzjoni addizzjonali billi jippermetti, temporanjament, rekwiżiti ta’ kapital aktar baxxi għar-riskju tas-suq. Stqarrija għall-istampa relatata ġiet pubblikata sussegwentement fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Rakkomandazzjoni dwar tqassim ta’ dividendi waqt il-pandemija tal-COVID-19 u revoka tar-Rakkomandazzjoni BĊE/2020/1

Fis-27 ta’ Marzu 2020, il-Kunsill Governattiv, fuq proposta tal-Bord Superviżorju, adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2020/19 dwar id-distribuzzjonijiet ta’ dividendi waqt il-pandemija COVID-19 u r-revoka tar-Rakkomandazzjoni BĊE/2020/1. Minħabba l-ħtieġa li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jipproteġu l-kapital biex iżommu l-kapaċità tagħhom ħalli jappoġġaw l-ekonomija, il-BĊE rrakkomanda li, tal-inqas sal-1 ta’ Ottubru 2020, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu ma jħallsux dividendi jew ma jimpenjawx ruħhom b’mod irrevokabbli biex iħallsu dividendi għas-snin finanzjarji 2019 u 2020 u ma jixtrux lura ishma maħsuba għar-remunerazzjoni tal-azzjonisti. Ir-Rakkomanazzjoni, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa relatata, tinsab fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Regolament li jemenda r-Regolament (UE) 2015/534 dwar ir-rappurtar ta' informazzjoni finanzjarja superviżorja

Fid-9 ta’ April 2020, il-Kunsill Governattiv, fuq proposta tal-Bord Superviżorju, adotta r-Regolament BĊE/2020/22 li jemenda r-Regolament (UE) 2015/534 dwar ir-rappurtar ta’ informazzjoni finanzjarja superviżorja bil-għan li jallinja dak ir-Regolament mal-aħħar verżjoni tar-Regolament Implimentattiv tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014, li ġie emendat dan l-aħħar, li rriżulta f’bidliet fil-mudelli u l-istruzzjonijiet relatati mar-rappurtar ta’ informazzjoni finanzjarja superviżorja. Ir-Regolament jinsab fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Konsultazzjoni pubblika dwar gwida tal-BĊE dwar riskji relatati mal-klima u l-ambjent

Fil-21 ta’ April 2020, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju biex iniedi konsultazzjoni pubblika dwar gwida tal-BĊE li tistabbilixxi aspettattivi superviżorji għall-ġestjoni u l-pubblikazzjoni ta’ riskji relatati mal-klima u l-ambjent. Il-materjal relatat ma’ din il-konsultazzjoni pubblika se jkun disponibbli fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE fix-xahar ta’ Mejju 2020.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja